Nathanaëlle Herbelin, Kemi Onabulé u Megan Rooney
Ikkurata minn Edith Devaney, id-Direttriċi Artistika tal-MICAS
Mill-10 t’Ottubru 2026 sal-31 ta’ Jannnar 2027
A New Life Force hija wirja ġdida ewlenija li tlaqqa’ tliet pitturi li kollha qed jiksbu rikonoxximent internazzjonali: Nathanaëlle Herbelin, Kemi Onabulé u Megan Rooney. Dawn it-tlieta jaħdmu b’firxa ta’ lingwi viżivi distinti msawra minn diversi sfondi kulturali, bil-wirja toffri dawl qawwi fuq il-ġenerazzjoni li tielgħa ta’ artisti nisa li qed jiddefinixxu mill-ġdid il-pittura kontemporanja tal-lum.
Il-wirja, ikkurata minn Edith Devaney, id-Direttriċi Artistika tal-MICAS, tirrifletti l-impenn tal-mużew biex timbotta artisti f’mumenti kruċjali tal-karriera tagħhom waqt li trawwem djalogi internazzjonali madwar l-arti moderna kontemporanja.
Għall-wirja A New Life Force, kull artista ħolqot korp ġdid ta’ xogħol li parti minnu mgħarraf minn żjarat f’Malta, u huwa ispirat mill-kultura, l-istorja u l-ġeografija tal-gżira, b’dan kollu jsejjes il-wirja fi ħdan il-kuntest lokali tagħha.
Imfassla minn Cécile Degos, li hija bbażata f’Pariġi, il-wirja tiżvolġi fuq tliet sulari ta’ gallariji tal-MICAS, b’kull artista tokkupa kull spazju ddedikat għaliha. Il-konfigurazzjoni tal-mużew, simili għal terazzin, jippermetti lill-viżitaturi josservaw u jesperjenzaw kemm id-differenzi kif ukoll ir-reżonanzi bejn ix-xogħlijiet tal-artisti. Dan joħloq konverżazzjoni dinamika bejn il-prattiċi tagħhom, b’kull waħda minnhom ispirata mill-patrimonju kulturali rispettiv tagħha waqt li tintrabat mat-tradizzjonijiet storiċi tal-pittura.
L-artista Franċiża-Iżraeljana Nathanaëlle Herbelin (m.1989), hija bbażata f’Pariġi, u hija magħrufa għall-figurazzjoni atmosferika tagħha li twaħħad l-intimità, il-memorja, u l-profondità psikoloġika. Ix-xogħlijiet ta’ Herbelin fil-MICAS iwieġbu direttament għall-arkitettura drammatika tal-gallarija fis-sular t’isfel, li hija maqsuma f’żewġ spazji distinti. Fis-sala espansiva, li tinsab 18-il metru taħt is-saqaf tal-mużew, hija se tippreżenta pitturi akbar ta’ figurazzjonijiet mimlija dawl u spazju; waqt li fis-sezzjoni aktar intima se tippreżenta xogħlijiet iżgħar u astratti. Il-pitturi huma minfuda profondament b’dimensjonijiet spiritwali, u huma influwenzati minn aretfatti devozzjonali ex-voto misjuba f’binjiet storiċi u knejjes f’Malta.
L-artista bbażata f’Londra, Kemi Onabulé (m.1995), se tokkupa l-ispazju ċentrali tal-gallarija, u hija ispirata mill-patrimonju Grieg, Ingliż u Niġerjan tagħha biex tesplora r-relazzjoni tal-umanità mal-pajsaġġ, l-ekoloġija u l-memorja kollettiva. Bħala parti miż-żjarat riċerkattivi tagħha f’Malta, Onabulé intlaqtet mill-vitalità tal-gżira u t-traċċi li għadhom jidhru tat-taqbid tal-imgħoddi. L-intensità tal-pajsaġġ, il-flora u l-paletta ta’ lwien kollu sqew korp ġdid qawwi għal din il-wirja, b’diversi xogħlijiet jinħolqu fuq l-akbar tili li qatt ħolqot sa issa.
L-artista Kanadiża Megan Rooney (m.1985), tgħix u taħdem Londra. Hija daħlet b’mod speċjali f’armonija mad-dawl tal-gallariji tal-MICAS u l-pajsaġġ preistoriku għani tal-gżira. Xogħolha, maħluq speċifikament għall-ħitan sospiżi u l-gallariji ta’ fuq, huwa msawwar mid-dawl mhux fiss tas-saqaf kolossali. Huwa xogħol ġdid għalkollox ispirat mill-interess fit-tul ta’ Rooney fil-memorja, il-mit, u d-dinja antika. Il-pitturi, permezz ta’ wċuħ b’diversi saffi, ħajjin bil-kulur, atmosfera u intimazzjonijiet effimeri tan-natura, inqanqlu pasjaġġi interjuri, u jistiednu l-kontemplazzjoni taż-żmien, il-bidla u r-rabta tagħna mal-ambjent naturali.
F’A New Life Force, it-tliet artisti flimkien juru l-vitalità dejjiema u l-possibbiltajiet trasformattivi tal-pittura llum. L-approċċ ta’ kull artista għall-kulur u l-post, il-memorja u l-esperjenza umana, huwa profondament personali imma fl-istess ħin f’reżonanza ma’ dak tal-artisti l-oħra. Din hija wirja li toffri riflessjoni f’ħin opportun dwar il-pittura kontemporanja bħala sit ta’ esperimentazzjoni, emozzjoni u tiġdid.


