Meta l-MICAS, ftit qabel il-ftuħ tiegħu f’Ottubru tal-2024, ħabbar il-programm ta’ wirjiet tiegħu, il-proġett tal-artist minn California Reggie Burrows Hodges kien meqjus bħala komponent importanti fl-ewwel sentejn ambizzjużi tal-mużew. Li ħadd ma seta’ jantiċipa dak iż-żmien – lanqas it-tim tal-MICAS – kemm se timraħ din il-kollaborazzjoni.
Reggie Burrows Hodges: Mela, li fetħet uffiċjalment fid-9 ta’ Mejju, u se tibqa’ miftuħa sat-30 ta’ Awwissu, hija l-aktar korp ta’ xogħol ambizzjuż fil-karriera tal-artist: 30 pittura maħluqa speċifikament għal din il-wirja, fosthom l-akbar tili li qatt ħoloq, mifruxa mas-sulari u l-ħitan kollha tal-MICAS. Għal artist imwieled Compton fl-1965, u issa rikonoxxut bħala wieħed mill-aktar pitturi figurattivi eċitanti fl-Amerka, din tfisser ukoll li għall-ewwel darba qed jesebixxi individwalment fl-Ewropa.
L-iskala nfisha tax-xogħol ewlieni, b’tul ta’ iżjed minn 4.5 metri u wisa’ ta’ 8 metri u aktar, tiddikjara l-ambizzjoni tal-proġett, u tiddomina l-ħitan storiċi tal-mużew. Hija tweġiba kolossali għal Qtugħ ir-Ras ta’ San Ġwann il-Battista ta’ Caravaggio li tinsab fil-Konkatidral ta’ San Ġwann – pittura li Hodges ġarrab fl-ewwel ftit jiem tiegħu f’Malta, esperjenza li kienet deċiżiva.
Fil-kelmtejn tagħha waqt il-ftuħ tal-wirja, id-Direttriċi Artistika tal-MICAS, Edith Devaney, ikkummentat li l-ingaġġar mal-kuntrast qawwi bejn id-dawl u d-dlam jagħmel ir-rabta ma’ Caravaggio immedjatament leġġibbli: u xogħlu, bil-mod tiegħu, huwa wkoll omaġġ għal surmast tal-Barokk, u għall-mod kif id-dawl jista’ jitwassal.
“L-istorja ta’ kif il-wirja nħolqot hija waħda ta’ fiduċja istituzzjonali u impenn personali. Meta Hodges aċċetta li jaħdem mal-MICAS, il-mużew kien għadu qed jinbena. Ma kienx għadu ra l-gallariji lesti. Bħal ħafna artisti oħrajn li kkommettew ruħhom għall-programm bikri, is-sehem tiegħu ħtieġ fiduċja kbira,” tistqarr Devaney.
U għal dan, il-mużew jibqa’ grat ħafna. Kien Waqas Wajahat, il-president tal-Kumitat Internazzjonali tal-MICAS, li introduċa lil Hodges mal-istituzzjoni u li fi kliem Devaney, “ħadem fis-silenzju u bla hedu minn wara l-kwinti” biex jaħji ’l din il-wirja.
Hodges żar Malta għall-ewwel darba fl-2024, u f’dik iż-żjara ddeċieda li jirriloka l-istudio tiegħu fil-Gżejjer Maltin, bl-intenzjoni li joħloq korp ġdid għalkollox ta’ xogħol artistiku. Fi ftit aktar minn sena, irnexxielu.
Il-frott ta’ dan ix-xogħol huwa wirja mtellgħa madwar serje diversi distintivi, li jeżaminaw il-ħajja Maltija u s-soċjetà kontemporanja b’dak li Devaney iddeskriviet bħala “onestà profonda mingħajr ġudizzju.”
Is-serje ta’ Hodges, Labor, li ilha għaddejja ġmielha – li tesplora u tiċċelebra l-attività tax-xogħol produttiv, ħafna drabi minn dawk l-inqas li jgawdu minnu – tieħu perspettiva Maltija. “Il-figuri tipiċi tiegħu, maħluqa minn spazju negattiv u dell, jitwasslu f’rabta profonda mas-sitwazzjonijiet li jidhru fihom: figuri f’ħidma max-xatt, nisa privileġġjati jieħdu pjaċir, immigranti jaħdmu fuq proġetti ta’ żvilupp. Kull wieħed u waħda minnhom huwa trattat b’empatija, u maħluq bi ġmiel rimarkabbli,” tgħid Devaney.
Il-ġmiel mhux inċidentali imma strutturali. “L-applikazzjoni tal-pigment, is-sensittività tal-paletta, l-iskala bla biża’ – dawn huma kollha kwalitajiet li jaħkmu lill-viżitaturi viżwalment u emozzjonalment.”
Fil-Barrel Vaults, installazzjoni ta’ ħoss li takkumpanja l-wirja, testendi l-loġika immersiva aktar: bi sfond irrekordjat minn diversi siti prestoriċi ta’ Malta jikber flimkien mal-preżenza persistenti tal-baħar li l-gżira mdawra bih.
It-titlu tal-wirja ġej mill-kelma li timmarka tant id-diskors Malti, “mela” – kelma li kif osserva Hodges, ħafna darba tippreċedi espressjoni ta’ ħsieb. Kienet osservazzjoni karatteristika minn artist li l-proġett kollu tiegħu f’Malta kien ta’ smigħ b’attenzjoni. Fost is-suġġetti tiegħu nsibu x-xatt blati u l-Mediterran li jdawwar ’il Malta, l-ambjent mibni u l-forom ta’ xogħol li jsostnuha, kif ukoll il-forza tal-komunità li timbotta kollox.
Għal Devaney, bħala kuratriċi tal-wirja, u bħala persuna li sostniet djalogu ma’ Hodges matul l-iżvilupp tal-wirja – “biex tinkoraġġixxi, tikkollabora, u tara l-ħafna stadji tal-evoluzzjoni tax-xogħol” – l-eżitu kien ħafna akbar minn dak li qatt immaġinat meta beda l-proġett. Hija tgħid li x-xogħol huwa “mgħaddas sew fl-esperjenza u skoperta tiegħu ta’ Malta – l-istorja, il-kultura, il-pajsaġġ, u n-nies. Inħolqot għal dan il-mużew nazzjonali, u għalhekk, minn diversi aspetti, għalina kollha kemm aħna.”
Hodges innifsu tkellem dwar ir-responsabbiltà li ħass. “Fhimt biċ-ċar,” jgħid, “li kien hemm responsabbiltà biex nidħol kemm nista’ fiha u noffri l-aqwa tiegħi.” Huwa jiddeskrivi r-riżultat bħala “poeżija lil Malta.”
Fid-diskors tagħha fil-ftuħ tal-wirja fit-8 ta’ Mejju, Devaney indirizzat lill-artist, “Nifirħulek u nirringrazzjawk minn qalbna għal dak kollu li tajtna – dak kollu li tajt lil Malta. Hija wirja li nħolqot hawn, hija dwar hawn, u hija waħda, li b’dak li kisbet, mhi xejn inqas minn meravilja.” Fl-aħħar, għalqet b’kelma bil-Malti, “Grazzi, Reggie.”