Cristina Iglesias, Sea Cave (Entrance), 2021. Midjum: bronż, ilma, mekkaniżmi idrawliċi u ż-żmien, pajsaġġ Malti msawwar minn ħamrija, blatiet tal-franka u flora Mediterranja. Post: il-Ġnien ta’ Hastings, il-Belt Valletta, Malta. Ħajr għar-ritratt lil Malta International Contemporary Art Space (MICAS). Ritratt ta’ Daniel Cilia.
L-Esperjenza Ta’ Sea Cave(Entrance)

Kliem Sixtine Catrice, staġista l-MICAS

Meta wasalt fil-Ġnien ta’ Hastings, ma rajthiex minnufih u għall-ewwel inġbidt mill-veduta fuq il-Port ta’ Marsamxett. Smajtha biss, fil-bidu, u staqsejt lili nnifsi minn fejn kien ġej il-ħoss tal-ilma jgelgel. F’daqqa waħda, jien u miexja biex nara aħjar il-pajsaġġ ta’ taħti, għajnejja waqfu fuq bassoriljev tal-bronż imfannad fl-art. Din kienet Sea Cave (Entrance), l-iskultura speċifika għas-sit realizzata mill-artista Spanjola Cristina Iglesias u kkummissjonata apposta għat-tielet edizzjoni tal-MICAS International Art Weekend fl-2021.

L-ewwel ħsieb li ġieni f’moħħi kien li ma kien hemm l-ebda ostaklu bejni u x-xogħol. Ġibidni lejh, u għalhekk qrobt biex narah aktar mill-qrib. Intrigani l-mod kif l-iskultura tidħol fil-pajsaġġ tal-ġonna. L-ilma li jimxi lejn il-fond tal-iskultura tawni s-sensazzjoni li kien qed jegħreq ’il bogħod’ il bogħod taħt l-art. Jista’ jkun li Sea Cave (Entrance) tnixxi sal-baħar li jdawwar il-gżejjer Maltin? L-ilma li għall-ewwel iżżerżaq bil-mod tul il-ħofor mal-ħitan tad-daħla li qisha ta’ għar beda jnixxi dejjem aktar, u ħoloq nixxigħat ġodda joforgħu sakemm jieqfu waqfu għal kollox. Dak li baqa’ kien l-eku dgħajjef tal-ilma għaddej fil-fond.

Il-melodija tax-xogħol, tinbidel skont ir-ritmu differenti tal-ilma ġieri, kienet qed twassal għal atmosfera paċifika, u kienet qed tgħaqqadni maż-żmien għaddej jien u nifli l-iskultura. Dan is-sentiment kien wieħed rikorrenti waqt li kont qed nesperjenza ix-xogħol ta’ Iglesias, fejn l-ilma jimxi b’mod mhux kontinwu bħala mod poetiku biex l-arti tagħha tiġi konnessa mal-mogħdija taż-żmien. Fi kliem l-artist: “L-użu tal-ilma jagħmel il-ħin u ż-żmien aktar viżibbli, aktar preżenti. L-użu tal-ħin u kif tista’ taħdem miegħu anke f’termini mużikali, is-sekwenzi li tista’ toħloq, il-ħsejjes tiegħu — jien interessata li ndaħħal il-perċezzjoni tiegħu kollha fix-xogħol.” [1]

Minn dak il-mument ’il quddiem, għajnejja nġibdu lejn l-għerien u ssaħħart mill-mod kif din id-daħla ħolqot awra sigrieta madwar dik li kien mistur fil-fond. Anki waqt li qiegħda nara kull parti tal-iskultura minn angoli differenti, ma stajtx insib il-qalba tal-bassoriljev. Kemm kien fond? In-naħa ta’ taħt tax-xogħol dehret qrib u ’l bogħod fl-istess ħin. Possibbli li ż-żewġ partijiet tax-xogħol kienu konnessi ma’ netwerk taħt l-art ta’ għerien u kurituri ħafna akbar milli tista’ timmaġina, anke jekk jasal sal-baħar? Billi tiffoka fuq il-“konnessjonijiet bejn l-ispazji”[2] u tissuġġerixxi postijiet moħbija, Cristina Iglesias għandha l-kapaċità li toħloq “postijiet immaġinati”, filwaqt li tistedinna nsiru konxji tal-ambjent ta’ madwarna.

Sea Cave (Entrance) hija wirja li bħalissa hija aċċessibbli għall-pubbliku fil-Ġnien ta’ Hastings, il-Belt Valletta, mit-Tnejn sal-Ħadd, 7.00–19.00. Eventwalment se tiġi rilokata għall-Ġnien tal-Iskultura tal-MICAS.

 

[1] Iglesias, Cristina. 2021. “Cristina Iglesias in Conversation with Iwona Blazwick”. Liquid Sculpture, The Public Art of Cristina Iglesias. Hatje Cantz.

[2] Iglesias, Cristina. 2021. “Interview with Cristina Iglesias”. MICAS Channel.

Share

© Malta International Contemporary Art Space 2024

Skip to content