Manifattura, Twassil, Installazzjoni u Rfinar ta’ Ħitan Interni għall-MICAS

Espressjoni ta’ Interess — MICAS/EOI/002/2025

L-Isfond

Il-Malta International Contemporary Art Space (MICAS) irid isaħħaħ l-infrastruttura kulturali ta’ Malta billi jipprovdi pjattaforma għall-arti kontemporanja u l-internazzjonalizzazzjoni. Malta qed tieħu pass importanti ’l quddiem permezz ta’ dan l-ispazju, u se ssir protagonista proattiva tad-dinja tal-arti kontemporanja.

Il-MICAS mhux biss vetrina għall-artisti kontemporanji lokali imma wkoll qed jingaġġa ma’ istituzzjonijiet internazzjonali biex jippreżenta xogħlijiet innovattivi ta’ artisti rinomati minn madwar id-dinja.

Il-MICAS għandu l-għan li jenerġizza pożittivament l-ekoloġija kulturali ta’ Malta u jħalli impatt fuq ir-reġjun Ewro-Mediterranju li huwa jgħix fih. Il-missjoni tal-MICAS hija li jippromwovi l-arti kontemporanja billi joħloq kuxjenza pubblika lejn is-sinifikat tal-arti viżiva fuq il-ħajja kontemporanja, u billi jpoġġi fuq quddiem nett il-mod kif l-arti u l-artisti jikkontribwixxu għal kif niżnu u ninterpretaw id-dinja li ngħixu fiha.

Il-MICAS huwa proġett ta’ legat infrastrutturali mill-Gvern ta’ Malta għas-settur tal-Kultura u l-Arti.

 

L-Intenzjoni

Manifattura, twassil, installazzjoni u rfinar ta’ ħitan temporanji għall-Galleriji tal-MICAS.

 

Deskrizzjoni

Il-binja interna

Il-mużewijiet u l-galleriji kollha jeħtieġu l-ħitan, u l-MICAS mhuwiex eċċezzjoni. Il-perit u l-iżviluppaturi pprovdew lill-MICAS binja li internament kienet għadha fi stat naturali, u għalhekk it-tim tal-MICAS addatta l-interjuri tagħha b’mod li jipprovdi l-prirekwiżiti formali għal kwalunkwe mużew artistiku jew gallerija. Wieħed mill-għanijiet tal-ewwel wirja: Joana Vasconcelos: Transcending the Domestic, kien li juri l-binja u l-proġett ta’ restawr bi sħiħ u għalhekk ebda binja interna ma kienet meħtieġa. Il-programm artistiku tal-MICAS li huwa wieħed kontinwu għandu ħafna xogħlijiet li jeħtieġu ħitan ma’ xiex jiddendlu u għalhekk sistema ta’ dendil flessibbli hija meħtieġa.

 

Ir-ristrezzjonijiet tal-binja

Mal-ewwel daqqa t’għajn, il-galleriji tal-MICAS bid-dawl naturali dieħel ġo fihom u l-konfigurazzjoni miftuħa tagħhom, flimkien mal-ħitan mad-dawra ta’ barra li huma storiċi u mikulin, ma jidhrux daqstant adegwati għal spazji formali ta’ galleriji. Il-MICAS, bil-mandat tiegħu li jkun verament internazzjonali, mhux biss għandu l-obbligu li jesebixxi xogħlijiet ta’ importanza internazzjonali, imma wkoll li jirrispetta l-aspettattiva tal-entitajiet li jsellfuh tali xogħlijiet – il-mużewijiet, il-fondazzjonijiet u l-artisti – u parti minn din l-obbligazzjoni hija li jipprovdi l-kundizzjonijiet aċċettabbli universalment, jiġifieri intensità ta’ dawl naturali ristrett, dawl artifiċjali tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku, u arranġamenti ta’ sigurtà adegwati u intenzjonati għal ħitan bi skop li magħhom jiddendel xogħol artistiku. Il-MICAS ħaddan dak kollu li din il-binja partikolari tipprovdi u għandu l-intenzjoni li jwaħħad il-ħtiġijiet tax-xogħlijiet esebiti mal-karatteristiċi uniċi tal-binja, u b’dan il-mod jiċċelebra dak li jagħmel lill-MICAS uniku fuq pjattaforma globali.

