Xellug: Edith Devaney, kuratriċi tal-kontemporanju u kap tal-wirja tas-sajf tar-Royal Academy of Arts ta’ Londra.
Nintroduċu Ċ-Ċelebrazzjoni Sajfija Tal-MICAS

Il-MICAS se jkun qed ivara l-ewwel Ċelebrazzjoni Sajfija tiegħu nhar il-21 ta’ Ġunju l-Belt. F’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Valletta Cultural Agency u bl-appoġġ ta’ Heritage Malta u Spazju Kreattiv, l-attività se tinkludi taħdita dwar l-arti, projezzjoni viżiva kkurata ta’ linja taż-żmien tal-arti moderna u kontemporanja Maltija, u ċelebrazzjoni bil-mużika. Il-missjoni tal-MICAS hija li tħares lejn il-validazzjoni tal-arti kontemporanja f’Malta u l-għarfien tal-kontribut tal-artisti għall-iżvilupp ta’ idjoma kontemporanja lokali. Tfittex ukoll li tqajjem għarfien u kuxjenza kif ukoll toħloq pjattaforma għad-diskussjoni kritika dwar il-prattika tal-arti kontemporanja f’Malta u għad-dokumentazzjoni tagħha.

Id-dokumentazzjoni ta’ xogħol l-artisti u l-prattika tagħhom hija importanti għall-analiżi kritika u għall-fehim. Sikwit ikun hemm artisti li ma jiddokumentawhx jew jarkivjawh xogħolhom. Hemm bżonn jiffukaw ukoll fuq id-dokumentazzjoni jew għandhom biss ikomplu għaddejjin bl-arti tagħhom? Kemm huwa importanti li dan il-materjal ikun aċċessibbli għar-riċerkaturi u l-istudenti?

Is-serata tibda bit-tentattiv li tiġi esplorata din il-kwistjoni. Fil-MUŻA se jkun hemm taħdita dwar l-arti minn Edith Devaney, li hija l-kuratriċi tal-kontemporanju u kap tal-wirja tas-sajf tar-Royal Academy of Arts ta’ Londra. Se tkun qed tiddiskuti l-importanza tal-arkivji personali ta’ artisti prattikanti, b’eżempji mill-esperjenza tagħha fil-kurazija u r-riċerka. 

Il-MICAS se tkompli tmexxi ’l quddiem id-diskussjoni dwar l-iżvilupp asinkroniku tal-idjoma kontemporanja f’Malta permezz tal-wiri ta’ linja taż-żmien viżiva u mmappjata. Din il-biċċa hija kkurata minn Katya Micallef u Georgina Portelli. Jumpstart: An Incomplete Timeline tiċċelebra l-artisti ta’ Malta bħala sawwara tat-tifsir, li jqallbu u jċaqalqu bl-innovazzjoni tagħhom.

Share

Antoine Camilleri, Rock n’ Roll, eżibita fid-29 edizzjoni tal-Biennale ta' Venezja, 1958. Ritratt bil-permess ta Joseph Paul Cassar.
Caesar Attard, Human Pantographers, Parteċipazzjoni live f'laboratorju tal-lingwa, il-Kulleġġ De La Salle, il-Kottonera, 1977. Ritratt bil-permess ta Caeser Attard.
Jumpstart: An Incomplete Timeline tuża metodoloġija komparattiva li tqiegħed avvenimenti sinifikanti nazzjonali u dinjija fi djalogu mill-qrib mat-tessut fiżiku tal-ħitan, il-faċċati u l-ispazji miftuħa tal-Belt Valletta. Dan ix-xogħol jippreżenta linja taż-żmien tentattiva imma mhux kompluta li tieħu bħala punt tat-tluq l-ewwel parteċipazzjoni ta’ Malta fil-Biennale  ta’ Venezja fl-1958. Tkompli għaddejja tul is-snin modernisti ta’ qabel u wara l-Indipendenza, saċ-ċaqliqa li tibda tinħass fil-prattika wara l-1989. L-għan ta’ din l-attività huwa li jitqanqal dibattitu vivaċi dwar l-evoluzjoni tal-idjoma kontemporanja f’Malta, it-tendenzi tagħha, l-enfażi relazzjonali, it-teknoloġiji ġodda u preokkupazzjonijiet varji.
Cityspaces (katalgu tal-wirja), First Collective minn Start Art Group, Valletta 2002.
Norbert Francis Attard, Where are you from? Minn fejn int?, Installazzjoni fotografika, Misraħ il-Ħelsien, Valletta, 2008. Ritratt bil-permess ta Norbert Francis Attard.
Dan huwa xogħol li għadu għaddej u m’għandu ebda ħsieb li jkun kanonu: din il-linja taż-żmien mhux mitmuma fil-fatt testendi sad-darba qabel l-aħħar li Malta tieħu sehem fil-Biennale ta’ Venezja, jiġifieri Mejju tal-2017. Dan ix-xogħol huwa riżultat ta’ proċess kollaborattiv ma’ artisti Maltin, bis-saħħa ta’ materjal ġej mill-arkivji personali u tal-familji tagħhom, u mill-kollezzjonijet ta’ ċittadini-arkivisti tal-arti. Hija riflessjoni fuq il-ġbir inizjali ta’ kollezzjoni diversa għall-aħħar ta’ waqtiet artistiċi li jseħħu f’postijiet u żminijiet diferenti u li għandhom rilevanza għall-iżvilupp tal-kuntest kontemporanju lokali. Jumpstart: An Incomplete Timeline se tiġi projettata fuq il-faċċata tal-Kavaliier ta’ San Ġakbu, fi Pjazza Katsilja, il-Belt Valletta.
 
Nistednuk tirreġistra bla ħlas biex tattendi għaċ-Ċelebrazzjoni Sajfija tal-MICAS billi tibgħat email lil events@micas.art. Tintbagħtlek stedina mal-konferma tar-reġistrazzjoni li tkun tista’ tuża biex tidħol għall-avveniment, billi tippreżentaha mal-bieb. Egħluq ta’ registrazzjoni: 19 ta’ Ġunju 2019.  
 
Ir-registrazzjoni obbligatorja minhabba li l-ispazju limitat.  Għal aktar tagħrif fuq dan l-avveniment, segwi din il-paġna jew ċempel fuq  21242183.
Skip to content