Ix-xogħol fotografiku ta’ David Pisani jista’ jiġi deskritt fi ftit kliem bħala dedikazzjoni ma taqta’ xejn lejn is-sublimi u l-erotiku.
Ix-xogħlijiet l-aktar bikrija tiegħu (ċ. it-80ijiet) kienu diġà wrew tħassib profond dwar ir-rappreżentazzjoni tal-ġisem uman, in-natura erotika ta’ postijiet u oġġetti bħala fetiċiżmu, u r-rabta inevitabbli mas-sesswalità u l-mewt; temi li huma konsistentament preżenti f’xogħlu kollu.
Ir-rabta bejn it-tħassir u l-arkitettura hija l-aktar evidenti fl-esej fotografiku tiegħu ‘Vanishing Valletta’ fuq il-belt kapitali nnifisha u ż-żona notturna Strada Stretta, li ġie esebit għall-ewwel darba f’Pariġi fl-1966 fil-Biennale tal-Fotografija: Mois de la Photo à Paris taħt l-isem La Valette et le Grand Port – Portrait d’une Capitale Maritime. Fis-sena 2000, għażla mill-arkivju ta’ Vanishing Valletta ġiet inkluża fil-kollezzjonijiet permanenti tal-Bibliothèque Nationale de France. Pisani pproduċa wkoll esejs fotografiċi fuq il-belt ta’ Dubai, iż-żoni ta’ kunflitt f’Ċipru u l-belt ta’ Kyoto fil-Ġappun.
Fl-1998 ikkonfronta t-tema tal-ġisem uman bi trattament aktar espliċitu tat-temi tat-tħassir u l-mewt u pproduċa korp seminali ta’ xogħol bl-isem Every-Body, li fih żviluppa proċess kimiku fotografiku uniku li jikkawża lill-immaġnijiet biex jinbidlu maż-żmien, proċess parallel mal-ġisem uman li jixjieħ, imut u jiddekomponi.
Il-fotografija ta’ Pisani tista’ tiġi deskritta bħala vjaġġ personali biex jifhem l-umanità fil-kumplessità enormi tagħha. Fittex bla waqfien li jipproduċi immaġnijiet sinifikanti li mhumiex biss rappreżentazzjonijiet oġġettivi, imma metafori tat-tħassib tiegħu fuq il-kundizzjoni umana, l-ambjent u l-ideat politiċi tiegħu. Inġibed lejn is-suġġett tad-dekadenza u l-mewt sa minn età bikrija u ġie affaxxinat mir-rappreżentazzjoni tal-ġisem uman (f’sofferenza jew f’estasi). Dan dovut parzjalment għall-fatt li Pisani trabba fil-gżira ta’ Malta fejn il-manifestazzjonijiet reliġjużi u r-rappreżentazzjoni artistika tal-Barokk huma omnipreżenti.
Waqt li r-riċerka ta’ Pisani fil-korporealtà evolviet, ħareġ ċar li ma setax ma jirrappreżenta l-figura umana mingħajr ma jidħol fis-sublimi u l-erotiku, u għalhekk finalment ir-rabta bejn is-sesswalità u l-mewt irriżultat f’korp ta’ xogħol bl-isem Every-Body (1998).
Every-Body hija parti minn proġett kontinwu relatat mal-ġisem uman, ir-rappreżentazzjoni u l-metafora tiegħu fl-arti viżiva u l-perċezzjoni tagħna tal-ħajja u l-mewt fil-kultura kontemporanja. Il-prints ta’ din il-kollezzjoni huma kollha ritratti ta’ ġelatina tal-fidda żviluppati permezz ta’ proċess uniku maħluq minnu stess li jiddekomponi l-print maż-żmien. L-objettiv kien li joħloq ritratt li jinqata’ mill-artist/kreatur u jibda ħajja indipendenti minnu. Il-prints huma f’mutazzjoni kontinwa permezz ta’ reazzjonijiet kimiċi u f’perjodu ta’ diversi deċennji, se jiddiżintegraw bħalma l-ġisem uman jgħix, jixjieħ, imut u jiddekomponi.
Madankollu, il-proġett mhuwiex sempliċiment esperiment fil-fotografija alternattiva: il-motiv u l-messaġġ tiegħu oriġinaw minn diskors politiku fuq il-kultura kontemporanja, li jieħu bħala referenza seminali x-xogħol ta’ Pierre Bourdieu u l-pożizzjoni tiegħu fuq il-ġisem bħala rappreżentazzjoni kulturali flimkien ma’ dak ta’ Julian Huxley u l-moviment tranżumanista li jipprevedi utopja tal-ġisem b’bijoloġija perfetta. Din l-utopja hija xprunata min-natura nnifisha tar-realtà bijoloġika erratika tagħna. Fil-kultura kurrenti ta’ ossessjoni fina nfusna u l-über-realtajiet ibbażati fuq immaġnijiet, il-ġisem fil-forma bażika tiegħu qed jitwarrab, jinħeba, waqt li kull innovazzjoni teknoloġika qed timbotta ’l quddiem il-ħolma finali ta’ umanojdija perfetta (imma artifiċjali).
L-aktar xogħol riċenti tiegħu jittratta preċiżament din l-ossessjoni kurrenti ta’ awtoimmaġni u trasformazzjoni tal-ġisem u t-tħassib tiegħu li l-konsegwenzi ta’ dawn il-movimenti tal-massa, xprunata mit-teknoloġija, se jimpattaw serjament il-ħajjiet soċjali futuri u ċ-ċivilizzazzjoni tagħna. Pisani qal “…fl-aħħar mill-aħħar kollha qegħdin fil-proċess li nissodisfaw in-njostiku tal-ħolma tranżumanista.”
Pisani huwa darkroom printer fanatiku b’aktar minn 30 sena ta’ esperjenza fil-printing kummerċjali u artistiku.
Ritratt ħajr George Scintilla
Share
Operational Programme I – European Structural and Investment Funds 2014-2020 “Fostering a competitive and sustainable economy to meet our challenges”. Project may be part-financed by the European Regional Development Fund Co-financing rate: 80% European Union Funds; 20% National Funds.
Operational Programme I – European Structural and Investment Funds 2014-2020 “Fostering a competitive and sustainable economy to meet our challenges”. Project may be part-financed by the European Regional Development Fund Co-financing rate: 80% European Union Funds; 20% National Funds.
© Malta International Contemporary Art Space 2023
© Malta International Contemporary Art Space 2024
© Malta International Contemporary Art Space 2024