 

L-estetika u l-provvediment ta’ intervent sensittiv

Il-ġmiel u l-ftuħ tal-binja, u ma’ dan il-kxif tal-imgħoddi storiku ta’ Malta għandhom jiġu ċċelebrati u mhux jitgħattew minn binja interna. Madankollu, irridu nwaħħdu dan kollu ma’ dmir ta’ diliġenza lejn l-arti u l-artisti li jesebixxu hawnhekk, kif ukoll lejn il-pubbliku li jżur dan il-mużew. Bla dubju, il-binja tiġbed lin-nies, imma fil-verità qabelxejn il-pubbliku jżur il-MICAS biex jara x-xogħlijiet artistiċi. Is-soluzzjoni hija waħda li l-MICAS iħoss li tonora l-binja u l-isfond storiku tagħha. Mhix waħda li tikkompeti mal-arkitettura jew tisfidaha b’xi mod, anzi tirreplika l-ftuħ tal-ispazju u l-possibbiltà għall-viżitaturi biex jidħlu minnha. Fl-istess ħin tindirizza l-kwistjoni partikolari li jkollok tħares lejn il-galleriji minn fuq u tirrikonoxxi l-ħtieġa li dawn l-ispazji jiġu animati. L-asimettrija tal-galleriji, minħabba t-turġien, tipprovdi kwistjoni oħra li trid tiġi indirizzata. Il-gallerija tat-tieni sular b’saqaf baxx bil-kolonni, bl-affluwenza tal-ħitan storiċi wkoll għandha l-isfidi tagħha.

 

Użu fit-tul ta’ żmien għall-ħitan proposti

Waqt li l-ħitan kollha huma temporanji, jiġifieri jistgħu jitneħħew mingħajr ebda impatt materjali fuq il-binja storika, aħna naraw dan l-investiment essenzjali bħala soluzzjoni mhux temporanja imma għal tul ta’ żmien. Biex inniżżlu l-ispejjeż ta’ esebizzjonijiet individwali, il-MICAS fassal dawn il-ħitan għal użu fit-tul ta’ żmien u flessibbli. Id-disinn u l-flessibbiltà tagħhom huma intenzjonati għal kull wirja fil-programm tagħna, biex l-ispiża ta’ dan tiġi eliminata mill-baġit tal-wirjiet individwali.

 

Soluzzjoni

Il-binja tippreżenta kemm ftuħ kif ukoll eleganza u dan huwa rifless fis-soluzzjoni finali tal-ħitan temporanji. Kollha huma għoljin – il-biċċa l-kbira tagħhom huma għoljin madwar erba’ (4) metri u kollha huma dojoq. L-għoli tagħhom huwa importanti għall-wiri tax-xogħlijiet artistiċi biex b’hekk inkunu nistgħu nipprovdu spazju li fih il-viżitaturi jistgħu jikkontemplaw l-arti mingħajr interferenzi viżivi oħra. Kull sular huwa trattat b’mod differenti kif jixraq lill-kwalità arkitettonika tagħhom. Is-sular ta’ fuq (livell numru 3) għandu ħitan sospiżi, bi tliet ħitan kbar jiffurmaw forma tal-ittra ‘U’ u dawn iħallu miftuħa l-veduta tas-sulari ta’ taħt u l-karatteristika arkitettonika tal-arkata ta’ Barbara fis-sular ta’ isfel. Il-ħajt fuq wara se jservi biex jimblokka d-dawl u l-ħajt imbiegħed se jgħatti x-xkiel viżiv li ġej mit-taraġ f’livell numru 4. Jistgħu jiġu installati ħitan iżgħar biex iżidu t-tul lineari tal-ispazju.

