Exomind, 2017. Konkos fondut b’doqqajsa, kolonja tan-naħal, siġra tal-larinġ (Daidai), siġra tal-għajnbaqar (minn Tobiume), pjanti, ramel, ġebel, qattusa tal-madonna, nemel, brimba, farfett, għadira tal-konkos bil-ġilji tal-ilma (minn Giverny), axolotl u insetti. Ritratt: Ichikawa u Kei Maeda. Korteżija tal-artist; Taro Nasu, Tokjo; Il-Mużew Nazzjonali tal-Arti Moderna, Tokjo; u d-Dazaifu Tengdu Shrine.

Exomind (Deep Water) Ta’ Pierre Huyghe Minn Hans Ulrich Obrist

Pierre Huyghe huwa wieħed mill-artisti l-aktar importanti li qed jaħdmu llum. Il-ħidma tiegħu qajmet mistoqsijiet dwar kważi kull aspett tal-ħolqien tal-arti u l-modi kif din titħabbel u tintiseġ mat-tfassil tal-wirjiet u ma’ kif tinbena l-istorja tal-arti. Dawk li jiltaqgħu max-xogħol tiegħu huma mogħtija indikazzjonijiet, tħeġġiġ u ħjilijiet biex isegwu l-ħsibijiet tiegħu jew jibdew il-perċezzjonijiet kontemplattivi tagħhom stess dwar id-dinja. Matul l-aħħar deċennju, il-prattika ta’ Huyghe għaddiet minn proċess ta’ migrazzjoni, dieħla u ħierġa mill-kuntesti u t-temporalitajiet tradizzjonali tal-arti, tidher barra minnhom daqskemm fihom. Fiż-żewġ tipi ta’ spazju, madankollu, Huyghe sab modi kif il-viżitaturi umani jinġiebu f’sett ta’ sistemi li jinkludu komunitajiet bijoloġiċi kif ukoll teknoloġiji, li jittrasformaw il-wirjiet li normalment ikunu statiċi f’organiżmi ħajjin. Dak li Huyghe jgħaqqad flimkien jista’ jkun passiv jew attiv, ipprogrammat jew awtoġenerattiv, iżda dak li jistga’ jikber jew jinbidel jitħalla jagħmel dan mingħajr aktar intervent mill-artist jew kontroll fuqu. Flimkien, il-ġabra tal-komponenti jiffurmaw pajżaġġ dinamiku u nnetwerkjat  fejn l-aġenti kollha, ħajjin jew le, ikollhom il-kapaċità li jaffettwaw lil xulxin, irrispettivament minn jekk ikunux qed jagħmlu dan b’mod konxju.

Exomind (Deep Water), 2017, issa tista’ tiġi skoperta fil-ġonna tal-Palazz Verdala, u hija parti minn grupp ta’ xogħlijiet żviluppati minn Huyghe fl-aħħar deċennju li jduru madwar mistoqsijiet li issa huma urġenti fl-iżvilupp tal-Intelliġenza Artifiċjali u r-relazzjoni umana magħha, kif ukoll postna fid-dinja: kemm aħna mxebilkin fl-inħawi ta’ madwarna? Nistgħu, jew għandna nikkunsidraw ukoll il-proċessi tal-ħsieb u l-esperjenzi tagħna bħala separati mill-ambjent tagħna? Bħal f’eżempji oħra tal-prattika ta’ Huyghe, dan ix-xogħol għandu l-kapaċità li jikber u jinbidel lil hinn mill-kontroll tal-artist. Dan jagħtina l-opportunità li nirriflettu fuq il-post tagħna fl-ekosistemi kumplessi tad-dinja b’mod li jista’ jagħti lok għal ripożizzjonament li ma jibqax aktar antropoċentriku. 

Exomind (Deep Water) ta’ Pierre Huyghe se tinkixef matul il-Ġimgħa Internazzjonali tal-Arti tal-MICAS u qed tiġi organizzata f’kollaborazzjoni mas-Serpentine Galleries, Londra, ir-Renju Unit.

Hans Ulrich Obrist portrait by Kate berry. Courtesy of Hans Ulrich Obrist.
Hans Ulrich Obrist
 
Hans Ulrich Obrist (twieled fl-1968, Zurich, l-Iżvizzera) huwa Direttur Artistiku tas-Serpentine Galleries, Londra. Qabel dan, kien il-Kuratur tal-Musée d’Art Moderne de la Ville de Paris. Mill-ewwel wirja tiegħu “World Soup” (The Kitchen Show) fl-1991, kellu aktar minn 300 wirja. Fl-2014 ikkura l-Padiljun Żvizzeru fl-14-il Biennale Internazzjonali tal-Arkitettura ta’ Venezja, fejn ippreżenta lil Lucius Burckhardt u Cedric Pricing — A stroll through a fun palace; il-bini ġie ddisinjat mill-arkitetti Herzog & de Meuron, u l-programm ġie żviluppat mal-artisti Liam Gilack, Philippe Parreno, Tino Sehgal u Dominique Gonzalez-Foerster. Il-proġett Art of Handwriting ta’ Obrist għaddej bħalissa fuq Instagram (https://www.instagram.com/hansulrichobrist/) u huwa protesta kontra l-għibien tal-kalligrafija fl-era diġitali. 
 
Fl-2013, Obrist waqqaf 89plus flimkien ma’ Simon Castets. Dan hu proġett ta’ pjattaforma ta’ riċerka, maħsub bħala mmappjar tal-ġenerazzjoni diġitalment nattiva li twieldet fl-1989 u wara. Fl-2011, irċieva s-CCS Bard Aaward for Curatorial Excellence, fl-2009 sar Fellow Onorarju tar-Royal Institute of British Architects (RIBA), u fl-2015 irċieva l-International Folkwang Prize għall-impenn tiegħu fl-arti. Obrist illekċerja internazzjonalment f’istituzzjonijiet akkademiċi u tal-arti, u huwa editur kontribwenti ta’ diversi rivisti. Il-pubblikazzjonijiet riċenti ta’ Obrist jinkludu Mondialité, Conversations in Mexico, Conversations in Colombia, Ways of Curating, The Age of Earthquakes with Douglas Coupland and Shumon Basar, u Lives of The Artists, Lives of The Architects.

© Malta International Contemporary Art Space 2024

Skip to content