Mix-xellug: Phyllis Muscat, Dr Georgina Portelli, Timothy Rub, Waqas Wajahat

Waqas Wajahat: ‘MICAS, għajnejn id-dinja tal-arti fuq Malta’

Il-MICAS għandu l-viżjoni. Għandu t-talent. U għandu l-momentum. Id-dinja qed tħares lejn Malta.

Dil-gżira ċkejkna ta’ Malta bħalissa tinsab f’salib it-toroq. Filli qed naraw dinja tħares iżjed ’il ġewwa, iżda n-nazzjon Malti donnu qed iħares ‘il barra b’kuraġġ – iħaddan l-iskambji kulturali, jinvesti fil-kreattività, u lest juri x’għandu x’joffri fix-xena globali tal-arti kontemporanja.
Imkien ma huwa aktar evidenti dan l-ispirtu milli fil-MICAS, il-mużew il-ġdid tal-arti kontemporanja ta’ Malta, li diġà qed iservi bħala spazju vitali kemm għall-artisti internazzjonali kif ukoll għal dawk Maltin.
Waqas Wajahat
Għalija din l-istorja bdiet ’il bogħod minn Malta – f’Karachi, fejn twelidt, u f’Philadelphia, fejn bdejt il-karriera tiegħi fid-dinja tal-arti bħala kuratur fil-Mużew tal-Arti ta’ Philadelphia. Aktar tard, fid-djar tal-irkant u l-galleriji ta’ New York, tgħallimt kif ix-xiri tal-arti huwa iżjed minn  akkwist, iżda intenzjoni – ċjoè, li wieħed juri għarfien kuratorjali, sabiex l-arti tgħix biex tirrakkonta l-istejjer, issawwar il-perspettivi, u sabiex xogħlijiet individwali jiġu elevati  f’esperjenza kulturali kollettivi.
Din hi r-raġuni għala l-mużewijiet bħal MICAS huma importanti. Fost id-dinja ta’ kuraturi, negozjanti, u kolletturi, l-għarfien veru tal-arti u l-kollezzjonijiet sinifikanti jitwieled meta wieħed jitgħallem minn dawk li jafdaw il-wirt tagħhom lill-mużewijiet. Huwa ġewwa l-mużewijiet li jieħdu forma n-narrattivi tal-arti.
U huwa dan it-twemmin li wassalni għall-MICAS, u għal Malta. Bħala president tal-Kumitat Internazzjonali tal-MICAS, ir-rwol tiegħi kien li ngħaqqad tim ta’ konsulenti, mexxejja fl-oqsma tagħhom,  li jimpurtahom ħafna mill-arti u li lesti jagħtu lura xi ħaġa lis-soċjetà Maltija. Timothy Rub, Direttur Emeritus tal-Mużew tal-Arti ta’ Philadelphia, kien l-ewwel wieħed li ngħaqad. Dalwaqt se jkollna lil William Cornog, kollettur minn Dallas, u ex-kap ta’ KKR Capstone. Bħal kull wieħed u waħda minna fil-kumitat, dawn ir-rwoli naqduhom b’mod volontarju.
Mill-ewwel żjara tagħna, kien ċar li Malta tinsab f’mument uniku: gżira mimlija enerġija u miftuħa għad-dinja. L-investiment tal-gvern fil-MICAS mhuwiex biss kwistjoni ta’ infrastruttura; huwa dwar il-viżjoni. Fi żmien meta n-nazzjonaliżmu u l-iżolazzjoniżmu qed jiżdiedu fid-dinja, Malta qed ixxaqleb lejn l-internazzjonaliżmu, bl-arti.
Il-mandat tal-kumitat internazzjonali fi ħdan MICAS huwa ċar: li l-MICAS jiġi stabbilit bħala spazju għall-wirjiet ta’ klassi dinjija, li jattiraw artisti kontemporanji ewlenin, filwaqt li jipprovdi wkoll pjattaforma globali għall-artisti Maltin li xogħolhom jibda jinħass ferm lil hinn mix-xtut tal-gżira.