It-tieni sular se jkollu żewġ ħitan temporanji mwaħħlin minn naħa għal oħra ta’ wara u kull naħa tal-bieb li jibqgħu sejrin sal-lift panoramiku. Ħitan weqfin waħedhom b’wisa’ ta’ żewġ metri u appoġġjati minn blokok ta’ ġebla Maltija jistgħu jokkupaw l-ispazji ċentrali. Il-gallerija bil-kolonni se jkollha serje ta’ skrins permezz ta’ ħitan imwaħħlin mal-pilastri. Dawn se jipprovdu spazju għal dendil imma se jipprovdu wkoll veduti mxekkla tal-ħitan storiċi fuq wara. L-ewwel livell tal-galleriji se jkollu ħitan mill-art sas-saqaf madwar il-ħitan ta’ wara u l-ġnub ta’ taħt l-ispazju msaqqaf. Il-ħitan weqfin waħedhom appoġġjati mill-ġebel se jokkupaw il-bqija tal-gallerija.

 

Il-Lista ta’ Obbligazzjonijiet mill-Kuntrattur:

 

Il-Lista ta’ Objettivi:

  1. Il-kuntrattur għandu jimmanifattura, iwassal, iwaħħal u jirfina l-ħitan imsemmija skont il-pjanti mehmuża pprovduti f’din l-Espressjoni ta’ Interess sal-aħħar jum ta Mejju tal-2025 skont il-Gantt Chart mehmuża.
  2. Il-kuntrattur li jingħata l-kuntratt għandu jinnota li d-dettalji u d-dimensjonijiet fil-pjanti pprovduti huma indikattivi u għalhekk għandu jikkonferma l-qisien tagħhom fuq is-sit qabel il-fabbrikazzjoni tagħhom.
  3. Il-kuntrattur għandu jżomm mal-ispeċifikazzjonijiet kollha mniżżla f’dawn il-pjanti u jekk ikun hemm bżonn ta’ tibdil, il-kuntrattur għandu jikseb approvazzjoni minn qabel mingħand rappreżentant tal-MICAS.
  4. Il-ħitan ma għandhomx jiġu manifatturati fuq il-post u għandhom jitwasslu fuq is-sit lesti biex jiġu installati u rfinati biss.
  5. Il-kuntrattur ma għandu jedd jixtri ebda tagħmir f’isem MICAS għall-manifattura, twassil, installazzjoni u rfinar ta’ dawn il-ħitan. It-tagħmir neċessarju għal dan is-servizz għandu jiġi pprovdut bi spejjeż tal-kuntrattur.

 

