Stqarrija Għall-Istampa: The MICAS International Art Weekend 2021

17 t’Ottubru 2021

Il-Malta International Contemporary Art Space  (MICAS) tat bidu għat-tielet edizzjoni tal-Malta International Art Weekend bl-inawgurazzjoni tal-opra t’ arti ‘Sea Cave (Entrance)’ ta’ Cristina Iglesias fil-ġonna ta’ Hastings il-Belt Valletta. 

Din l-installazzjoni, li kienet maħduma speċifikament għas-sit Malti mill-artista kontemporanja rinomata, kienet żvelata mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Jose Herrera flimkien mal-Bord tal-MICAS immexxi minn Phyllis Muscat.

Fid-diskors t’ inawgurazzjoni, il-Ministru Herrera ddeskriva x-xogħol ta’ Iglesias bħala arti li tipprovoka l-ħsieb u li ssaħħar lill-udjenza filwaqt li faħħar il-mod kif dan il-proġett joffri lill-pubbliku aċċess dirett għall-arti kontemporanja internazzjonali fis-sit storiku tal-ġonna ta’ Hastings. “Il-MICAS International Art Weekend qed joħloq opportunita tajba fejn in-nies jiltaqgħu u jaqsmu l-ideat tagħhom, filwaqt li  tagħmel l-arti kontemporanja izjed aċċessibbli lill-pubbliku. Il-benefiċċji ta’ dan għall-kommunitajiet taħna huwa evidenti u aħna kommessi li nkomplu ninvestu u nsaħħu l-qasam tal-arti iżjed minn qatt qabel.”

Min-naħa tagħha c-Chairpereson tal-MICAS Phyllis Muscat iddiskriviet din l-arti bħala esperjenza artistika li tistiednek tingħaqad mal-memorji u l-ħin, ma’ dak li hemm madwarna u ma’ dak li possibilment hemm mistoħbi taħtna. Hija qalet li din kienet l-ewwel attività tal-MICAS mill-bidu tal-pandemija ‘l hawn u li minkejja l-isfidi li ġab miegħu dan il-perjodu, MICAS irnexxielha tibqa’ għaddej fil-ħin mal-iskeda intensiva ta’ xogħlijiet ta’ restawr u kostruzzjoni li se jwasslu għall-ftuħ tal-MICAS Galleries fl-2022. “Din it-trasformazzjoni fiżika tar-Ritirata issa hija viżibbli u għaddejja b’ rittmu mexxej. L-impenn tagħna qiegħed iħalli l-frott mixtieq hekk kif inkomplu nkabbru u niżviluppaw il-programm tagħna u nirrankaw sabiex nagħmlu l-arti kontemporanja aċċessibbli lill-iżjed nies.”

Cristina Iglesias spjegat kif studjat il-kuntest u l-ġeoloġija tal-ġonna ta’ Hastings meta kienet qed tikkrea din l-arti għal dan is-sit, u kif żammet f’moħħha wkoll l-kultura u pajsaġġ Malti. Hija rringrazzjat lill-MICAS tal-appoġġ u kooperazzjoni kontinwa tul dan il-proġett u faħħret il-proġetti kurrenti u futuri tagħhom, fid-dawl li se jikkontribwixxu sew lix-xena tal-arti kontemporanja lokali u internazzjonali. 

Sea Cave (Entrance) hija akkwist nazzjonali li se tkun aċċessibbli għall-pubbliku fil-ġonna ta’ Hastings għas-sentejn li ġejjin. Din l-opra t’arti eventwalment se tkun rilokata fil-MICAS Sculpture Garden  ġalaradba l-binja tkun lesta.

Il-MICAS International Art Weekend 2021 jissokta llum bid-diskussjoni artistika ‘In Conversation with Cristina Iglesias’ li se tkun immexxija mill-kuratriċi internazzjonali Edith Devaney fil-MUŻA, fejn il-pubbliku hu mistieden li jiltaqa’ u jitkellem mal-artista dwar xogħolha.

Il-MICAS International Art Weekend huwa avveniment annwali, internazzjonali li jippermetti lill-MICAS jeżebixxi xogħlijiet ta’ arti kontemporanja u jippromwovi artisti kontermporanji. Dawn l-inizjattivi jservu wkoll sabiex jgħaqdu lil pajjiżna mal-komunità internazzjonali tal-arti u sabiex jistabbilixxu lil Malta fix-xena artistika.

© Malta International Contemporary Art Space 2024

Skip to content