Pubblikazzjoni tal-MICAS tirrankonta l-istorja tal-bini emblematiku tal-mużew tal-arti kontemporanja ta’ Malta

MICAS: Malta International Contemporary Art Space, ippubblikat mill-ispeċjalisti tal-kotba tal-arti Electa, huwa volum definittiv dwar l-arkitettura, l-viżjoni u l-iżvilupp tal-MICAS

L-Ispazju Internazzjonali tal-Arti Kontemporanja ta’ Malta ħabbar il-pubblikazzjoni ta’ MICAS: Malta International Contemporary Art Space, volum li jittraċċa l-istorja ta’ dan il-bini emblematiku tal-aktar destinazzjoni kulturali ġdida ta’ Malta.
Ippubblikat mid-dar ta’ pubblikazzjoni Taljana Electa, u editjat mill-perit u awtur Marco Mulazzani, il-ktieb jiġbor fih dokumentazzjoni u kummentarju meqjus dwar il-mużew, kemm bħala trasformazzjoni arkitettonika kif ukoll bħala proposta istituzzjonali: spazju tal-arti kontemporanja li ġie msawwar mill-post, l-istorja u l-ambizzjoni pubblika.
Il-Viċi-Ċerpersin tal-MICAS Dr Georgina Portelli, li mexxiet il-pubblikazzjoni, qalet li l-esejs u l-materjal viżiv miġbur f’din il-pubblikazzjoni jirriflettu l-iżvilupp tal-MICAS bħala istituzzjoni ibrida.
“Meta nużaw il-kelma ‘hybrid’, qed ngħidu li l-MICAS mhuwiex biss destinazzjoni għall-wirjiet, iżda pjattaforma għall-produzzjoni artistika, għall-edukazzjoni, u għall-involviment pubbliku… Għalhekk il-pubblikazzjoni tindirizza temi ewlenin li jiddefinixxu l-identità u d-direzzjoni tal-MICAS: l-intervent arkitettoniku distintiv u l-użu adattiv ta’ art mitluqa; il-prattika kuratorjali tagħna; l-istorja li tinsiba fis-saffi tas-sit tal-Furjana; il-viżjoni istituzzjonali tagħna u l-aċċess pubbliku; l-edukazzjoni u s-sensibilizzazzjoni kulturali; u l-ġestjoni ekoloġika tal-pajsaġġ usa’ li fih huwa inkorporat il-mużew.”
Dan il-ktieb għalhekk jippreżenta l-MICAS bħala studju ta’ prattika kontemporanja fejn il-wirt Malti jingħata ġieħ iżda bla nostalġija żejda, u kif l-arkitettura, l-ekoloġija, u s-sens tal-post ġew flimkien biex iffurmaw din id-dar Maltija għall-arti kontemporanja internazzjonali.
Iċ-Chairperson Eżekuttiv tal-MICAS Phyllis Muscat qalet li l-pubblikazzjoni kienet xhieda tal-qawwa trasformattiva tal-arkitettura. “Il-viżjoni tagħna mill-bidu kienet ta’ mużew tal-arti kontemporanja tant mixtieqa mill-komunità tal-arti Maltija. Iżda fl-aħħar mill-aħħar, ħloqna istituzzjoni li tat enerġija mill-ġdid f’dan is-sit storiku, post li darba kien jintuża għad-difiża militari, u li issa huwa spazju għall-arti.”
Waqt avveniment li nieda l-pubblikazzjoni, Muscat irringrazzjat lill-membri passati u preżenti kollha tal-bord tal-MICAS kif ukoll il-ħaddiema tal-istituzzjoni, kif ukoll irringrazzjat -gvern Malti tal-investiment kontinwu f’dan il-mużew nazzjonali. “Biex inwasslu l-MICAS kien jeħtieġ twemmin f’din it-trasformazzjoni u fil-benefiċċju li l-arti kontemporanja setgħet tagħti lil Maltin. Illum, nirringrazzja lil dawk kollha li lura fl-2013 ngħaqdu miegħi biex jappoġġjaw din il-viżjoni,” qalet Muscat.
Il-pubblikazzjoni hija l-qofol tal-wirja Beyond the Bastions, li fiha l-viżitaturi jitgħallmu dwar l-istorja tas-sit tal-Furjana u l-kumpless antik ta’ Ospizio, filwaqt li jifhmu l-viżjoni usa tal-MICAS għall-arti kontemporanja fis-swali u ġonna fi ħdan il-fortifazzjonijiet; u kif il-periti Ipostudio ta’ Firenze u d-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni kkonvertew fortifikazzjoni tas-seklu 17 f’mużew.
Skip to content