Sottokuntrattar

  1. L-offerent rakkomandat ma jista’ jassenja ebda parti minn dan il-ftehim jew xi wieħed mid-drittijiet u l-obbligi mniżżla, lil parti terza mingħajr il-kunsens bil-miktub tal-MICAS. F’każ ta’ sottokuntrattar, l-offerent rakkomandat għandu jippreżenta ċ-ċertifikati relevanti kollha mitluba mill-MICAS qabel ma jagħti l-approvazzjoni tiegħu.
  2. L-offerent rakkomandat għandu jitlob l-awtorizzazzjoni bil-miktub minn qabel tal-MICAS qabel ma jidħol f’sottokuntratt. L-awtorizzazzjoni tkun ibbażata fuq is-servizzi li se jiġu sottokuntrattati u l-identità tas-sottokuntrattur intenzjonat. Il-MICAS għandu fi żmien ġimgħa waħda (1) minn meta jirċievi n-notifika, jinnotifika lill-offerent rakkomandat bil-miktub bid-deċiżjoni tiegħu, u f’każ li ma jagħtix din l-awtorizzazzjoni jiddikjara r-raġunijiet tiegħu.
  3. L-ebda sottokuntratt ma jista’ joħloq relazzjonijiet kuntrattwali bejn kwalunkwe sottokuntrattur u l-MICAS.
  4. L-offerent rakkomandat huwa responsabbli għall-azzjonijiet, in-nuqqasijiet u n-negliġenza tas-sottokuntratturi tiegħu, kif ukoll tal-esperti, l-aġenti, jew l-impjegati tiegħu, daqslikieku kienu l-azzjonijiet, in-nuqqasijiet, jew in-negliġenza tiegħu stess, l-esperti, l-aġenti, jew l-impjegati tiegħu. L-approvazzjoni tal-MICAS tas-sottokuntrattar jew ta’ kwalunkwe parti tal-kuntratt jew tal-ingaġġ mill-offerent rakkomandat u mis-sottokuntratturi biex iwettqu kwalunkwe parti mis-servizzi ma teħlisx lill-offerent rakkomandat minn kwalunkwe obbligu mniżżel fil-kuntratt.
  5. Jekk sottokuntrattur jinstab mill-MICAS li huwa inkompetenti fit-twettiq ta’ dmirijietu, il-MICAS jista’ jitlob minnufih lill-offerent rakkomandat, jew biex jipprovdi sottokuntrattur bi kwalifiki u esperjenza aċċettabbli għall-MICAS bħala sostitut, jew biex jerġa’ jibda jwettaq is-servizzi huwa stess.
  6. Qabel tingħata l-approvazzjoni minn qabel kif imsemmi fl-Artikolu 2.2, l-Awtorità tal-Kuntrattar għandha tiżgura li s-sottokuntrattur ma jaqa’ taħt ebda mill-kriterji ta’ esklużjoni u ma jkunx imniżżel fil-lista s-sewda skont it-Taqsima VI tar-Regolamenti dwar il-kuntratti pubbliċi.
  7. Fl-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt, is-sottokuntrattur għandu jiżgura li jikkonforma mal-obbligi applikabbli fl-oqsma tal-liġi ambjentali, soċjali u tax-xogħol stabbiliti mil-Liġi tal-Unjoni, il-liġi nazzjonali, il-ftehim kollettiv jew mid-dispożizzjoni internazzjonali dwar il-liġi ambjentali, soċjali u tax-xogħol elenkati fl-Iskeda 12 tar-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku.
  8. Dawk is-servizzi fdati lil sottokuntrattur mill-offerent rakkomandat ma jistgħux jiġu fdati lill-partijiet tas-sottokuntrattur.
  9. Il-MICAS ma jintrabatx mas-sottokuntrattur u r-relazzjoni legali tkun biss mal-offerent rakkomandat kif previst fir-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku.
  10. Kwalunkwe bidla fis-sottokuntrattur mingħajr il-kunsens bil-miktub minn qabel tal-MICAS titqies bħala ksur tal-kuntratt.

 

Il-Leġislazzjoni Nazzjonali

L-offerent rakkomandat jintrabat li jikkonforma mal-Kapitolu 424 tal-Liġijiet ta’ Malta (L-Att Dwar l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol tal-2000) u mar-regolamenti/avviżi legali kollha li jiffurmaw parti minn dan l-Att, kif ukoll kwalunkwe leġiżlazzjoni, regolamenti, standards u/jew kodiċi ta’ prattika nazzjonali oħra, fis-seħħ matul l-eżekuzzjoni tal-kuntratt, li jirrigwardjaw kwistjonijiet ta’ saħħa u sigurtà kif japplikaw għas-sitwazzjoni operattiva partikolari tal-offerent rakkomandat u n-natura tal-attivitajiet tax-xogħol.

