Ugo Rondinone, Pierre Huyghe, Cristina Iglesias, Michele Oka Doner, Conrad Shawcross

‘L-Arti tal-MICAS’ – ħames snin ta’ ismijiet famużi mid-dinja tal-arti kontemporanja

Il-MICAS beda bil-kbir billi ospita artisti internazzjonali, kiseb u ssellef xogħlijiethom għall-Weekend Internazzjonali tal-Arti annwali tiegħu – hawnhekk nippreżentaw lista fil-qosor ta’ kull artist milqugħ mill-MICAS

The Radiant, ta’ Ugo Rondinone

The Radiant ta’ Ugo Rondinone tinsab fil-Ġonna ta’ Sa Maison, il-Furjana, u nkixfet bħala parti mit-tnedija kunċettwali tal-MICAS.
Il-figuri tal-ġebel tal-artist Żvizzeru huma l-aktar rappreżentazzjonijiet arketipiċi tal-forma umana: simbolu elementali tal-ispirtu uman, marbut mal-art iżda mitiku fl-immaġinazzjoni.
Il-figura tal-ġebel għal Malta, imsejħa The Radiant, tippreżenta l-figura umana fl-aktar forma elementali u arkajka, permezz ta’ materjal mill-eqdem, il-ġebla. Is-sulfat tar-ram (bluestone) jinqata’ fi blokok li jitqiegħdu waħda fuq l-oħra biex isawru l-figura umana. Il-metodi li biha nħadmet il-ġebla jibqgħu jidhru għal min qed jara l-opra u mhumiex oskurati mill-manipulazzjoni u l-ġarr li jseħħu wara. Il-ħofor, id-daqqiet, u l-qasmiet huma traċċi viżibbli tax-xogħol fil-barrieri mnejn il-blokok inqalgħu mill-art. Dan x-xogħol jippermetti lill-ġebel ikun dak li hu: tqil, aħrax u mmarkat mir-riħ u l-elementi.
Ugo Rondinone twieled fl-1965 Brunnen, l-Iżvizzera u bħalissa jgħix u jaħdem New York.
 

Exomind (Deep Water), Pierre Huyghe

Ix-xogħol Exomind (Deep Water) ta’ Pierre Huyghe nkixef fl-2019 waqt il-Weekend Internazzjonali tal-Arti tal-MICAS fl-2019 f’kollaborazzjoni mas-Serpentine Galleries ta’ Londra, u jinsab f’Wied il-Luq, fil-Ġonna tal-Buskett.
Fi ħdan l-ekosistema dinamika ta’ Wied il-Luq, kien hemm skultura ta’ figura femminili mgħammda, f’qagħda kokka. Rasha tgħattiet minn xehda naħal, b’kolonja naħal Buckfast li kienu fi proċess kontinwu ta’ tiswir u estensjoni tal-istruttura tagħhom.
Bħala skultura b’xehda naħal ħajja, dan is-sett ta’ skambji mal-flora u l-fawna ta’ madwarha, għamlu lill-Exomind xogħol bejn il-kontinwità ta’ sistemi interkonnessi ħajjin u separazzjoni.
It-tkabbir tax-xehda kien possibbli biss bħala parti mill-proċess tad-dakkir tal-fjuri fil-madwar, u għalhekk il-modifikazzjoni kostanti saret espressjoni viżibbli tat-tħabbil ta’ forma waħda, ma’ mijiet jekk mhux eluf oħrajn.
F’dan ix-xogħol, il-fehim, il-komunikazzjoni u l-għarfien, li simbolikament kollha jinsabu fil-moħħ, saru “eżomoħħ” f’formazzjoni bla tmiem, bl-elementi mħollija għal rashom biex jiddeterminaw, jew ma jiddeterminawx, l-organizzazzjoni u l-evoluzzjoni potenzjali tagħhom.
Imwieled Pariġi fl-1962 u bbażat New York, Pierre Huyghe jaħdem fuq sitwazzjonijiet li ħafna drabi huma msejsa fuq mudelli spekulattivi. L-ambjenti li joħloq huma sistemi kumplessi li fihom aġenti, bijotiċi u abijotiċi, reali u simobliċi, jorganizzaw lilhom infushom, u jevolvu flimkien f’malji dinamiċi u instabbli.

