Kitba ta’ Dr Georgina Portelli, Kumitat Kreattiv MICAS
Minn mindu ġie varat il-kunċett tiegħu fl-2018, il-MICAS ħadem qatigħ biex jistabbilixxi lilu nnifsu fi ħdan l-ekoloġija kreattiva. Iffoka fuq li jwettaq il-mandat tiegħu tal-internazzjonalizzazzjoni billi jiġbed lejn Malta arti u artisti kontemporanji u rivoluzzjonarji, filwaqt li jġib il quddiem il-kontribuzzjonijiet tal-artisti Maltin għall-idjoma kontemporanja. Il-MICAS għandu wkoll l-għan li joħloq programm inklussiv ta’ avvenimenti u attivitajiet li joħolqu rabtiet mal-komunitajiet tagħna u man-networks usa’ tal-kultura, l-edukazzjoni u l-innovazzjoni. Għalhekk issa miexi lejn l-iżvilupp tal-fergħa edukattiva u komunitarja tal-programm tiegħu. Hija l-intenzjoni soda tal-MICAS li jħaddan metodu li jsostni d-djalogu kreattiv bejn l-arti kontemporanja u x-xjenza. Dan se jkun pilastru intrinsiku tal-fergħa edukattiva u komunitarja.
L-arti għandha rwol indispensabbli fit-trawwim ta’ perspettiva kreattiva innovattiva, u x-xjenza u l-arti jipprestaw ruħhom sew għall-inkjesta interdixxiplinari. L-artisti jinnegozjaw il-perspettiva tagħhom tad-dinja u t-tiswir tat-tifsir bis-saħħa tal-kulur, il-forma, id-dawl u l-ħoss, u issa aktar minn qabel bl-użu tat-teknoloġiji l-ġodda. L-arti, dinamika dejjem, ħatfet l-opportunitajiet ta’ dawn it-teknoloġiji l-ġodda li l-iżvilupp tagħhom u x-xjenza warajhom jinfurmaw u jsawru l-kultura kontemporanja tagħna. L-interfaċċa tal-prinċipiji xjentifiċi mal-arti hija għalhekk taħdita sana li l-MICAS irid isostni. Dan huwa relevanti għaliex l-arti tista’ tirrifletti fuq il-prinċipji tax-xjenza u tapplikahom filwaqt li x-xjenza, miżgħuda kif inhi b’oqsma bla għadd ta’ studju, tista’ wkoll tgħin fit-taħbil tal-kobba tal-perċezzjoni, il-konjizzjoni, u l-azzjoni umana. Hemm ukoll trikkib importanti bejn l-arti u x-xjenza f’diversi kwistjonijiet bħala ma huma t-tibdil fil-klima u l-evoluzzjoni tal-intelliġenza artifiċjali u l-magni intellligenti, li jirriflettu wkoll it-tħassib tas-soċjetà kontemporanja. Il-bini ta’ pontijet bejn ix-xjenza u l-arti jgħin fl-integrazzjoni tal-għarfien minn dixxiplina għall-oħra. Il-kreattività li trawwem dixxiplina bħall-arti hija wkoll vitali għall-prassi xjentifika u għall-innovazzjoni, fejn ikun jeħtieġ li jinbnew soluzzjonijiet ġodda għal problemi u mistoqsijiet li ilhom magħna.
Huwa għalhekk li, anki fid-dawl tal-mandat edukattiv tiegħu, il-MICAS beda sħubija kollaborattiva maċ-Ċentru tax-Xjenza Interattiva Esplora u l-Valletta Cultural Agency, sabiex iwassal proġett ta’ interazzjoni mal-viċinat u l-komunità li jesplora l-perċezzjoni tad-dawl, id-dell u l-kulur.
Il-MICAS vara l-ewwel parti ta’ din l-inizjattiva ta’ kuntatt mal-komunità f’Novembru 2019 fis-Sala Magazino (Valletta Waterfront). Fittex li jaħdem mal-iskejjel tal-inħawi sabiex iwassal sensiela ta’ workshops Art Lab iffaċilitati mill-komunikaturi tal-Esplora mmexxija minn Elaine Manicaro u Sarah Galea flimkien mat-tim tal-MICAS.