 

L-Assigurazzjoni u l-Indennizz

  1. L-offerent rakkomandat għandu jindennizza lill-MICAS kontra kull dannu soffert f’kull u fi kwalunkwe pretensjoni fi kwalunkwe ħin li jirriżultaw mill-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt. Fil-każ li jsiru xi talbiet kontra l-MICAS, l-offerent rakkomandat, bi spejjeż tiegħu stess għandu jmexxi kwalunkwe litigazzjoni li tista’ tinqala’ minn kwalunkwe negozjati għal saldu.
  2. L-offerent rakkomandat għandu assigura ruħu kontra obbligazzjoni legali lil partijiet terzi, fl-ismijiet konġunti tal-MICAS u tiegħu, fir-rigward ta’ mewt jew korriment lil kwalunkwe persuna, fosthom l-impjegati u l-persunal tiegħu, l-impjegati jew il-viżitaturi tal-MICAS jew telf ta’ jew ħsara lil kwalunkwe beni li jistgħu jirriżultaw minn jew b’konsegwenza tas-servizz li jkun qed jiġi pprovdut, u kontra kull proċedimenti ta’ talbiet, id-danni, l-ispejjeż, it-tariffi u l-ispejjeż kollha jkunu xi jkunu fir-rigward tagħhom jew fir-relazzjoni tagħhom.
  3. Il-polza tal-assigurazzjoni jeħtieġ li tinħareġ f’isem l-offerent rakkomandat u l-MICAS għad-drittijiet u l-interessi rispettivi tagħhom.
  4. Fi żmien ħmistax-il (15) ġurnata tax-xogħol mill-iffirmar tal-ftehim kuntrattwali, l-offerent rakkomandat għandu jippreżenta l-iskedi tal-polza relatati mal-koperturi tal-assigurazzjoni kif mitlub f’din l-Espressjoni ta’ I Barra minn hekk, l-offerent rakkomandat għandu, fi żmien ħamest (5) ijiem ta’ xogħol mill-iskadenza ta’ kull perjodu tal-polza, jippreżenta approvazzjonijiet jew skedi ta’ tiġdid, skont liema jkunu applikabbli, li jikkonfermaw it-tiġdid tal-poloz meħuda skont din l-espressjoni ta’ interess.

 

