Vince Briffa Photo Credit Joe P Smith
Vince Briffa Photo Credit Joe P Smith

Vince Briffa

27 ta' April 2023

Vince Briffa huwa artist multimedjali, kuratur u riċerkatur. Ix-xogħol tiegħu transdixxiplinari u transmedjetiku jikkonsisti f’xogħol artistiku għal galleriji u speċifikament għal siti, skulturi, vidjos u installazzjonijiet. B’bażi ta’ studju tat-tpenġija u l-pittura kif ukoll fl-arti tal-midja, il-kunċetti tiegħu jixorbu mill-oqsma artistiċi kontemporanji u estetiċi, jintegraw approċċi u tħassib mill-oqsma tal-arti, is-soċjoloġija, ir-reklamar, l-istudji tal-film, il-letteratura u l-filosofija.

Huwa wkoll kuratur ta’ wirijet tal-arti kontemporanja, kiteb artikli għal diversi pubblikazzjonijiet tal-arti lokali u internazzjonali u jorganizza regolarment wirjiet, simpożji, u attivitajiet relatati mal-arti f’Malta u lil hinn. Huwa Professur tal-Arti permanenti fl-Università ta’ Malta. Fl-2009, kiseb dottorat mill-Università ta’ Central Lancashire fir-Renju Unit, u fl-2000 kiseb Maġisteru fl-Arti bl-ogħla marka mill-Università ta’ Leeds. Ingħata diversi residenzi artistiċi, fosthom l-istudios tal-iskultura fil-Kulleġġ tal-Arti ta’ Edinburgh, l-Iskozja, fl-1996, il-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura Leeuwarden fl-2018, u l-Kastell Ranieri f’Umbria fl-istess sena. Proġetti kummissjonati tiegħu jinkludu wirijiet u installazzjonijiet fil-Bliet Kapitali Ewropej tal-Kultura Cork 2005, Pafos 2017 u l-Belt Valletta 2018.

Huwa membru tas-soċjetà taċ-Civitella Ranieri Foundation, New York; Assoċjat Internazzjonali, CUT Contemporary Fine Arts Lab, l-Università tat-Teknoloġija ta’ Ċipru; u l-iScuola di Cinema, Accademia di Belle Arti, Katanja, Sqallija.

Matul l-aħħar erbgħin sena, ix-xogħol ta’ Briffa ġie esebit fi wħud mill-aktar mużewijiet u galleriji prestiġjużi dinjija li jinkludu l-Paviljun ta’ Malta, il-Biennali ta’ Venezja fl-1999 u l-2019; il-Mużew Pierides, Ċipru, il-Palais des Nations, l-Iżvizzera; il-Mużew tal-Arti Moderna, Liechtenstein; il-Mużew Casoria, Napli, il-Villa Manin tal-Arti Kontemporanja, l-Italja; MAC, l-Arġentina; il-Palais Liechtenstein, l-Awstrija; il-Mużew tal-Arti, ir-Rumanija; u l-Mużew tal-Arti Moderna, l-Iżrael. Fl-2015 ġie wkoll ikkummissjonat biex jiddisinja u jipproduċi l-monument biex jikkommemora s-Summit tal-Belt Valletta dwar il-Migrazzjoni għal Pjazza Kastilja. Xogħlu jinsab f’diversi kollezzjonijiet privati u pubbliċi, kemm lokalment kif ukoll internazzjonalment.

Rebaħ il-premju Omaggio all’Arte ed all’Innovazione a Venezia 2019 mogħti mill-Unjoni tal-Konsli Onorarji tal-Italja (UCOI) u l-Assoċjazzjoni Nazzjonali tal-Innovaturi Żgħażagħ (ANGI) fil-Biennali tal-Arti ta’ Venezja tal-2019. Ikkura wirjiet f’Malta u lil hinn, fosthom f’NRW Forum, Düsseldorf; Münchner Künstlerhaus, Munich; Les Rencontres Arles; De Harmonie, Leeuwarden; u l-Mużew tal-Arti, il-Belt Valletta.

Bħala akkademiku, huwa attiv fir-riċerka tal-arti bbażata fuq il-prattika u d-disinn. Briffa kien ukoll involut fl-industriji kreattivi għal snin twal u kien strumentali fit-tnedija ta’ grafika kompjuterizzata fix-xandir televiżiv f’Malta lejn l-aħħar tat-tmeninijiet.

Ritratt ħajr lil Joe P. Smith

Sign up for
our Newsletter

No spam included.