AL-Ambaxxatur Tal-Kultura Għal Malta U Membru Tal-Bord Tal-MICAS Francis Sultana Jitkellem Dwar L-Attività Ta’ Ġbir Ta’ Fondi Li Jmiss Tal-MICAS: HONEY

In-nies isaqsuni: imma Malta tassew għandha bżonn spazju tal-arti ġdid bħall-MICAS? It-tweġiba faċli, u hi assolutament IVA. L-espressjoni tal-arti, id-design u r-relazzjoni ta’ pajjiżna mal-kultura, hija riflessjoni mhux biss ta’ kif Malta tipperċepixxi lilha nnifisha, imma hija mera ta’ kif il-bqija tad-dinja tara lil Malta. 

Hemm burdata ta’ fiduċja f’Malta. Stabbilejna lilna nfusna fuq il-mappa internazzjonali. Se nrawmu dejjem aktar dan is-sens ta’ kburija nazzjonali permezz ta’ dan l-ispazju flessibbli u maħsub sew għall-arti kontemporanja, li jkun innetwerkjat b’mod proattiv u li jkun fil-qalba tax-xena internazzjonali tal-arti. 

Bil-MICAS, għandna x-xorti li ġa bdejna naħdmu ma’ xi wħud mill-akbar istituzzjonijiet tal-arti fid-dinja. Din is-sena, bi pjaċir kbir qed nikkollaboraw mas-Serpentine Galleries, wieħed mill-ispazji kulturali l-aktar innovattivi tar-Renju Unit. Madankollu, l-iżvilupp ta’ spazju tal-arti ewlieni bħall-MICAS jeħtieġ il-flus u l-investiment, l-aktar sabiex ikun hemm programm dinamiku li jolqot bosta oqsma, u li jkun jinkludi inizjattivi edukattivi u komunitarji flimkien ma’ wirjiet internazzjonali fuq skala kbira. 

Huwa għalhekk essenzjali li ntellgħu attivitajiet kbar ta’ ġbir ta’ fondi, mhux biss biex niġbdu lejna l-finanzjament meħtieġ biex intejbu l-programm tagħna u nwasslu l-missjoni tal-MICAS bl-aħjar mod. Dawn l-attivitajiet se jgħinuna nuru lil Malta lill-aqwa kuraturi tad-dinja. Meta niftħu fl-2022, se nkunu ġa stabbilejna sew l-ethos u l-intenzjoni tal-MICAS fix-xena tal-arti internazzjonali, u għalhekk inkunu nistgħu niġbdu lejna l-aħjar artisti tad-dinja.

Francis Sultana, ritratt ta' Chris Floyd.
L-avveniment tagħna li jmiss għall-ġbir ta’ fondi, il- “HONEY” ART PARTY huwa skedat għal Ottubru. Se jkun parti minn sensiela ta’ avvenimenti eċċitanti fi tmiem il-ġimgħa, iċċentrati madwar il-ħidma ta’ Pierre Huyghe, li qed iseħħu f’kollaborazzjoni mas-Serpentine Galleries, li jien kburi li jien il-ko-president tal-kumitat soċjali tagħhom. Għax-xogħol Exomind (Deep Water) Pierre Huyghe amalgama figura magħmula mill-konkos ta’ mara qiegħda kokka, ma’ doqqajsa ħajja li issa se tifforma parti mill-ekosistema f’Wied il-Luq, il-Buskett, iddakkar ferħana l-flora tal-madwar. Dan il-kunċett meraviljuż ispira t-tema tal-party tal-ġbir ta’ fondi li qed jiġi organizzata flimkien ma’ Immersive Cult. 
 
Tul dan il-weekend, se nvaraw ix-xogħol ta’ Huyghe permezz ta’ sensiela ta’ taħditiet immexxija minn Hans Ulrich Obrist u Rebecca Lewin mis-Serpentine Galleries.  Wara l-opra maħluqa għall-MICAS minn Ugo Rondinone s-sena li għaddiet, huwa pjaċir kbir tagħna li artist tal-fama ta’ Huyghe qabel li juri dan ix-xogħol inkredibbli f’Malta għall-MICAS.
 
Dan il-weekend ta’ attivitajiet f’Ottubru huwa parti mill-missjoni tagħna. Minbarra l-ġbir ta’ finanzi kruċjali, joffri wkoll pjattaforma inkredibbli għalina biex nistiednu artisti dinjin magħrufa bħal Huyghe u Rondinone, u biex iżuru Malta l-akbar kuraturi u patruni tal-arti tad-dinja biex jaraw il-medda ta’ enerġija u talent li għandna. Dan xprun qawwi għall-internazzjonalizzazzjoni bis-saħħa tar-relazzjonijet kulturali biex Malta titpoġġa fuq il-kalendarju internazzonali tal-arti kontemporanja. 
 
Il-MICAS qed jitwaqqaf sabiex inebbaħ lill-ġenerazzjoni li jmiss ta’ artisti Maltin biex joħolmu b’palk globali fejn xi darba jkunu jistgħu juru ix-xogħlijiet tagħhom. Huwa r-rwol tiegħi bħala Ambaxxatur tal-Kultura għal Malta u Membru tal-Bord tal-MICAS li nirreklama lil Malta madwar id-dinija, imma wkoll li nħeġġeġ lit-talenti tagħna biex ikollhom il-kunfidenza li jidhru u jirnexxu. L-appoġġ lill-arti huwa ħaġa ta’ sodisfazzjon kbir u ma nistax nieqaf nirrakkomandah! 
 
Nittamaw li tkun tistgħu tingħaqdu magħna għall-Weekend Internazjzonali tal-Arti tal-MICAS.

Share

© Malta International Contemporary Art Space 2024

Skip to content