Terminazzjoni tal-Kuntratt

  1. Mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-gvern li jxolji “ipso jure” l-kuntratt fil-każ ta’ ksur ta’ xi kundizzjoni minnu u minbarra t-tnaqqis stabbilit għad-dewmien fit-twettiq il-MICAS jirriżerva d-dritt li jitlob id-danni attwali mġarrba mill-offerent rakkomandat.
  2. Barra minn hekk, il-MICAS jista’ jtemm il-kuntratt sebat (7) ijiem wara li javża lill-offerent rakkomandat fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin:
    • L-offerent rakkomandat jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont il-kuntratt.
    • L-offerent rakkomandat jonqos milli jikkonforma fi żmien raġonevoli mogħti mill-MICAS li jirrikjedi li fih jagħmel tajjeb għan-negliġenza jew in-nuqqas vis-à-vis it-twettiq tal-obbligi tiegħu skont il-kuntratt li jaffettwaw serjament l-eżekuzzjoni xierqa u f’waqtha tas-servizz ipprovdut.
    • L-offerent rakkomandat jirrifjuta jew jittraskura li jwettaq ordnijiet amministrattivi mogħtija mill-MICAS.
    • L-offerent rakkomandat jassenja l-kuntratt jew jissottokuntratta l-kuntratt mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-MICAS.
    • L-offerent rakkomandat ifalli jew ikun għaddej minn proċess ta’ likwidazzjoni, qed ikollu l-affarijiet tiegħu amministrati mill-qrati, daħal f’arranġament mal-kredituri, issospenda l-attivitajiet tan-negozju, huwa s-suġġett ta’ proċedimenti li jikkonċernaw dawk il-kwistjonijiet, jew jinsab fi kwalunkwe sitwazzjoni analoga li tirriżulta minn proċedura simili prevista fil-leġiżlazzjoni jew fir-regolamenti nazzjonali.
    • L-offerent rakkomandat jinstab ħati ta’ reat li jikkonċerna l-kondotta professjonali tiegħu b’ sentenza li għandha s-saħħa ta’ “res judicata”.
    • L-offerent rakkomandat jinstab ħati ta’ mġiba professjonali ħażina gravi li tiġi ppruvata bi kwalunkwe mezz.
    • L-offerent rakkomandat kien is-suġġett ta’ sentenza li għandha s-saħħa ta’ “res judicata” għal frodi, korruzzjoni, involviment f’organizzazzjoni kriminali jew kwalunkwe attività illegali oħra ta’ detriment għall-interessi finanzjarji tal-UE.
    • L-offerent rakkomandat jonqos milli jipprovdi l-garanziji jew l-assigurazzjoni meħtieġa, jew il-persuna li tipprovdi l-garanzija jew l-assigurazzjoni sottostanti ma tkunx tista’ tonora l-impenji tagħha.
  3. L-offerent rakkomandat jew ir-rappreżentant delegat tiegħu, jista’, wara t-terminazzjoni abbażi ta’ dan il-kuntratt, jonora s-servizzi huwa stess, jew jikkonkludi kwalunkwe kuntratt ieħor ma’ parti terza, bi spejjeż tal-offerent rakkomandat stess. L-obbligazzjoni tal-offerent rakkomandat għad-dewmien fit-tlestija tieqaf minnufih meta l-Awtorità tal-Gvern Ċentrali ttemm il-kuntratt mingħajr preġudizzju għal kull obbligazzjoni marbuta miegħu li setgħet diġà nħolqot.
  4. Meta l-kuntratt jiġi tterminat abbażi tal-punti ta’ hawn fuq, l-offerent rakkomandat ma għandux jiġi kkumpensat għall-ispiża tiegħu.
  5. Mat-terminazzjoni tal-kuntratt jew malli l-offerent rakkomandat jirċievi avviż ta’ dan, huwa għandu jieħu passi immedjati biex iwaqqaf is-servizz fil-pront u b’mod ordnat u b’tali mod li l-ispejjeż jinżammu minimi.
  6. Il-MICAS għandu, mill-aktar fis possibbli, jiċċertifika l-ammont dovut mill-offerent rakkomandat fid-data tat-terminazzjoni.
  7. Jekk it-terminazzjoni tal-kuntratt tkun attribwibbli lill-offerent rakkomandat, dan ma jkunx intitolat li jitlob għal kumpens għal kwalunkwe telf jew dannu mġarrab.

 

Is-Saħħa u s-Sigurtà

  1. Il-kuntrattur huwa responsabbli li jiżgura li ż-żona indikata għandha tinżamm fi stat tajjeb u li jiġu osservati r-Regolamenti kollha dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.
  2. Il-kuntrattur huwa marbut li jikkonforma mal-Att Dwar l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol 2000 (Kap 424 tal-Liġijiet ta’ Malta) u ma’ kull regolamenti/avviżi legali li huwa parti minn dan l-Att; kif ukoll ma’ kwalunkwe leġiżlazzjoni, regolamenti, standards, u/jew kodiċi ta’ prattiki oħra nazzjonali u tal-Unjoni Ewropea fis-seħħ matul l-eżekuzzjoni tal-kuntratt, li jirrigwardjaw kwistjonijiet ta’ saħħa u sigurtà, kif japplikaw għas-sitwazzjoni operattiva partikolari tal-kuntrattur u n-natura tal-attività tax-xogħlijiet.
  3. Il-kuntrattur għandu jipprovdi t-tagħmir kollu relatat mas-saħħa u s-sigurtà kif meħtieġ mil-leġiżlazzjoni Maltija, u prattika tajba, kif meħtieġ mill-MICAS u kif jista’ jiġi spjegat aktar fid-dettall f’dan il-kuntratt.
  4. Il-kuntrattur għandu jalloka r-riżorsi kollha meħtieġa biex jissalvagwardja s-saħħa u s-sigurtà tal-operaturi, u ta’ kwalunkwe persuna li s-servizzi jistgħu jaffettwaw. Il-kuntrattur jintrabat li jwettaq il-valutazzjonijiet kollha meħtieġa tar-riskju, il-proċeduri tas-saħħa u s-sigurtà u jżomm id-dokumentazzjoni relevanti kollha ta’ sostenn kif mitlub mil-leġiżlazzjoni Maltija, japplika prattika tajba u kif jista’ jintalab mill-MICAS. Il-MICAS iżomm id-dritt li jispezzjona f’dan ir-rigward u jekk l-offerent rakkomandat jinstab mhux konformi, il-MICAS għandu jitlob lill-kuntrattur biex jibda jimxi mar-regolamenti tas-saħħa u s-sigurtà immedjatament.