 

Cristina Iglesias, ‘Sea Cave (Entrance)’

Ix-xogħol eċċitanti Sea Cave (Entrance) tal-2020 mill-artista Spanjola Cristina Iglesias jinsab fil-Ġonna ta’ Hastings, il-Belt Valletta, imma eventwalment il-MICAS se jsir daru.
Is-saffi kumplessi tat-traċċi kulturali u tal-memorja li jiffurmaw l-pajsaġġ tal-Port ta’ Marsamxett, il-bastjun ta’ San Mikiel u l-Ġonna ta’ Hastings saru l-isfond drammatiku għas-Sea Cave (Entrance) – minn ftuħ immaġinarju għal spazju sotteranju li jesplora ġeoloġiji moħbija, interkonnessjonijiet u l-mogħdija li jieħu ż-żmien.
Ix-xogħol tal-bassoriljev fil-bronż huwa artikolat b’mod elokwenti fil-lingwaġġ skultoriku distintiv ta’ Iglesias u joħloq ambjent skultoriku profond u immersiv, permezz ta’ involviment riflessiv mal-ispazju pubbliku.
Ix-xogħol jagħti ħjiel ta’ għatba liminali – id-dħul potenzjali f’għar, bil-forma skultorika tfannad ’il isfel biex tesponi saffi stratifikati u ġeoloġija immaġinata mħaffra u battala minn ġewwa. L-isporġenzi lixxi ta’ fuq jikkuntrastaw mal-ħruġ dinamiku tas-saffi ta’ taħt li jfakkru fl-għerien max-xtut imsawra u mgħawra mill-baħar. L-ilma, li jimxi f’sekwenzi kajmana jew aktar mgħaġġla, isir l-element li jgħaqqad ix-xogħol fit-tfittxija tiegħu biex jikkatalizza impenn perċettiv u stedina miftuħa għal esperjenza kontemplattiva immersiva.
Cristina Iglesias twieldet San Sebastián, Spanja fl-1956 u bħalissa tgħix u taħdem Madrid. Matul il-karriera tagħha, Iglesias iddefinixxiet vokabolarju skultoriku uniku, ħolqot ambjenti immersivi u sperimentali li jirreferu lejn u jgħaqqdu l-artikitettura, il-letteratura u influwenzi kulturali speċifiċi għas-sit.

 

The Palm Goddess for Malta, ritratt ta’ Anders Overgaard

Fl-2022, il-MICAS ospita lil Michele Oka Doner, artista famuża internazzjonalment, li x-xogħol tagħha Palm Goddess for Malta ħaddan it-tradizzjoni figurattiva tal-imgħoddi tal-qedem bi skultura mnebbħa mill-weraq monumentali tal-Phoenix dactylifera, palma li tinstab fil-Gżejjer Maltin.
Il-forma umana f’Malta tal-qedem ilha ċċelebrata bħala patrimonju dinji sa mill-ewwel referenzi storiċi għall-arti. L-użu ta’ dil-figura jmur lura anki għal qabel il-bini tat-tempji, tant kemm hija vitali l-forma umana għall-kultura tal-gżira.
Din il-forma astratta iżda definittivament femminili hija twila madwar erba’ metri, figura tielgħa ’l fuq miżmuma fil-għoli minn “zokk” ta’ madwar żewġ metri li jissimbolizza t-tkabbir mill-ħamrija Maltija. Bħalma l-biċċa kbira tas-sejbiet arkeoloġiċi jirrappreżentaw xi forma ta’ alla, xi ħaġa sagra, The Palm Goddess for Malta tinkarna l-aspirazzjoni umana u x-xewqa li  togħla u titmexxa ’l quddiem mill-espressjoni kreattiva.
L-iskultura hija fonduta fil-bronż u ppatinata ħadra. Il-mottiv tal-palm tagħha ta lill-pjazza quddiem il-parlament dehra mill-isbaħ u eterna.
Michele Oka Doner hija artista rinomata internazzjonali b’karriera mifruxa fuq ħames deċennji. Imwielda u mrobbija f’Miami, għandha studio u residenza f’Soho, New York.

 

The Dappled Light of the Sun (Formation 1)

