Francis Sultana

‘L-arti mhumiex sempliċiment idea elużiva. Attwalment jgħinuna noħolqu l-ħajja’

L-Ambaxxatur tal-Kultura għal Malta, Francis Sultana, jitkellem għaliex il-MICAS lest biex jilħaq udjenza kemm jista’ jkun wiesgħa biex joħloq ċentru kulturali għall-pajjiż kollu

Mexxej globali fid-disinn ta’ ġewwa, Francis Sultana jaf sew dwar il-valur edifikanti u nutrittiv li għandhom il-mużewijiet għall-poplu.
F’Londra, fejn ilu jgħix mindu kellu 19-il sena, triqtu lejn l-industrija tad-disinn kienet ikkaratterizzata minn ħin imqatta’ fil-Victoria & Albert Museum, mużew li aktar tard inħatar membru tal-kunsill konsultattiv tiegħu, bħala president tal-Fond tad-Disinn li kien isostni l-akkwist ta’ oġġetti ta’ disinn kontemporanju għall-mużew bejn l-2011 u l-2015.
Għalhekk Sultana jifhem għaliex is-sena d-dieħla se tkun kruċjali biex fiha jinħoloq pedament sod biex indubjament il-MICAS isir preżenza globali fi ħdan id-dinja tal-arti.  “Il-MICAS se jappoġġja artisti Maltin stabbiliti u emerġenti, imma daqstant ieħor importanti, se jġib ukoll lejn Malta artisti internazzjonali ta’ klassi mondjali biex jesebixxu. Dan hu ta’ valur kbir kemm għall-artisti Maltin kif ukoll għall-viżitaturi tal-MICAS,” jistqarr dwar dak li għandu jsir bħala destinazzjoni ewlenija ta’ turiżmu kulturali.
“Dan żvilupp pożittiv ħafna għal Malta fuq diversi livelli. Imma teżisti faċċata oħra għal dan kollu – dik edukattiva. Il-mużewijiet jedukaw lill-ġenerazzjonijiet kollha, imma speċjalment liż-żgħażagħ. Il-MICAS se joħloq legat importanti minħabba li ż-żgħażagħ Maltin li jixtiequ jsiru artisti jew jinvolvu ruħhom fid-dinja tal-arti kontemporanja se jaraw quddiem għajnejhom uħud mill-aktar artisti importanti jżuru lill-gżira tagħhom. Dan huwa punt ewlieni fil-viżjoni tal-MICAS.”
Ġie mistieden biex ikun parti mill-bord tal-MICAS f’fażi bikrija, u l-Ambaxxatur tal-Kultura għal Malta huwa magħruf sew fil-qasam tal-filantropija f’Londra permezz ta’ sostenn lil istituzzjonijiet kulturali ewlenin bħad-Design Museum u s-Serpentine Galleries. “Stajt nintroduċi artisti ewlenin kemm lil Malta kif ukoll lill-MICAS flimkien ma’ personaġġi importanti oħra fid-dinja tal-arti b’mod ġenerali, minn dawk fl-istampa għal kollezzjonisti tal-arti ewlenin, persuni li huma parti mid-dinja tal-arti internazzjonali tal-lum,” ikompli Sultana.
Dawn ir-rabtiet mad-dinja tal-arti kontemporanja globali kienu kruċjali fis-suċċess tal-weekends annwali tal-arti tal-MICAS, li matul dawn l-aħħar ħames snin ospitaw artisti famużi bħal Ugo Rondinone, Pierre Huyghe, Cristina Iglesias, Michele Oka Doner, u Conrad Shawcross.
“Meta l-MICAS tnieda internazzjonalment, il-figura ta’ Ugo Rondinone – li għandha l-istess narrattiva bħal oħrajn tiegħu li esebixxa barra r-Rockfeller Centre fi New York – intgħażlet minħabba li nħasset tant marbuta mal-ewwel xogħlijiet artistiċi ta’ Malta, li huma l-figuri permezz ta’ skulturi fil-ġebel Neolitiċi,” jispjega Sultana.
“Meta Ugo ġie mistieden Malta, iddedika l-iskultura lit-tfal ta’ Malta, li fil-viżjoni tiegħu hija simbolika ħafna għall-gżira. Meta d-dinja tal-arti internazzjonali rat dan, mill-ewwel irrealizzat il-kobor u l-valur globali tal-proġett li Malta kienet qed tibni – kien mument seminali għall-MICAS.”

