Valur fundamentali tal-ethos tal-MICAS huwa impenn ċar għall-inklużjoni soċjali, billi jaħdem biex jipprovdi opportunitajiet għal aċċess u parteċipazzjoni wesgħin fl-arti. Il-parteċipazzjoni fl-arti tgħin biex tirrimedja għall-inugwaljanza filwaqt li żżid l-impenn soċjali u l-benesseri. L-arti tista’ tgħin biex tiġi interpretata d-dinja li ngħixu fiha anke fi żminijiet ta’ avversità. Bħala promotur tal-kreattività, l-inklużjoni u d-drittijiet tat-tfal, il-MICAS jagħti valur kbir lill-perspettiva tat-tfal bħala kontributuri validi għall-komunitajiet tagħhom. Ninsabu mimilja bl-entużjażmu biex niċċelebraw il-kreattività tat-tfal u niżguraw li l-vuċijiet u l-esperjenzi tagħhom jinstemgħu. Irridu niċċelebraw lit-tfal bħala atturi soċjali proattivi, filwaqt li nfittxu li ninvolvu ruħna mat-tfal bħala dawk li jipprovdu l-għarfien u dawk li jsawru t-tifsir. F’dan l-ispirtu u sabiex jintwera u jiġi ddokumentat ix-xogħol notevoli maħluq mit-tfal b’rispons għall-pandemija tal-COVID-19, il-MICAS kburi li qed jospita wirja online tax-xogħol tal-arti kollu li rċieva għall-MICAS Design a Mask Challenge.
‘MY MASK & ME’ hija wirja li turi dawn is-730 xogħol sabiħ. Il-wirja tipprovdi ħarsa ġenerali lejn l-aspirazzjonijiet u t-tħassib tat-tfal li jgħixu f’Malta hekk kif esperjenzaw iż-żminijiet diffiċli tal-pandemija matul ix-xitwa tal-2021. Dawn it-tfal, li għandhom bejn ħames snin u sittax-il sena, esprimew b’mod kreattiv permezz tal-arti, ir-riflessjonijiet tagħhom dwar ir-realtajiet il-ġodda u t-tfixkil sinifikanti li kienu qed jesperjenzaw fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum. Din il-wirija impressjonanti ta’ kreattività għandna għalxiex niċċelebrawha u l-MICAS huwa ugwalment impenjat li juri l-arti tat-tfal bħala parti valorizzata tal-kontenut tal-programm tiegħu.
Bħala organizzazzjoni kulturali pubblika ġdida, il-MICAS ilu, sa mit-tnedija tal-kunċett tiegħu fl-2018, jaħdem b’mod kostanti biex jikkomunika mat-tfal u jibni relazzjoni ta’ valur magħhom u mal-edukaturi, il-komunitajiet tal-iskola, il-familji u dawk li jieħdu ħsiebhom. L-edukazzjoni qiegħda fil-qalba tal-missjoni tal-MICAS u beħsiebna nkomplu dan l-impenn aħna u nkomplu nikbru.
Dr Georgina Portelli
MICAS Creative Committee