L-artist famuż Brittaniku Conrad Shawcross (m. 1977) kien wieħed mill-ewwel artisti li żar Malta bħala mistieden tal-MICAS, u immedjatament ħass rabta mal-istorja u l-ġeografija ta’ Malta, ispira ruħu mill-pożizzjoni tas-sit tal-MICAS, l-istorja tiegħu, il-qrubija lejn il-baħar u l-marina, u l-veduti li jippermetti mill-pożizzjoni għolja tiegħu.
Fl-2023, il-MICAS ħadem mill-qrib ma’ Shawcross biex jikkura wirja tax-xogħlijiet tiegħu madwar is-sit tal-MICAS, li issa jinsab fl-aħħar stadji tal-bini tiegħu.
The Dappled Light of the Sun (Formation I) inkisbet mill-MICAS bħala parti mill-kollezzjoni permanenti tiegħu. Din inħolqot fl-2015 minn azzar mikul u ntweriet għall-ewwel darba f’Londra. Oriġinarjament kienet esebita bħala sett ta’ ħames sħabiet uniċi mpoġġija bħala kanupew enormi fil-bitħa tar-Royal Academy of Arts. Illum, ix-xogħlijiet li akkumpanjawha kollha jinsabu f’kollezzjonijiet internazzjonali.
L-iskultura hija magħmula minn struttura kbira bħal sħaba fl-arja, permezz ta’ eluf ta’ tetraedroni bboltjati mwieżna minn sett ta’ tliet tripods. B’għoli ta’ kważi ħames metri, l-iskala monumentali tagħha tippermetti lill-iskultura tkun immersiva, u tinkoraġġixxi lill-viżitaturi biex jimxu taħtha u madwarha, waqt li jesperjenzaw id-disinni dejjem jinbidlu permezz tad-dawl imdellel li għaddej mill-kanupew kumpless u ġeometriku. Ix-xogħol jinkorpora l-affaxxinazzjoni profonda tal-artist għat-teorija matematika, kif ukoll l-involviment tiegħu mad-dinja naturali.


MICAS Beacons, ta’ Conrad Shawcross

Ix-xogħol MICAS Beacons, 2023 huwa trittiku ambizzjuż ġdid mibni speċifikament għall-opramorti storiċi antiki tal-Bastjun La Vittoria. B’tul ta’ seba’ metri u nofs, kull arblu jżomm par ta’ diski semaforiċi jduru kontra xulxin, kull waħda b’dijametru ta’ kważi erba’ metri.
Dawn l-iskulturi monumentali u strutturalment kumplessi, iffabbrikati bl-istainless steel u l-azzar galvanizat, għall-ewwel jidhru daqslikieku xi forma ta’ apparat militari jew xi sistema ta’ twissija bikrija, imma jesprimu wkoll il-personalità ta’ ġugarell. Shawcross żar is-sit tal-MICAS diversi drabi matul is-snin u sab ispirazzjoni kbira mill-gżira.
It-tlieta li huma jħarsu fuq il-port ta’ Marsamxett, u b’rispett lejn il-lokazzjoni navali u l-istorja rikka marittima tiegħu, Shawcross ra li jpoġġi dawn ix-xogħlijiet maġenb u fi qbil ma’ wħud mill-elementi li ppersistew tal-armamenti difensivi tal-imgħoddi.
L-affaxxinazzjoni tal-artist għall-moviment u l-inġinerija tinkixef f’dawn ix-xogħlijiet ambizzjużi. Sistema mekkanika interna tħaddem il-kontrorotazzjoni tad-diski ottiċi semaforiċi. Bħal fil-każ tat-twieqi b’disinn u mlewna, id-diski huma attivati mid-dawl tax-xemx u s-sema, li jiġi ffiltrat permezz ta’ disinn ta’ mijiet ta’ eluf ta’ toqob uniċi. Il-kuluri allegri u jgħajtu jużaw bnadar marittimi li jiżvelaw messaġġ permezz ta’ kodiċi semaforiċi, li se jidhru madwar il-bajja u fuq il-baħar lil hinn. Simili għal sistemi ta’ twissija tal-kosta, it-tliet diski jlissnu l-kelma NOW, prekursur għal dak li qed jiżvolġi u li se jseħħ fis-sit il-ġdid tal-MICAS.
Slow Arc within a Cube (I, VI, VII, XI, XIII, XIV), Patterns of Absence, Limit of Everything, u Paradigm Vex (Slender) huwa sett ta’ xogħlijiet relatati esebiti fis-serje ta’ kmamar b’soqfa fil-pjan tas-swar tal-fortifikazzjoni, fejn jinsabu l-MICAS Beacons. Installati f’ordni kronoloġika bil-maqlub, din hija l-akbar wirja minn dawn il-wirjiet bid-dawl minn Shawcross sa issa, u jikxfu l-approċċ esperimentali li l-artist jieħu biex jesplora kunċetti bħala huma ż-żmien, l-ispazju, u l-perċezzjoni umana.
Dawn l-istess kmamar fejn din is-serje ta’ xogħlijiet qed tintwera tfasslu bħala spazji ta’ residenza għall-artisti. L-eżekuzzjoni ta’ dan se sseħħ fil-fażi li jmiss ta’ żvilupp tas-sit tal-MICAS.
Skip to content