 

“Il-mużewijiet jinvolvu persuni minn kull qasam tal-ħajja. Imma huma wkoll parti minn stil ta’ ħjja: post fejn tiekol xi ħaġa, fejn tieħu lil uliedek għal għodwa tal-arti, huma wkoll ħolqien ta’ komunità… dak hu s-suċċess tal-mużewijiet tal-arti.”

 

Il-ħidma ma’ persuni importanti u mill-aktar rispettati fl-arti ppermettiet lill-membri tal-MICAS jintroduċu l-kunċett tal-MICAS lill-bqija tad-dinja. “Ix-xogħol ta’ Cristina Iglesias intwera hawnhekk f’Malta qabel esebixxietu fir-Royal Academy f’Londra fis-sena ta’ wara,” ifakkar Sultana. “Issa l-MICAS, fit-tnedija tiegħu verament jinsab fuq quddiem ta’ x’qed jiġri fid-dinja globali.”
U bil-ftuħ tal-programm artistiku tal-MICAS permezz tal-artista famuża Portugiża Joana Vasconcelos, Sultana jħoss li ċittadini minn kull qasam tal-ħajja se jinġibdu mill-arti tagħha. “Jeħtieġ niġbdu u ninvolvu lill-komunità wiesgħa li tista’ ma tkunx motivata mill-arti. Il-MICAS qed jiffoka biex jilħaq udjenza wiesgħa kemm jista’ jkun u joħloq ċentru kulturali għall-pajjiż kollu. L-arti verament jittraxxendu l-fruntieri bejn ġenerazzjonijiet, kulturi u sfondi.”
Francis Sultana (centre) flimkien ma’ Sara Dolfi Agostini, u l-artista Michele Oka Doner
Sultana jqis ukoll l-arkitettura tal-MICAS u l-pożizzjonar tal-bini kbir militari b’għan ġdid bħala l-bidu ta’ destinazzjoni ġdida li se tistieden riġenerazzjoni tal-madwar taħt is-Swar tal-Furjana u l-port ta’ Marsamxett.
“Madwar l-Ewropa kollha, mużewijiet ġodda qegħdin jinfetħu f’żoni mitluqa, u jġibu magħhom il-forza qawwija progressiva u ekonomika tar-riġenerazzjoni li tgawdi minnha ż-żona kollha. Meta jinfetaħ mużew ġdid ewlieni ta’ valur bħall-MICAS, dan jistieden effett domino ta’ titjib u xprunar.”
Sa meta l-MICAS jistabbilixxi lilu nnifsu bħala destinazzjoni, Sultana jemmen li aktar faċilitajiet se jiftħu fil-madwar u dawn se joħolqu sens ta’ skop u mewġa ġdida ta’ viżitaturi liż-żona. “Għandna bini ġdid meraviljuż, u kampus sabiħ li se jiftaħ is-sena d-dieħla, fosthom Ġnien tal-Iskultura, li se jkun spazju għall-komunità kollha biex iżżuru u tieħu pjaċir fih.
Saħansitra aktar importanti minn hekk, huwa jara lill-MICAS bħala pedament għal stil ta’ ħajja ġdida li huwa kien xhud tagħha mill-qrib f’Londra.
“Il-mużewijiet jinvolvu persuni minn kull qasam tal-ħajja. Imma huma wkoll parti minn stil ta’ ħjja: post fejn tiekol xi ħaġa, fejn tieħu lil uliedek għal għodwa tal-arti, huma wkoll ħolqien ta’ komunità… dak hu s-suċċess tal-mużewijiet tal-arti.
“Fis-snin li ġejjin, il-MICAS se jkun post li tgawdi u li jikber, bħalma ġara fi bliet oħra. Għax l-arti mhumiex biss xi idea elużiva; attwalment jgħinuna noħolqu l-ħajja, ninkoraġġixxu lill-komunitajiet u jġibu magħhom valur kbir ekonomiku u kulturali. Il-MICAS se jħalli t-timbru tiegħu.”

Skip to content