Cristina Iglesias fil-funderija ta’ Alfa Arte. Ritratt: Jose Luis Lopez Zubiria.

Il-Weekend Internazzjonali tal-Arti tal-MICAS: Pjattaforma għad-djalogu fejn jistgħu jiġu esplorati perspettivi kontemporanji ġodda dwar l-arti

30 ta' Settembru 2021

Minn Dr Georgina Portelli (Kumitat Kreattiv tal-MICAS)

Ma hemm l-ebda dubju li din is-sena kienet waħda ta’ sfida għas-settur tal-arti u għall-komunitajiet kollha tagħna minħabba l-inċertezzi ġġenerati mill-pandemija tal-COVID-19. L-għanijiet primarji tagħna għall-MICAS, minkejja dawn l-isfidi, jibqgħu l-istess. L-ewwel waħda hija li nibqgħu nimxu ’l quddiem kif qed nagħmlu bil-programm intensiv ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni li se jwasslu għat-tlestija tal-galleriji interni tal-MICAS fl-2022. L-oħra hija relatata mal-iżvilupp ambizzjuż ta’ programm tal-arti kontemporanja konsistenti u eċċitanti. Hija l-missjoni tal-MICAS li ssaħħaħ l-esperjenza kulturali nazzjonali billi toħloq opportunitajiet ġodda għall-impenn u tgħin biex titqajjem kuxjenza dwar is-sinifikat tal-arti viżiva fil-ħajja kontemporanja. Għalhekk, kuntenti ħafna li l-qofol tal-programm tagħna, it-tielet edizzjoni tal-Weekend Internazzjonali tal-Arti tal-MICAS, se jkun qed isseħħ fil-15 u s-16 ta’ Ottubru 2021.

Bħala vetrina għall-arti kontemporanja ġdida u rivoluzzjonarja, il-Weekend Internazzjonali tal-Arti tal-MICAS jaġixxi bħala pjattaforma għad-djalogu fejn jistgħu jiġu esplorati perspettivi kontemporanji ġodda dwar l-arti u jinbnew pontijiet mal-komunità tal-arti globali usa’.

L-edizzjoni ta’ din is-sena tagħti prominenza lill-ħidma tal-artista ċelebri Cristina Iglesias, esponent eċċezzjonali tal-arti pubblika li toħloq pajsaġġi immaġinarji straordinarji bi spazji kontemplattivi immersivi. Ix-xogħlijiet tagħha joħorġu minn nisġa poetika tal-arkitettura, il-memorja, il-post, l-ekoloġija u l-katalizzaturi perċettwali. Ir-repertorju skultoriku tal-artista huwa espress permezz ta’ materjali bħall-bronż, diversi metalli oħra, l-injam u l-alabastru. Għadd sinifikanti ta’ installazzjonijiet pubbliċi ta’ Cristina Iglesias jużaw l-ilma bħala element integrali, b’xogħlijiet li jvarjaw minn funtani orizzontali u kmamar mgħarrqa sa kreazzjonijiet inkredibbli bħal Hondalea (Marine Abyss), fil-Fanal tal-Gżira ta’ Santa Clara fuq il-bajja ta’ Donostia-San Sebastián. L-arti pubblika, kemm permanenti kif ukoll temporanja, għandha dik il-kapaċità li toħloq spazju soċjali aktar immedjat u interattiv għal min jaraha. Dan jista’ jgħin biex jinħolqu l-koeżjoni u l-benesseri kif ukoll biex jiġi pprovokat dibattitu tant meħtieġ. Żgur li ma jistax jinċaħad il-potenzjal li jiġi ffaċilitat l-aċċess u tiżdied il-parteċipazzjoni fl-arti permezz ta’ interventi tal-arti pubbliċi bħal dawn.

Il-MICAS ħerqan li juri l-arti pubblika li tinvolvi ruħha b’mod kritiku fil-kuntest filwaqt li tiżgura li tali xogħol isir aċċessibbli b’mod pożittiv għal udjenza usa’. Skont dan l-ethos, għalhekk, il-Weekend Internazzjonali tal-Arti tal-MICAS se jikxef l-akkwist ġdid tal-MICAS, ix-xogħol ikkummissjonat apposta Sea Cave (Entrance) ta’ Cristina Iglesias. Sea Cave (Entrance) hija xogħol speċifiku għas-sit b’elementi skulturali tal-bronż u sekwenzi tal-ilma li b’mod ċar jinvolvu l-perċezzjoni ta’ min jaraha. Dan jiżvela ftuħ immaġinarju għal spazju taħt l-art li jesplora ġeoloġiji moħbija, interkonnessjonijiet u l-mogħdija taż-żmien. Dan ix-xogħol intriganti u kontemplattiv se jintwera fil-ġnien storiku ta’ Hastings, il-Belt Valletta, u se jkun miftuħ għall-wiri pubbliku mis-16 ta’ Ottubru ’l quddiem. Dakinhar stess, Cristina Iglesias ser tiddiskuti Sea Cave (Entrance) u toffri għarfien dwar il-prattika tagħha f’konverżazzjoni pubblika mal-kuratrici internazzjonali Edith Devaney fil-MUŻA, fi-Belt Valletta.

Sea Cave (Entrance) se tibqa’ fis-sit tal-Ġonna storici ta’ Hastings għas-sentejn li ġejjin. Eventwalment, ix-xogħol se jiġi rilokat u interpretat mill-ġdid bħala biċċa speċifika għas-sit għall-Ġnien tal-Iskultura tal-MICAS, li bħalissa qed jiġi żviluppat fuq il-kontrogwardja ta’ San Salvatore, il-Furjana. Il-viżjoni li tirfed l-akkwisti għall-kollezzjoni tal-MICAS tistrieħ fuq xogħlijiet tal-arti li se jibqgħu aċċessibbli għall-pubbliku biex jintwerew fil-Ġnien tal-Iskultura u spazji oħra fuq barra fuq l-art tal-MICAS. Dawn il- “galleriji fuq barra” huma maħsuba bħala spazji demokratizzanti li jospitaw wirjiet dinamiċi tal-arti kontemporanja li l-pubbliku jista’ jaċċessa u jgawdi liberament. Minbarra x-xogħlijiet tal-arti permanenti, dawn l-ispazji se jospitaw ukoll biċċiet temporanji mislufa u kkummissjonati li se jgħinu biex isostnu l-aspirazzjoni tal-MICAS bħala spazju tal-arti ewlieni li jiċċelebra l-arti u l-artisti kontemporanji. Dawn se jikkomplementaw il-galleriji ta’ ġewwa u jtejbu bil-kbir il-potenzjal tal-MICAS li joffri programm ta’ wirja kontemporanja qawwi u varjat.

Li l-arti ssir aċċessibbli għal kulħadd huwa l-valur ewlieni li jixpruna l-ambizzjoni tagħna għall-MICAS u l-Weekend Internazzjonali tal-Arti 2021. Nistednuk tingħaqad magħna fiċ-ċelebrazzjoni tal-arti kontemporanja.

Sign up for
our Newsletter

No spam included.