Sejħa għal Espressjoni ta’ Interess għall-Kariga ta’ Skrivan/a fil-Qasam tar-Retail fuq bażi Part-Time fi ħdan il-Malta International Contemporary Art Space (MICAS)
Il-MICAS qed ifittex Skrivan/a fil-Qasam tar-Retail fuq bażi part-time dinamiku/a u b’esperjenza biex j/taħdem mill-qrib u j/twettaq il-viżjoni u l-missjoni tal-MICAS.
L-Isfond
Il-Malta International Contemporary Art Space (MICAS) irid isaħħaħ l-infrastruttura kulturali ta’ Malta billi jipprovdi pjattaforma għall-arti kontemporanja u l-internazzjonalizzazzjoni. Malta se tkun qed tieħu pass importanti ’l quddiem meta jiġi varat dan l-ispazju, u se ssir protagonista proattiva tad-dinja tal-arti kontemporanja.
Il-MICAS mistenni jiftaħ fil-ħarifa tal-2024. Il-MICAS mhux biss se jkun vetrina għall-artisti kontemporanji lokali iżda se jikkollabora wkoll ma’ istituzzjonijiet internazzjonali madwar id-dinja biex jippreżenta xogħlijiet rivoluzzjonarji minn artisti prestiġġjużi minn madwar id-dinja.
Il-MICAS għandu l-għan li jenerġizza pożittivament l-ekoloġija kulturali ta’ Malta u jħalli impatt fuq ir-reġjun Ewro-Mediterranju li huwa jgħix fih. Il-missjoni tal-MICAS hija li jippromwovi l-arti kontemporanja billi joħloq kuxjenza pubblika lejn is-sinifikat tal-arti viżiva fuq il-ħajja kontemporanja, u billi jpoġġi fuq quddiem nett il-mod kif l-arti u l-artisti jikkontribwixxu għal kif niżnu u ninterpretaw id-dinja li ngħixu fiha. Il-MICAS huwa proġett ta’ legat infrastrutturali mill-Gvern ta’ Malta għas-settur tal-Kultura u l-Arti.
Is-Servizzi Meħtieġa
Il-persuna magħżula se tirrapporta lill-Maniġer tar-Retail, il-Kontrollur Finanzjarju u l-Kap Eżekuttiv. Teħtieġ ukoll tgħin lill-Maniġer tar-Retail fil-ħanut tal-MICAS, taqdi lill-klijenti, torganizza l-merkanzija u tipproċessa tranżazzjonijiet ta’ bejgħ; issegwi l-imġiba tal-klijenti fil-ħanut kif ukoll issolvi d-diffikultajiet tal-klijenti.
Ir-Responsabbiltajiet Ewlenin
– I/Tkun il-punt ta’ kuntatt ewlieni għall-klijenti fil-ħanut tal-MICAS.
– J/Taqdi lill-klijenti billi j/twieġeb għall-mistoqsijiet tagħhom, j/tiċċekkja d-disponibbiltà tal-istokk, u j/tipproċessa x-xiri tagħhom.
– J/Tieħu ħsieb l-ilmenti tal-klijenti, il-prodotti li jinġiebu lura mill-klijenti, u kwalunkwe kwistjoni oħra li tista’ tinqala’ bi mġiba professjonali.
– I/Tħaddem il-cash register u kwalunkwe teknoloġija marbuta mas-sistema tal-POS (pereżempju, il-kompjuter jew tablet tal-kumpanija, eċċ.).
– J/Tgħarraf lill-klijenti dwar promozzjonijiet speċjali biex j/tinkuraġġihom jixtru prodotti jew servizzi tal-ħanut tal-MICAS.
– J/Tiżgura li l-ħanut tal-MICAS huwa nadif, ordnat, u organizzat il-ħin kollu.
– J/Tissorvelja l-livell ta’ stokk tal-kumpanija, u j/tirristokkja meta neċessarju jew j/tinforma lill-Maniġer tar-Retail dwar kwalunkwe prodott mhux dispobibbli.
– J/Taqdi dmirijiet marbutin mal-istokk, fosthom ritornar, ippakkjar, u tikettar fuq prodotti tal-istokk.
– J/Taqdi dmirijiet ta’ rendikontar marbutin mal-istokk perjodikament kif meħtieġ u mitlub mill-Maniġer tar-Retail.
– J/Taqdi dmirijiet addizzjonali kif mitlub/a mill-Kontrollur Finanzjarju, il-Maniġer tar-Retail u l-Kap Eżekuttiv.
Il-Ħinijiet tax-Xogħol
Il-persuna magħżula se tkopri xifts li ma jaqbżux l-20 siegħa fil-ġimgħa tal-Iskrivani tal-Uffiċċju fit-taqsima tar-Retail meta dawn ikunu neqsin mix-xogħol minħabba liv ġenerali jew dak marbut ma’ mard. Is-sigħat meħtieġa jinkludu dawk li jaqgħu filgħaxijiet, fi tmiem il-ġimgħa u festi pubbliċi.
