Sir Antony Gormley (Photo: Kian Bugeja/DOI)

Sir Antony Gormley iżur il-MICAS: ‘Istituzzjoni li turi kunfidenza u viżjoni ċara għall-kreattività kontemporanja’

L-iskultur eminenti Ingliż Sir Antony Gormley iżur il-Malta International Contemporary Art Space

L-iskultur eminenti Ingliż Sir Antony Gormley faħħar l-ambizzjoni ta’ Malta fil-promozzjoni tal-arti kontemporanja internazzjonali, waqt żjara fl-Ispazju Internazzjonali tal-Arti Kontemporanja ta’ Malta fil-Furjana.
“Qatt ma ġejt Malta qabel, u li nara post li huwa tant ovvjament kunfidenti dwar postu fid-dinja u x’jista’ jikkontribwixxi għall-futur f’termini ta’ kultura, u li huwa tant ċar dwar il-viżjoni tiegħu li jagħti spazju lill-kreattività kontemporanja… hija ħaġa meraviljuża,” qal Sir Antony lil TVM News f’intervista.
Sir Antony irrifletta dwar il-kapaċità tal-MICAS li jintegra l-wirt storiku tal-fortifikazzjonijiet tal-Furjana mal-kreattività tal-intervent modern tal-Galleriji tal-MICAS fuq dak li qabel kien il-kumpless tal-Ospizio.
Sir Antony iżur l-eżebizzjoni ta’ Joana Vasconcelos fil-MICAS flimkien ma’ l-exhibition manager tal-MICAS, Guillaume Dreyfuss
Bħala parti miż-żjara tiegħu f’Malta, Sir Antony ra wkoll it-tempji megalitiċi fil-Ġgantija, f’Għawdex.
“Kont sorpriż,” qal Sir Antony f’intervista lura ‘l-MICAS. “Kont sorpriż b’din it-tip ta’ viżjoni ta’ dawn in-nies ta’ 6,000 sena ilu, li kellhom l-ħeġġa kreattiva li jagħmlu post li jdum għal millenji sħaħ, li fih in-nies jistgħu jaħsbu dwar il-preżent, dwar il-futur u dwar ir-relazzjoni tagħhom mal-post. U bl-istess mod, is-sit tal-MICAS hawn qed jagħmel l-istess ħaġa.”
Sir Antony faħħar ukoll il-firxa diversa ta’ artisti li kkontribwew għax-xena tal-arti kontemporanja ta’ Malta, filwaqt li rrefera kemm għal Joana Vasconcelos – li l-wirja tagħha Transcending the Domestic tat bidu għall-programm artistiku tal-MICAS – kif ukoll għal Conrad Shawcross, li l-kollezzjoni tax-xogħlijiet tiegħu huma installati fil-MICAS.
“Dawn huma artisti tal-għaġeb li qed jagħtu spinta lil din l-istituzzjoni, waħda tant mimlija ferħ, tant mimlija kollaborazzjoni u tant miftuħa għall-interpretazzjoni. Tista’ tara kif hawn għandek artist li verament jemmen li ‘l-kreattività tal-bniedem u l-kreattività tal-affarijiet ħajjin kollha huma parti mill-istess ħeġġa tal-ħajja li tipprova tesprimi ruħha’.”
Sir Antony flimkien ma’ Phyllis Muscat, Ċerpersin Eżekuttiv tal-MICAS u d-Direttur Artistilu Edith Devaney
Antony Gormley (mwieled 30 ta’ Awwissu 1950, Londra, l-Ingilterra) huwa skultur magħruf l-iktar għax-xogħol tiegħu b’forom umani, li huwa ħoloq prinċipalment minn kasti tal-ġisem tiegħu stess. B’dawn ix-xogħlijiet tal-arti, Gormley eżamina aspetti tal-preżenza tal-bniedem fid-dinja, ħafna drabi billi uża aktar minn figura waħda mqiegħda f’pajsaġġ jew belt.
Fl-1994, rebaħ il-Premju Turner għall-arti kontemporanja għal grupp ta’ installazzjonijiet figurali maħluqa taħt id-direzzjoni tiegħu.
Fil-bidu tas-snin tmenin, Gormley beda jeżamina kwistjonijiet tal-umanità fir-rigward tal-ambjent. Huwa għamel l-ewwel skultura b’ġismu għal Three Ways: Mould, Hole and Passage fl-1981. Kompla billi varja l-materjali u l-pożizzjonijiet tal-bnidem – bilqiegħda, bilwieqfa, għarkupptejh, mimdud – xi kultant billi jimmanipula l-figura tal-bniedem billi jtawwalu d-driegħ, jew jissostitwixxi l-karatteristiċi tal-bniedem b’oġġetti oħra, bħal per eżempju xi raġġiera minflok ir-ras. Il-pubbliku li jeżamina dawn l-iskulturi, huma stess dehru li kienu kemm l-osservaturi kif ukoll dawk osservati.
Id-don ta’ Gormley biex ikexkex ħa żvolta meta beda jpoġġi l-figuri għera tiegħu fi spazji pubbliċi. Dawn l-ambjenti naturali fil-fatt saħħew il-fraġilità tal-forma umana u b’xi mod biddlu l-mistoqsijiet filosofiċi li jevokaw dawn ix-xogħlijiet ta’ Gormley. Għal Another Place (1997; fi Crosby f’Merseyside, l-Ingilterra), per eżempju, Gormley poġġa 100 figura ta’ ħadid fondut iħarsu lejn il-baħar fuq bajja b’medda ta’ 3.2-kilometru. Għal 6 Times (2010; f’Edinburgu), huwa poġġa sitt figuri tul l-Ilma ta’ Leith, erbgħa minnhom parzjalment mgħaddsa fl-ilma, wieħed parzjalment midfun fuq l-art, u s-sitt wieħed wieqaf fi tmiem moll antik, iħares lejn il-baħar.
Sax-xogħlijiet tiegħu tas-seklu 21, Gormley kien forsi magħruf l-iktar għall-Angel of the North (1998; qrib Gateshead, l-Ingilterra), li fil-fatt huwa ‘anġlu’ 65 pied (20 metru) għoli b’ medda ta’ 175 pied (54 metru).
Gormley ingħata l-unur ta’ Uffiċjal tal-Ordni tal-Imperu Brittaniku (OBE) fl-1997 u ġie inkluż fil-Lista tal-Unuri tas-Sena l-Ġdida għall-2014 bħala kavallier (knight bachelor). Barra minn hekk, Gormley sar membru tal-Akkademja Rjali tal-Arti fl-2003, u rċieva l-premju Praemium Imperiale tal-Assoċjazzjoni tal-Arti tal-Ġappun għall-iskultura fl-2013.
Skip to content