PIERRE HUYGHE: EXOMIND
(DEEP WATER)

12 ta' Ottubru 2019 - 22 ta' Jannar 2020

Share this page

Ix-xogħol Exomind (Deep Water) ta’ Pierre Huyghe jinsab bejn il-kontinwità u s-separazzjoni ta’ sistemi ħajjin u interkonessi. Jinkludi skultura, xehda naħal ħajja, u sett ta’ skambji mal-flora u l-fawna ta’ madwaru.

Fl-ekosistema dinamika ta’ Wied il-Luq fil-Ġonna tal-Buskett, hemm skultura ta’ figura femminili mgħammda, bilqiegħda kokka. Rasha oskurata minn xehda b’kolonja naħal Buckfast li qegħdin fi proċess kontinwu ta’ bini u estensjoni tal-istruttura tagħhom. Dan it-tkabbir huwa possibbli biss bħala parti mill-proċess tad-dakkir tal-fjuri fiż-żona, u għalhekk il-modifikazzjoni kostanti tiegħu hija espressjoni viżibbli tat-tħabbil ta’ forma waħda ma’ mijiet, jekk mhux eluf oħra. Il-fehim, il-komunikazzjoni u l-għarfien, kollha simbolikament miżmuma fil-moħħ, hawnhekk isiru eżomoħħ f’formazzjoni bla tmiem.

Exomind (Deep Water) ta’ Pierre Huyghe nkixfet waqt il-Weekend Internazzjonali tal-MICAS u ġiet organizzata mas-Serpentine Galleries ta’ Londra. 

Post: Wied il-Luq, il-Ġonna tal-Buskett, limiti tas-Siġġiewi, Malta.


 

Ħinijiet tal-wiri: mit-Tnejn sal-Ħadd, 9:00 – 15:00 HRS.

Fil-każ ta’ maltemp, Exomind (Deep Water) se tkun mgħottija sabiex tiġi protetta d-doqqajsa ħajja.

Jekk jogħġobkom, evitaw li jkollkom fwejjaħ jew lavandi fuqkom għaliex in-naħal sensittiv għall-irwejjaħ qawwijin.

Għall-informazzjoni ċempel 21242183 jew email lil info@micas.art

Il- Weekend Internazzjonali tal-MICAS  ġie organizzat bl-appoġġ ġentili tal-Air Malta , Heritage Malta, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, il-Ministeru għall-Ġustizzja, il-Kultura u l-Gvern Lokali, id-Direttorat tar-Restawr, ERA, Ambjent Malta, il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi, u Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali.

 

XbihaExomind, 2017. Forma tal-konkrit b’xehda tax-xema’, kolonja tan-naħal, siġra tal-larinġ (Daidai), siġra tal-għajnbaqar (mnissla mit-Tobiume), pjanti, ramel, ġebel, qattus tal-Madonna, nemel, farfett, għadira tal-konkrit, għadira tal-konkrit bil-ġilji tal-ilma (mnissla minn Giverny), axolotl u insetti. Ritratt: Ichikawa u Kei Maeda. Korteżija tal-artist; Taro Nasu, Tokyo; The National Museum of Modern Art, Tokyo; u Dazaifu Tenmangu Shrine.

Dwar l-artist/a

Pierre Huyghe

Pierre Huyghe twieled Pariġi fl-1962 u bbażat New York, u jaħdem fuq sitwazzjonijiet li sikwit huma msejsa fuq mudelli spekulattivi. L-ambjenti li joħloq huma sistemi kumplessi fejn aġenti interdipendenti, bijotiċi u abijotiċi, reali u simboliċi, jorganizzaw lilhom infushom u jikkoevolvu f’nisġa dinamika u instabbli. Fost il-wirjiet solo tiegħu, hemm UUmwelt is-Serpentine Galleries (Londra, 2018), Orphan Patterns il-Mużew Sprengel (Hanover, il-Ġermanja, 2016), The Roof Garden Commission: Pierre Huyghe, (Metropolitan Museum of Art, New York, 2015), u Pierre Huyghe l-Mużew Ludwig (Cologne, il-Ġermanja, 2014) u l-Los Angeles County Museum (2014). Xogħlu deher ukoll f’wirjiet ta’ gruppi, fosthom After Alife Ahead l-iSkulptur Projekte Münster (il-Ġermanja, 2017), Tino Sehgal il-Palais de Tokyo (Pariġi, 2016), Saltwater: A Theory of Thought Forms fl-14-il Biennale ta’ Istanbul (2015). Fl-2017, Huyghe ngħata n-Nasher Prize for Sculpture. Rebaħ ukoll il-Kurt Schwitters Prize l-iSprengel Museum (2015), ir-Roswitha Haftmann Prize fi Zurich (2013), l-iSmithsonian American Art Museum’s Contemporary Artist Award (2010), il-Hugo Boss Prize (2002), il-Special Jury Prize mogħti mid-49 Biennale ta’ Venezja (2001), u rċieva l-għotja DAAD Artist in Residence f’Berlin (1999–2000).

Ritratt Pierre Huyghe: Ola Rindal

Sign up for
our Newsletter

No spam included.