Amministratur fil-Qasam tar-Retail Part Time

Espressjoni ta' Interess

Sejħa għal Espressjoni ta’ Interess għall-Pożizzjoni ta’ Amministratur fil-Qasam tar-Retail fuq bażi Part-Time fi ħdan il-Malta International Contemporary Art Space (MICAS)

Il-MICAS qed ifittex persuna dinamika u b’esperjenza li taqdi l-irwol ta’ Amministratur fil-Qasam tar-Retail fuq bażi part-time biex taħdem mill-qrib mat-tim tal-MICAS u twettaq il-viżjoni u l-missjoni tal-mużew.

 

L-Isfond

Il-MICAS irid isaħħaħ l-infrastruttura kulturali ta’ Malta billi jipprovdi pjattaforma għall-arti kontemporanja u l-internazzjonalizzazzjoni.

Il-MICAS mhuwiex biss vetrina għall-artisti kontemporanji lokali imma wkoll jikkollabora ma’ istituzzjonijiet internazzjonali biex jippreżenta xogħlijiet innovattivi ta’ artisti rinomati minn madwar id-dinja. Il-MICAS għandu l-għan li jenerġizza pożittivament l-ekoloġija kulturali ta’ Malta u jħalli impatt fuq ir-reġjun usa’ Ewro-Mediterranju.

Il-missjoni tal-MICAS hija li jippromwovi l-arti kontemporanja billi joħloq kuxjenza pubblika lejn is-sinifikat tal-arti viżiva fuq il-ħajja kontemporanja, u billi jpoġġi fuq quddiem nett il-mod kif l-arti u l-artisti jikkontribwixxu għal kif niżnu u ninterpretaw id-dinja li ngħixu fiha.

Il-MICAS huwa proġett ta’ legat infrastrutturali mill-Gvern ta’ Malta għas-settur tal-Kultura u l-Arti.

 

Is-Servizzi Meħtieġa

Il-persuna li taqdi dan l-irwol tirrapporta lill-Maniġer tar-Retail, il-Kontrollur Finanzjarju u l-Kap Eżekuttiv u tintalab tgħin lill-Maniġer tar-Retail fil-ħanut tal-MICAS, taqdi lill-klijenti, tieħu ħsieb il-merkanzija, tipproċessa t-traniżizzjonijiet ta’ bejgħ, issegwi l-imġiba tal-persuni fil-ħanut, u ssolvi l-kwistjonijiet tal-klijenti.

 

Ir-Responsabbiltajiet Ewlenin

  • Punt ta’ kuntatt ewlieni għall-klijenti fil-ħanut tal-MICAS.
  • Qadi lill-klijenti bi tweġibiet għall-mistoqsijiet tagħhom, iċċekkjar tad-disponibbiltà tal-istokk, u proċessar tax-xiri tagħhom.
  • Trattament tal-ilmenti tal-klijenti, il-prodotti li jinġiebu lura mill-klijenti, u kwalunkwe kwistjoni li tista’ tinqala’ bi mġiba professjonali.
  • Tħaddim tal-cash register u kwalunkwe teknoloġija marbuta mas-sistema tal-POS (pererżempju l-kompjuter jew it-tablet tal-kumpanija, fost oħrajn).
  • Tgħarrif lill-klijenti dwar promozzjonijiet speċjali biex jiġu xprunati jixtru l-prodotti u s-servizzi tal-MICAS.
  • Żgurar li l-ħanut huwa nadif, ordnat, u organizzat il-ħin kollu.
  • Sorveljar tal-livell tal-istokk tal-kumpanija u ristokkjar meta jkun neċessarju, jew komunikazzjoni mal-Maniġer tar-Retail meta xi prodott ma jkunx disponibbli.
  • Qadi ta’ dmirijiet marbuta mal-istokk, fosthom ritornar, ippakkjar, u tikettar fuq prodotti tal-istokk.
  • Qadi ta’ dmirijiet ta’ rendikontar marbutin mal-istokk perjodikament kif meħtieġ u mitlub mill-Maniġer tar-Retail.
  • Qadi ta’ dmirijiet addizzjonali kif mitlub(a) mill-Kontrollur Finanzjarju, il-Maniġer tar-Retail u l-Kap Eżekuttiv.

