Waqt il-Weekend Internazzjonali tal-Arti tal-MICAS 2021, inkixef l-akkwist il-ġdid tal-MICAS, ix-xogħol Sea Cave (Entrance) speċjalment ikkummissjonat mill-artista magħrufa internazzjonalment Cristina Iglesias, fil-Ġnien ta’ Hastings, il-Belt. Iglesias, li twieldet fl-1956, hija oriġinarja tal-Pajjiż Bask u taħdem Madrid, fejn toħloq spazji kontemplattivi profondi ta’ immaġinazzjoni bl-użu ta’ vokabularju skultoriku uniku espress f’xogħol li jista’ jinstab fil-qalba tal-ibliet jew fuq gżejjer remoti.
Cristina Iglesias tagħti l-ħajja lil strutturi u installazzjonijiet fil-beraħ li jużaw l-ilma bħala element integrali li jitlob lil min jaraha isegwi b’mod pensiv il-fluss tal-ilma u l-frugħ u l-mili tal-mogħdija tiegħu. Toffri kompożizzjonijiet ta’ ħafna saffi, tessuti, fondi illużjonarji, u sekwenzi maħluqa: metafori għall-memorja, il-ħajja, u l-kxif ta’ dak li hemm taħt il-wiċċ. Bħala akkwiżizzjoni nazzjonali eċċitanti ġdid li se tibqa’ aċċessibbli għall-pubbliku biex iżurha u jgawdiha bħalissa fil-Ġnien ta’ Hastings, Sea Cave (Entrance) eventwalment se tiġi rilokata għall-Ġnien tal-Iskultura tal-MICAS fil-Kontrogwardja ta’ San Salvatore li tagħti fuq il-Port ta’ Marsamxett.
Aktar informazzjoni hawnhekk.