The Palm Goddess for Malta, ritratt ta’ Anders Overgaard
Fl-2022, il-MICAS ospita lil Michele Oka Doner, artista famuża internazzjonalment, li x-xogħol tagħha Palm Goddess for Malta ħaddan it-tradizzjoni figurattiva tal-imgħoddi tal-qedem bi skultura mnebbħa mill-weraq monumentali tal-Phoenix dactylifera, palma li tinstab fil-Gżejjer Maltin.
Il-forma umana f’Malta tal-qedem ilha ċċelebrata bħala patrimonju dinji sa mill-ewwel referenzi storiċi għall-arti. L-użu ta’ dil-figura jmur lura anki għal qabel il-bini tat-tempji, tant kemm hija vitali l-forma umana għall-kultura tal-gżira.
Din il-forma astratta iżda definittivament femminili hija twila madwar erba’ metri, figura tielgħa ’l fuq miżmuma fil-għoli minn “zokk” ta’ madwar żewġ metri li jissimbolizza t-tkabbir mill-ħamrija Maltija. Bħalma l-biċċa kbira tas-sejbiet arkeoloġiċi jirrappreżentaw xi forma ta’ alla, xi ħaġa sagra, The Palm Goddess for Malta tinkarna l-aspirazzjoni umana u x-xewqa li togħla u titmexxa ’l quddiem mill-espressjoni kreattiva.
L-iskultura hija fonduta fil-bronż u ppatinata ħadra. Il-mottiv tal-palm tagħha ta lill-pjazza quddiem il-parlament dehra mill-isbaħ u eterna.
Michele Oka Doner hija artista rinomata internazzjonali b’karriera mifruxa fuq ħames deċennji. Imwielda u mrobbija f’Miami, għandha studio u residenza f’Soho, New York.
The Dappled Light of the Sun (Formation 1)
L-artist famuż Brittaniku Conrad Shawcross (m. 1977) kien wieħed mill-ewwel artisti li żar Malta bħala mistieden tal-MICAS, u immedjatament ħass rabta mal-istorja u l-ġeografija ta’ Malta, ispira ruħu mill-pożizzjoni tas-sit tal-MICAS, l-istorja tiegħu, il-qrubija lejn il-baħar u l-marina, u l-veduti li jippermetti mill-pożizzjoni għolja tiegħu.
Fl-2023, il-MICAS ħadem mill-qrib ma’ Shawcross biex jikkura wirja tax-xogħlijiet tiegħu madwar is-sit tal-MICAS, li issa jinsab fl-aħħar stadji tal-bini tiegħu.
The Dappled Light of the Sun (Formation I) inkisbet mill-MICAS bħala parti mill-kollezzjoni permanenti tiegħu. Din inħolqot fl-2015 minn azzar mikul u ntweriet għall-ewwel darba f’Londra. Oriġinarjament kienet esebita bħala sett ta’ ħames sħabiet uniċi mpoġġija bħala kanupew enormi fil-bitħa tar-Royal Academy of Arts. Illum, ix-xogħlijiet li akkumpanjawha kollha jinsabu f’kollezzjonijiet internazzjonali.
L-iskultura hija magħmula minn struttura kbira bħal sħaba fl-arja, permezz ta’ eluf ta’ tetraedroni bboltjati mwieżna minn sett ta’ tliet tripods. B’għoli ta’ kważi ħames metri, l-iskala monumentali tagħha tippermetti lill-iskultura tkun immersiva, u tinkoraġġixxi lill-viżitaturi biex jimxu taħtha u madwarha, waqt li jesperjenzaw id-disinni dejjem jinbidlu permezz tad-dawl imdellel li għaddej mill-kanupew kumpless u ġeometriku. Ix-xogħol jinkorpora l-affaxxinazzjoni profonda tal-artist għat-teorija matematika, kif ukoll l-involviment tiegħu mad-dinja naturali.
MICAS Beacons, ta’ Conrad Shawcross