 

Il-Ħinijiet tax-Xogħol

Il-persuna magħżula tkopri x-xifts tal-persuni li jaqdu l-irwol ta’ Amministratur tar-Retail meta jkunu bil-liv tagħhom jew minħabba mard. Il-massimu huwa 20 siegħa fil-ġimgħa, u dawn jistgħu jkunu filgħaxijiet, matul tmiem il-ġimgħa jew fi btajjel pubbliċi.

 

Il-Ħiliet u r-Rekwiżiti

Sad-data u l-ħin ta’ skadenza ta’ din l-espressjoni ta’ interess, il-kandidati jrid ikollhom:

–  Kwalifika rikonoxxuta fil-Livell 3 tal-MQF fil-Matematika, il-Malti, u l-Ingliż JEW tliet snin esperjenza f’uffiċċju jew bħala kaxxier(a).

–  Kondotta tal-pulizija nadifa.

–  Ħiliet interpersonali, organizzattivi, ta’ preżentazzjoni u komunikazzjoni (permezz ta’ kitba u orali bil-Malti u l-Ingliż) żviluppati tajjeb u ħiliet ta’ trattament tajjeb tal-klijenti.

–  Għarfien ta’ prattiċi/proċeduri ġenerali ta’ uffiċċju u metodi bażiċi ta’ kontabbiltà għall-ġestjoni ta’ kuljum tal-flus tal-ħanut tal-MICAS.

–  Ħila ta’ ħidma indipendenti jew bħala membru f’tim vis-à-vis id-dmirijiet assenjati b’superviżjoni minima.

–  Rieda ta’ ħidma f’ħinijiet irregolari, fi tmiem il-ġimgħa u fi btajjel pubbliċi fuq bażi ta’ xift. 

–  Profiċenzja fil-Microsoft Office Suite (Word, Excel, Outlook) u familjarità ma’ software marbut mal-ġestjoni tar-retail.

 

Kuntratt għat-Termini tas-Servizz

Il-ħlas huwa ta’ €10.13 fis-siegħa, il-VAT eskluża. Il-ħlas għall-Ħdud u l-btajjel pubbliċi huwa ta’ €20.26 fis-siegħa.

Il-ħlas għall-Entity Class Allowance huwa ta’ €0.17 fis-siegħa u dak għax-Shift Allowance huwa ta’ €0.63 fis-siegħa.

 

Kuntratt: Dan huwa ‘Kuntratt għal Servizz’ ta’ tliet (3) snin bil-possibbiltà li jiġġedded għal sena waħda (1) oħra.

 

Il-Ħinijiet tax-Xogħol: Dan l-irwol huwa fuq bażi part-time biex tibdel il-persuna li għandha l-irwol ta’ Amministratur fir-Retail meta tkun bil-liv tagħha jew minħabba mard. Sigħat oħra addizzjonali jistgħu jkunu neċessarji speċjalment waqt avvenimenti tal-MICAS. Ir-responsabbiltajiet u l-interazzjonijiet meħtieġa għal din il-pożizzjoni mhumiex kompatibbli ma’ xogħol minn distanza.

L-applikanti eliġibbli se jintalbu jattendu għal intervista biex tiġi vvalutata l-adegwatezza tagħhom għal dawn id-dmirijiet.

 

Il-kwalifiċi u l-esperjenza jridu jiġu sostnuti b’ċertifikati u/jew testimonjanzi, u kopji tagħhom iridu jinhemżu mal-applikazzjoni. Iċ-ċertifikati oriġinali u/jew testimonjanzi għandhom jiġu ppreżentati għal verifikazzjoni waqt l-intervista.

Ir-riżultati tal-proċess tal-għażla se jiġu ppubblikati u mwaħħla mal-avviżiera tal-MICAS.

 

L-applikanti interessati għandhom jibgħatu email indirizzata lil people.micas@micas.art u fihom jehmżu Curriculum Vitae, kopja taċ-ċertifikati, portafoll, u ittra li fiha jelenkaw kif il-ħiliet u l-esperjenza tagħhom jagħmluhom denji għal dan l-irwol.

Id-data ta’ skadenza għall-applikazzjonijiet:  6 ta’ Settembru 2026.

Applikazzjonijiet li jaslu wara d-data u l-ħin ta’ skadenza ma jiġux ipproċessati.

L-applikanti jingħataw sa jumejn (2) ta’ ħidma wara d-data ta’ skadenza jew jumejn (2) ta’ ħidma wara d-data ta’ notifikazzjoni, liema waħda tkun l-aħħar, biex iressqu kwalunkwe dokument inkorrett, mhux sħiħ, jew nieqes.

 

Skip to content