Din il-viżjoni qed titwettaq taħt it-tmexxija tal-bord tal-MICAS, immexxi mill-ċerpersin eżekuttiv tiegħu Phyllis Muscat, kif ukoll mid-direttur artistiku Edith Devaney. Iż-żmien twil li għamlet Devaney fl-Akkademja Rjali ta’ Londra, kif ukoll il-ħidma ma’ artisti bħal Jasper Johns u David Hockney, jagħtu kredibbiltà serja lill-proġett inniffsu. U permezz tar-relazzjonijiet tiegħi stess ma’ artisti bħal Antony Gormley, Tracey Emin, u Jonas Wood, fittixt li niftaħ il-bibien kollha li stajt biex ngħin lill-MICAS tkabbar il-firxa u r-reputazzjoni tagħha.
Ir-riżultati huma inkontestabbli. Aktar kmieni din is-sena, Reggie Burrows Hodges – wieħed mill-aktar pitturi importanti tal-ġenerazzjoni tiegħu – mexxa l-istudio tiegħu lejn Malta wara żjara. Fi Frar, Antony Gormley qatta’ sitt ijiem fil-MICAS u telaq lura b’ispirazzjoni profonda. Dawn mhumiex biss waħdiet – dawn sinjali ta’ momentum reali.
U dan huwa biss il-bidu. Il-MICAS issa qed iħejji l-ewwel wirja kollettiva tiegħu ta’ sitt artisti kontemporanji Maltin ewlenin. Aktar tard din is-sena, se jvara wirja rivoluzzjonarja, ddedikata lill-pittur Amerikan Milton Avery u l-influwenza dejjiema tiegħu fuq l-arti kontemporanja. Se jkun mument rari fl-Ewropa: Malta se tippreżenta x-xogħol ta’ Avery flimkien ma’ dak ta’ artisti bħal Henni Alftan, Harold Ancart, March Avery, Andrew Cranston, Gary Hume, Nicolas Party, u Jonas Wood – eżebizzjoni li tpoġġi lil Malta fuq il-mappa kulturali internazzjonali.
Dan huwa t-tip ta’ programmar li se jħalli l-marka tiegħu. Marka li turi li Malta pajjiż serju, li din il-gżira waslet u lesta tilqa’ l-aħjar arti kontemporanja.
Għal aktar minn għaxar snin, kelli l-pjaċir inlaqqa’ mistiedna speċjali matul l-Art Basel Miami Beach sabiex nagħti l-appoġġ tiegħi għall-istituzzjonijiet li nemmen fihom. Fil-passat dawn il-laqgħat ibbenefikaw il-Gallerija Nazzjonali f’Washington, DC, il-Mużew Norton fi Florida, u l-Fondazzjoni Barnes f’Philadelphia. Din is-sena, din il-laqgħa se tgħin lill-MICAS.
Iżda biex il-MICAS jirnexxi tassew, il-pubbliku Malti stess jrid iħaddanha – mhux biss bħala istituzzjoni, iżda bħala simbolu ta’ dak li Malta tista’ ssir. Mużewijiet kbar mhumiex mibnija mid-diretturi u l-kuraturi biss; huma mibnija mill-komunitajiet. Għax magħhom iġibu t-twemmin, il-parteċipazzjoni, u l-kburija b’istituzzjonijist bħal-MICAS.
Il-mistoqsija m’għadhiex jekk Malta tistax tidħol fil-konverżazzjoni globali tal-arti. Diġà qegħdin hemm. Il-mistoqsija issa hija: fejn nistgħu nilħqu?
Il-MICAS għandu l-viżjoni. Għandu t-talent. U għandu l-momentum. Id-dinja qed tħares lejn Malta.
Waqas Wajahat huwa chairman tal-kumitat internazzjonali tal-MICAS
 
Skip to content