 

Il-Manutenzjoni

L-offerent rakkomandat huwa responsabbli mit-tindif, il-manutenzjoni u ż-żamma taż-żona indikata.

 

Struzzjonijiet mill-MICAS

L-offerent rakkomandat jintrabat li josserva l-obbligi kollha imposti fuqu mill-kuntratt u li jsegwi l-istruzzjonijiet mogħtija lilu mill-MICAS jew minn dawk delegati lilu.

 

L-Offerent Rakkomomandat

L-offerent rakkomandat ma jistax jassenja jew jittrasferixxi d-drittijiet tiegħu skont dan il-ftehim lil partijiet terzi.

 

L-Eżekuzzjoni tal-Kuntratt

Il-kuntratt għandu jibda mid-data tal-aħħar firma fuq il-kuntratt.

 

 

Il-Ħtiġiet

Il-persuni interessati għandhom iressqu dawn li ġejjin:

  • Konferma li l-provvisti jistgħu jiġu manifatturati, imwassla, installati u lesti fiż-żmien stipulat billi tiġi ffirmata l-formola tad-dikjarazzjoni pprovduta skont il-Gantt Chart ipprovduta.
  • Konferma li se jimxu mal-ispeċifikazzjonijiet kollha skont il-pjanti pprovduti permezz ta’ firma fuq il-formola tad-dikjarazzjoni pprovduta.
  • Skedi tax-Xogħol mimlija.

 

Id-Duratà tal-Kuntratt

Il-perjodu ta’ twettiq tal-kuntratt jiskatta mill-aħħar firma tal-kuntratt u jibqa’ sejjer sax-xahar ta’ Mejju 2025 kif speċifikat fil-Gantt Chart.

 

Il-Pagamenti

Il-MICAS se jħallas lill-kuntrattur li jieħu l-kuntratt mal-preżentazzjoni ta’ fattura. Il-pagamenti jsiru fi żmien tletin (30) jum minn meta tasal il-fattura u t-tlestija tal-installazzjoni tal-ħitan.

 

Talbiet ta’ kjarifikazzjoni

Dawk interessati jistgħu jressqu kwalunkwe talba għal kjarifika lill-MICAS billi jibagħtu email indirzzata lill-procurement@micas.art sa mhux aktar tard minn nhar it-Tlieta, il-25 ta’ Marzu 2025.

Dawk interessati huma avżati li noti ta’ kjarifika, interpretazzjonijiet, korrezzjonijiet jew tibdil fl-Espressjoni ta’ Interess se jittellgħu fuq https://micas.art/get-involved/.

Dawk interessati huma avżati li kwalunkwe nota ta’ kjarifika, interpretazzjoni, korrezzjoni jew tibdil fl-Espressjoni ta’ Interess se tikkostitwixxi parti integrali minn din l-Espressjoni ta’ Interess u huma l-offerenti li għandhom jiżguraw li s-sit web jiġi rivedut regolarment qabel ma jissottomettu l-offerta tagħhom.

