Ronald Micallef

Ronald Micallef għex u ħadem madwar l-Afrika f’karriera ta’ 25 sena li misset mal-edukazzjoni, il-kreattività u r-relazzjonijiet kulturali.

Il-passjoni ta’ Ronald għall-arti u l-industriji kreattivi bdiet f’Malta meta kien jokkupa l-kariga ta’ Direttur tal-British Council fis-snin li wasslu għas-sħubija ta’ Malta fl-UE. Taħt it-tmexxija tiegħu, il-British Council  iffoka fuq it-taħriġ ta’ mexxejja żgħażagħ fl-arti, u espona l-arti u l-industriji kreattivi tar-Renju Unit lil ġenerazzjoni żagħżugħa ħerqana biex tħaddan il-bidliet fuq firxa wiesgħa li ġabet magħha l-adeżjoni mal-UE.

Ronald sussegwentement inħatar Direttur tal-British Council fin-Namibja fejn impenja ruħu b’mod simili mal-komunitajiet tal-arti u l-istituzzjonijiet akkademiċi tan-Namibja biex jappoġġa t-tfassil tal-politika, l-esponiment u t-taħriġ ta’ mexxejja żgħażagħ fl-arti, kif ukoll l-appoġġ għat-tagħlim tal-Ingliż għall-Gvern tan-Namibja. Imbagħad ġie stazzjonat l-Etjopja fejn kien responsabbli mill-programmi ta’ taħriġ tal-British Council madwar l-Afrika u fejn mexxa proġett li pproduċa “kaxxi tat-tagħlim” innovattivi għal skejjel b’nuqqas ta’ riżorsi. Il-Learning Boxes inkludew programmi tar-radju li ppreżentaw letteratura kontemporanja minn awturi Brittaniċi emerġenti b’appoġġ għat-tagħlim tal-lingwi fl-Afrika.

Ronald Micallef reċentement inħatar bħala l-Ambaxxatur innominat Malti għall-Etjopja u l-Unjoni Afrikana. Huwa bbażat f’Malta fejn qed isegwi l-istrateġija ta’ Malta għall-kummerċ mal-Afrika kif ukoll il-fondi u l-programmi ta’ Malta għall-Iżvilupp Barrani u d-Diplomazija Kulturali.

Share

Skip to content