Il-Ħiliet u r-Rekwiżiti
Sad-data u l-ħin ta’ skadenza ta’ din l-espressjoni ta’ interess, il-kandidati jrid ikollhom:
– Kwalifikazzjoni rikonoxxuta fil-Livell 3 tal-MQF fil-Matematika, il-Malti, u l-Ingliż JEW tliet snin esperjenza f’uffiċċju jew bħala kaxxier(a).
– Kondotta tal-pulizija nadifa.
– Ħiliet interpersonali, organizzattivi, ta’ preżentazzjoni u komunikazzjoni (permezz ta’ kitba u oralment bil-Malti u l-Ingliż) żviluppati tajjeb u ħiliet ta’ trattament tajjeb tal-klijenti.
– Għarfien ta’ prattiċi/proċeduri ġenerali ta’ uffiċċju u metodi bażiċi ta’ kontabbiltà għall-ġestjoni ta’ kuljum tal-flus tal-ħanut tal-MICAS.
– Abbiltà ta’ ħidma indipendenti jew bħala membru f’tim vis-à-vis id-dmirijiet assenjati b’superviżjoni minima.
– Rieda li j/taħdem ħinijiet irregolari, fi tmiem il-ġimgħa u f’festi pubbliċi fuq bażi ta’ xift.
– Profiċenzja fil-Microsoft Office Suite (Word, Excel, Outlook) u familjarità ma’ software marbut mal-ġestjoni tar-retail.
Il-Kuntratt għat-Termini tas-Servizz
Pagament: €8.88 għal kull siegħa, il-VAT eskluża.
Kuntratt: Dan hu ‘Kuntratt għal Servizz’ ta’ tliet (3) snin li jista’ jiġġedded għal sena (1) oħra.
Kuntratt: L-iskeda tax-xogħol hija fuq bażi part-time biex tissostwixxi lill-Iskrivani tal-Uffiċċju fil-qasam tar-Retail meta jkunu bil-liv ġenerali jew minħabba mard. Ħinijiet addizzjonali jistgħu jkunu neċessarji biex jintlaħqu r-rekwiżiti ta’ din il-pożizzjoni, speċjalment waqt avvenimenti tal-MICAS. Ir-responsabbiltajiet u l-interazzjonijiet meħtieġa għal din il-pożizzjoni mhumiex kompatibbli ma’ xogħol minn distanza.
L-applikanti eliġibbli se jintalbu jattendu għal intervista biex tiġi vvalutata l-adegwatezza tagħhom għal dawn id-dmirijiet.
Il-kwalifikazzjonijiet u l-esperjenza mistqarra jridu jissostnew b’ċertifikati u/jew testimonjanzi, u kopji tagħhom iridu jinhemżu mal-applikazzjoni flimkien mal-applikazzjoni. Iċ-ċertifikati oriġinali u/jew it-testimonjanzi għandhom jintwerew għal verifikazzjoni waqt l-intervista. Ma tapplika ebda eċċezzjoni għal dan ir-rekwiżit.
Ir-riżultat tal-proċess tal-għażla se jiġi ppubblikat u eżibit fuq l-avviżiera tal-MICAS.
Il-persuni interessati għandhom jibagħtu email bl-aħħar Curriculum Vitae tagħhom, kopji taċ-ċertifikati u portafoll flimkien ma’ ittra li tispjega kif il-ħiliet u l-esperjenza tagħhom jistgħu jissodisfaw l-ispeċifikazzjonijiet ta’ din is-sejħa fuq people.micas@micas.art.
Id-data ta’ skadenza għal applikazzjonijiet: it-Tnejn 2 ta’ Diċembru 2024
Applikazzjonijiet li jaslu wara l-ħin u d-data ta’ skadenza ma jiġux ikkunsidrati.
L-applikanti jingħataw sa jumejn (2) tax-xogħol wara d-data ta’ skadenza jew jumejn (2) tax-xogħol wara notifikazzjoni, liema hija l-aktar riċenti, biex iressqu kwalunkwe dokumenti mhux korretti, mhux kompluti jew neqsin.
Operational Programme I – European Structural and Investment Funds 2014-2020 “Fostering a competitive and sustainable economy to meet our challenges”. Project may be part-financed by the European Regional Development Fund Co-financing rate: 80% European Union Funds; 20% National Funds.
Operational Programme I – European Structural and Investment Funds 2014-2020 “Fostering a competitive and sustainable economy to meet our challenges”. Project may be part-financed by the European Regional Development Fund Co-financing rate: 80% European Union Funds; 20% National Funds.
© Malta International Contemporary Art Space 2023
© Malta International Contemporary Art Space 2024
© Malta International Contemporary Art Space 2024