 

Tressiq tal-Offerti

Dawk interessati li huma eliġibbli li japplikaw għandhom jindikaw l-interess tagħhom billi jibagħtu d-dokumenti kollha mitluba skont ir-rekwiżiti billi jibagħtu email indirizzata lil procurement@micas.art sa mhux aktar tard minn nhar it-Tlieta, l-1 ta’ April 2025 f’nofsinhar, u jindikaw is-suġġett u r-referenza tal-Espressjoni ta’ Interess (MICAS/EOI/002/2025).

Interess imressaq b’mod ieħor ma jiġix ikkunsidrat.

Emails imressqin wara d-data ta’ skadenza għat-tressiq ma jiġux ikkunsidrati. Ma tiġi aċċettata ebda obbligazzjoni għal rifjut ta’ kwotazzjonijiet mibgħuta tard.

Din l-Espressjoni ta’ Interess ma tikkostitwixxix offerta biex tidħol f’xi kuntratt mal-MICAS. Il-MICAS, fl-ebda każ mhu se jassumi responsabbiltà għal tali spejjeż imġarrba minn offerenti prospettivi, tkun xi tkun l-imġiba jew l-eżitu tal-proċedura kompetittiva mibdija skont din l-Espressjoni ta’ Interess, inkluż il-kanċellazzjoni.

Id-dokumenti meħtieġa jinsabu hawn:

  1. Gantt Chart u Formula ta’ Dikjarazzjoni
  2. Skedi tax-Xogħol
  3. Formula ta’ Dikjarazzjoni li tikkonċerna l-Ispeċifikazzjonijiet
  4. Pjanti

 

 

Ħtiġijiet għall-Għażla u l-Għotja

Dawk interessasi, biex jitqiesu eliġibbli għall-għoti ta’ din l-Espressjoni ta’ Interess, iridu jipprovdu evidenza li jissodisfaw jew jaqbżu ċertu kriterji minimu deskritti fit-taqsima tal-Ħiliet u Ħtiġijiet ta’ din l-Espressjoni ta’ Interess.

Il-kuntratt se jingħata lill-offerent interessat li jressaq l-aktar Ħiliet u Ħtiġijiet sodisfaċenti mitluba f’din l-Espressjoni ta’ Interess.

 

L-Għażla u l-Evalwazzjoni

Kull sottomissjoni tiġi ttrattata bl-aktar mod strett mill-bord tal-għażla u tiġi vvalutata skont il-kriterji msemmijin hawn isfel:

 

Marki għall-Kriterji ta’ Evalwazzjoni

Data ta’ Skadenza tal-Manifattura, Twassil, Installazzjoni u Rfinar tal-Ħitan

40

Obbligatorji

Dikjarazzjoni tad-data ta’ skadenza ffirmata flimkien mal-Gantt Chart

40

 

Prezz

  30

Obbligatorji

Skedi tax-Xogħol Mimlija

30

 

Manifattura, Twassil, Installazzjoni u Rfinar tal-Ħitan

30

Obbligatorji

Dikjarazzjoni ta’ konformità mal-ispeċifikazzjonijiet kollha msemmija fil-pjanti pprovduti f’din l-Espressjoni ta’ Interess

30

 

 

Marka minima: 60 Marka totali: 100

Il-MICAS jirriżerva d-dritt li jagħżel u/jew jirrifjuta kwalunkwe offerta jew l-offerti kollha mressqa jew li jagħżel sottomissjonijiet multipli kif meħtieġ biex jissodisfaw il-ħtiġijiet deskritti f’dan id-dokument ta’ Espressjoni ta’ Interess. Jekk l-ebda sottomissjoni ma titqies sodisfaċenti, il-MICAS jirriżerva d-dritt li jassenja l-kuntratt lil fornitur tas-servizz ieħor li mhux neċessarjament kienu involuti f’din l-Espressjoni ta’ Interess. Id-deċiżjoni tal-MICAS f’dan ir-rigward hija finali u vinkolanti.

Skip to content