Aktar minn 400 student tal-Kulleġġ San Ġorġ Preca (il-Primarja tal-Belt u l-Primarja tal-Furjana) u l-Kulleġġ San Albert il-Kbir, ipparteċipaw fil-workshops Art Labs, li offrew sensiela ta’ attivitajiet li introduċew lil-istudenti ta’ bejn 5 u 10 snin għall-ispektrum tal-kulur, il-perċezzjoni tad-dawl u tal-kulur, it-taħlit tal-kuluri addittivi, u d-dellijiet. Din l-introduzzjoni għall-prinċipji xjentifiċi rilevanti għall-arti ġiet innegozjata permezz tal-esplorazzjoni u l-espressjoni kreattiva li l-istudenti ħadu sehem fiha bis-sħiħ u laqgħuha b’entużjażmu kbir.
L-edukazzjoni qiegħda fil-qalba tal-mandat tal-MICAS u l-għan tiegħu huwa li jingħelbu l-ostakli għall-arti kontemporanja sabiex issir aċċessibbli għal kulħadd. Nemmnu li parteċipazzjoni aktar diversa hi possibbli bis-saħħa ta’ esperjenzi immersivi fl-arti kontemporanja li jinġaġġaw mal-komunità usa’.
Il-MICAS għalhekk qed jippreżenta l-avveniment Shadow Colour Pavilion, li jidħol kexxun fid-dimensjoni komunitarja tal-programm u l-enfażi fuq l-esplorazzjoni tad-dawl, id-dell u l-perċezzjoni tal-kulur. Din l-avveniment se jseħħ nhar l-20 u l-21 ta’ Novembru fi Pjazza San Ġorġ, il-Belt Valletta, u se tuża d-dawl u l-fenomenu tad-dellijiet imlewna biex iddaħħal lill-viżitaturi f’esperjenza multisensorjali, u tistedinhom jesploraw il-perċezzjoni tal-kulur, id-dawl, id-dell u l-ispazju. Joffri ambjent interattiv u stimolanti fejn il-viżitaturi ta’ kull età jistgħu jipparteċipaw attivament u jesploraw il-proċess kreattiv billi jimxu fil-padiljun u jiġġeneraw huma nfushom bosta dellijiet imlewna. Il-parteċipanti jiġu wkoll mħeġġa jiġbdu bil-mobiles tagħhom ix-xbihat li jiġġeneraw huma stess u jtellgħuhom fuq ħajt tax-xbihat fuq #MicasMalta
Il-viżjoni tagħna għalhekk hija li nġibu flimkien l-arti u x-xjenza, filwaqt li nrawmu proattivament il-kreattività u l-innovazzjoni. Il-fergħa edukattiva u komunitarja tal-programm tal-MICAS hi maħsuba biex trawwem u ssaħħah l-impenn lejn interazzjoni fi ħdan il-viċinat u l-komunità, filwaqt li tiġi pprijoritizzata l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni usa’. Il-lingwa tal-arti tista’ tmur lil hinn mill-kulturi u tgħin il-koeżjoni f’inħawi u komunitajiet diversi u fis-soċjetà, filwaqt li tinkoraġġixxi wkoll il-ħsieb diverġenti. Nittamaw għalhekk li tingħaqdu magħna fix-Shadow Colour Pavilion Novembru li ġej.
Ix-Shadow Colour Pavilion għandu l-appoġġ tal-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta u l-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali.
Share
Operational Programme I – European Structural and Investment Funds 2014-2020 “Fostering a competitive and sustainable economy to meet our challenges”. Project may be part-financed by the European Regional Development Fund Co-financing rate: 80% European Union Funds; 20% National Funds.
Operational Programme I – European Structural and Investment Funds 2014-2020 “Fostering a competitive and sustainable economy to meet our challenges”. Project may be part-financed by the European Regional Development Fund Co-financing rate: 80% European Union Funds; 20% National Funds.
© Malta International Contemporary Art Space 2023
© Malta International Contemporary Art Space 2024
© Malta International Contemporary Art Space 2024