Il-veduta tal-Msida u l-Forti San Salvatur

Saffi tal-MICAS (L-Ewwel Parti): l-istorja tal-Ospizio

L-essenjzali dwar l-ażil tal-Ospizio, struttura militari tal-imgħoddi, li issa se tilqa’ l-mużew tal-arti kontemporanja għal Malta b’investiment ta’ €30 miljun

L-għana tal-fdalijiet minn madwar 25 kilometru ta’ swar fil-Port il-Kbir waħdu, hija fundamentali fit-tessut tat-topografija Maltija. Fi triqtek lejn il-Furjana u l-Belt Valletta, jew in-nofsinhar tal-port, il-Kottonera, tiltaqa’ ma’ xibka sħiħa ta’ ridotti, trunċieri, bastjuni u fortizzi.
Illum il-Malta International Contemporary Art Space (MICAS) huwa parti minn proġett kapitali ta’ €30 miljun, li sa fl-aħħar qed jagħti lura l-fdalijiet intatti tal-Forti San Salvatur – sezzjoni prominenti tas-Swar Storiċi tal-Furjana – lill-pubbliku.
Ir-restawr jaħji mill-ġdid lill-arkitettura tad-difiża ta’ Malta b’mod mhux mistenni.
Wara l-ħsara li dawn il-fortifikazzjonijiet ta’ żmien il-Kavallieri ġarrbu waqt it-Tieni Gwerra Dinjija, il-fażi neċessarja tal-industrijalizzazzjoni ta’ wara l-gwerra ma kinitx ħanina ma’ dawn l-istrutturi storiċi.
Illum, il-MICAS huwa l-aktar proġett ambizzjuż ta’ restawr nazzjonali: l-ewwel, u l-uniku proġett ta’ patrimonju u arti li nbena għal deċennji sħaħ, li żewweġ it-tiġdid ta’ dawn il-fortifikazzjonijiet ma’ storja ta’ sekli sħaħ fi proġett komunitarju ta’ mogħdijiet, ġonna, u galleriji artistiċi.

 

L-istorja tal-Ospizio

L-Ospizio – isem b’etimoloġija Taljana – kien ażil għall-foqra, dar li fiha x-xjuħ u t-tfajliet foqra, flimkien ma’ dawk b’nuqqas ta’ saħħa mentali kienu jingħataw kenn matul is-sekli 18 u 19.
L-Ospizio kien parti minn kumpless ta’ binjiet tul is-Swar tal-Furjana li llum qed jiġu inkorporati fil-MICAS.
Imma oriġinarjament, lura fl-1665, l-ispazju tal-Ospizio beda bħala fabbrika tal-porvli, ordnata mill-Ordni ta’ San Ġwann f’risposta għall-gwerra, biex isservi lis-Swar tal-Furjana li jagħtu fuq il-Port ta’ Marsamxett. Kien imfassal mill-inġinier militari Mederico Bondel, u tlesta fl-1667, mibni f’forma ta’ salib b’daħla b’ħitan rettangolari.

 

Kien fl-1729, li dik li kienet fabbrika tal-porvli ngħatat għan ġdid u nbidlet f’ospizju wara Ordni tal-Gran Mastru António Manoel de Vilhena – il-Kavallier li għalih issemma s-subborg, li llum magħruf bħala l-Furjana.
Il-‘Casa di Carità’ nbniet maġenb il-fabbrika, u kienet amministrata minn kavallieri u kjeriċi mdaħħlin fiż-żmien. Oriġinarjament, kellha bitħa b’arkata u funtana. Il-kumpless kien fih kappella ddedikata lill-Madonna flimkien ma’ sagristija. Kienet tilqa’ 380 persuna kull sena, u kienet maqsuma f’erba’ partijiet: ‘Ginecco’ għan-nisa xjuħ, ‘Conservatio de’ Vergini’ għat-tfajliet, u ‘Reclusorio’ għall-priġunieri nisa. Ta’ min jgħid li kien tat-tkexkix, li pazjenti b’nuqqas ta’ saħħa mentali kienu jintrabtu bil-ktajjen mal-ħitan tal-isportelli li kienu nbnew mal-fabbrika tal-porvli.

