Raphael Vella

Raphael Vella huwa artist u kuratur ibbażat f’Malta. Ix-xogħol artistiku tiegħu jiżviluppa madwar temi relatati ma’ politika, mediċina u testwalità u juża t-tpenġija, il-collage u l-animazzjoni stop motion. Xogħlu ġie esebit f’diversi wirjiet f’pajjiżi differenti, li jinkludu Malta, il-Ġermanja, Franza, ir-Renju Unit, l-Arġentina, l-Istati Uniti tal-Amerka, il-Kanada, il-Ġappun u New Zealand. Bejn l-1992 u l-2000 kien kritiku tal-arti għal The Malta Independent u fl-1998 rebaħ il-Premju Commonwealth tal-Arti u s-Sengħa (Londra). Fl-2000, kien artist residenti għal sena fl-Iskola tal-Arti fl-Università ta’ Canterbury fi Christchurch, New Zealand u fil-bidu tad-deċennju tal-2000 kien membru fundatur tal-grupp tal-artisti StART. Bejn l-2012 u l-2013 kien direttur tal-Programm Artistiku għall-Fondazzjoni Valletta 2018, l-entità responsabbli mill-Kapitali Ewropea tal-Kultura tal-2018. Ippubblika għad ta’ artikli u esejs dwar l-arti kontemporanja, il-kultura u l-edukazzjoni u beda diversi proġetti artistiċi, impriżi edukattivi u skambji internazzjonali li għenu jbiddlu x-xena kulturali f’Malta, bħal Divergent Thinkers, il-Curatorial School, il-Valletta International Visual Arts Festival (VIVA) u ħafna proġetti li jinvolvu studenti fi triqithom għall-ewwel gradwazzjoni u dawk postgradwatorji tal-Università ta’ Malta. Fl-2017, kien kokuratur (ma’ Bettina Hutschek) tal-Paviljun Malti f’La Biennale di Venezia. Huwa wkoll professur fil-Fakultà tal-Edukazzjoni, fl-Università ta’ Malta. Minbarra li jikkoordina lawrji postgradwatorji fl-edukazzjoni tal-arti u l-prattika soċjali fl-arti u l-edukazzjoni kritika, huwa wkoll involut fi proġetti ta’ riċerka relatati mas-sostenibbiltà u l-arti, l-impatt tal-arti impenjata soċjalment, u l-edukazzjoni tal-arti f’Malta. Bejn l-2020 u l-2023, ikkoordina tim tal-Università ta’ Malta li ħadem fuq Acting on the Margins: Arts as Social Sculpture (AMASS), proġett ta’ riċerka internazzjonali fuq arti impenjata soċjalment. Il-kotba u l-artikli numerużi tiegħu jiffokaw fuq l-arti kontemporanja, l-edukazzjoni, il-prattiki u s-sostenibbiltà tal-arti impenjata soċjalment.

Ritratt ħajr Raphael Vella

Share

Skip to content