Il-kwartieri tal-Opsizio, li kien ażil għall-foqra, issa se jintuża għall-artisti li jkunu fuq xogħol fil-MICAS stess

 

Orfanatrofju u ażil

It-tfajliet kienu jipproduċu l-ħajt mill-qoton biex jikkontribwixxu lejn id-dħul tal-Casa di Carità. Kull sena, erba’ minn dawn it-tfajliet kienu jingħataw dota ta’ 40 skud biex ikunu jistgħu jiżżewġu.
Fl-1785, il-Gran Mastru Emmanuel de Rohan-Polduc reġa’ tah l-isem ta’ Ospizio, u baqa’ jopera anki matul l-okkupazzjoni Franċiża, fid-deċennju sussegwenti, u fih kien jilqa’ prostituti riformati u nisa b’nuqqas ta’ saħħa mentali. Wara nbidel f’orfanatrofju għal tfal illeġittimi kif ukoll ażil għal irġiel b’nuqqas ta’ saħħa mentali, li dak iż-żmien kienu jinżammu fl-Isptar Ċivili fil-Belt Valletta.
Wara l-1802, l-Ingliżi f’Malta wirtu mingħand il-Kavallieri amministrazzjoni marbuta mas-saħħa sparpaljata, u ftit li xejn sar dwar dan matul l-interludju Franċiż. Fl-1816, il-Gvernatur Thomas Maitland ipprova jiċċentralizza s-servizzi kollha taħt il-patrunaġġ tiegħu, imma kien biss fl-1837, li kumitat uniku ħa f’idejh l-istituzzjonijiet karitattivi kollha. Bejn l-1835 u l-1838, il-pazjenti b’nuqqas ta’ saħħa mentali tal-Ospizio ttieħdu Villa Franconi, binja residenzjali kbira li ngħatat għan ġdid bħala ażil.

Ġewwa l-Ospizio, li beda bħala fabbrika tal-porvli

 

Is-sajf tal-1837 – tfaqqa’ l-kolera

Il-kolera waslet Malta għall-ewwel darba fir-rebbiegħa tal-1837, u sabet popolazzjoni fqira u nieqsa minn kollox, mhux lesta għal epidemija li kienet qed teqred Sqallija u Napli.

Ex-voto mill-epidemija ta’ nhar l-17 ta’ Awissu 1813, ta’ Anna Lungaro, tal-isptar tal-pesta fil-Blet Valletta. Fl-1837, it-tobba Maltin ħabbru l-istennija għall-wasla tal-kolera mill-Ewropa, ċertament b’inkwiet kbira hekk kif il-memorja tal-epidemija tal-1813 kienet għada friska f’moħħ il-Maltin

 
L-ewwel każijiet tal-kolera f’Malta nstabu fl-Ospizio fid-9 ta’ Ġunju 1837, fejn dak iż-żmien kien hemm 750 pazjent. Sa għaxart ijiem wara, 200 minnhom mietu.
Matul Lulju Malta esperjenzat l-agħar tal-kolera, u l-epidemija ntemmet f’Awwissu. B’kollox din l-epidemija swiet il-ħajja ta’ 4,252 minn total ta’ 8,785 każ irreġistrat, fi żmien li l-popolazzjoni ta’ Malta kienet ta’ 120,000.

 

Għan ġdid militari

Fl-aħħar deċennju tas-seklu 19, l-anzjani fl-Ospizio ttieħdu San Vinċenz de Paul f’Ħal Luqa, residenza li dak iż-żmien kienet ġdida u għadha kif twaqqfet, illum istituzzjoni nazzjonali ta’ kura għall-anzjani.

L-Ospizio, kif jidher minn taħt il-Bastjun La Vittoria

 
L-Ospizio ngħata f’idejn id-Dipartiment tal-Ordinanza tal-Armata Brittanika, u waqt it-Tieni Gwerra Dinjija, minnufih ġew installati tqegħid permanenti għall-armi fuq il-fortifikazzjonijiet fil-madwar. Il-kumpless sofra ħsarat kbar minħabba bombardamenti mill-ajru matul l-istess gwerra. Wara l-indipendenza fl-1964, il-kumpless tal-Ospizio serva għal għanijiet differenti: bħala maħżen għall-korporazzjoni ta’ utilità nazzjonali l-Enemalta, bħala skola ta’ snajja’, u għal xi żmien qasir bħala uffiċċju tal-immigrazzjoni.

Saffi tal-MICAS (it-Tieni Parti): is-Swar tal-Furjuna u l-Bastjun San Salvatur

Skip to content