L-aħħar irtokki qabel l-inawgurazzjoni tal-MICAS fil-25 ta' Ottobru

Ix-xogħlijiet għaddejjin fil-kumpless tal-Ospizio jagħtu l-ħajja lill-MICAS, b’bibienu mistennija jinfetħu għall-pubbliku fl-10 ta’ Novembru 2024

Il-MICAS, wieħed mill-aktar proġetti ambizzjużi għall-arti u l-kultura f’Malta, se jiġi inawgurat uffiċjalment mill-Prim Ministru Robert Abela nhar il-Ġimgħa, il-25 ta’ Ottubru.
Il-MICAS huwa proġett ta’ legat infrastrutturali mill-Gvern ta’ Malta għas-settur tal-Kultura u l-Arti li huwa ffinanzjat parzjalment mill-Unjoni Ewropea permezz tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej 2014-2020 li huma parti mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.
Il-proġett ambizzjuż ta’ restawr se jagħti lura l-ħajja mill-ġdid lill-Ospizio li nbena fis-seklu 17 kif ukoll lis-Swar tal-Furjana li nbnew fi żmien il-Kavallieri, partikolarment il-Fortizza San Salvatur u l-Bastjun La Vittoria, b’xogħol li wassal għal kampus multidimensjonali ta’ spazju għal galleriji interni.
Din id-data storika se tiġi mfakkra permezz tal-artista Portugiża rinomata Joana Vasconcelos, li l-installazzjonijiet fuq skala kbira tagħha se jaħju lill-galleriji fuq erba’ sulari tal-MICAS b’wirja mlewna u eżuberanti ppreżentata fil-ġmiel tal-bini għadu ġebel u saqaf bid-dawl naturali dieħel mill-ħitan skavati u storiċi tiegħu.
L-element ikoniku tal-ispazju ġdid tal-MICAS huwa ċertament l-istruttura ġdida tiegħu, b’saqaf monumentali ta’ travi tal-azzar li b’mod naturali jegħleb il-kunflitt bejn fortizza storika u mużew tal-arti kontemporanja.
F’dan id-djalogu mal-istoriku, il-Bastjun ta’ Provence tas-seklu 17, is-saqaf tal-MICAS li wieħed jista’ jarah vertikalment kif ukoll il-faċċata ewlenija, jenfasizzaw il-karattru kontemporanju tax-xogħol li sar.
Internament, l-erba’ livelli tal-galleriji tal-MICAS jidhru bħal terazzin bejn il-bastjuni u taħt l-istess saqaf, b’ventilazzjoni u dawl naturali grazzi għall-funzjonalità tas-saqaf tal-azzar tal-MICAS.
Il-ftuħ imminenti tal-MICAS fil-25 ta’ Ottubru se jospita dinjitarji u mistiedna speċjali, b’diskorsi mill-Prim Ministru Robert Abela, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Kultura Owen Bonnici, kif ukoll lill-Kap Eżekuttiv tal-MICAS Phyllis Muscat, l-artista Joana Vasconcelos, u d-Direttur Ġenerali tad-Direttorat tar-Restawr Norbert Gatt. Wara, fl-10 ta’ Novembru, il-MICAS se jkun miftuħ għall-pubbliku biex kulħadd jista’ jżur il-wirja u l-arkitettura tal-MICAS.
“Il-MICAS se jsaħħaħ l-infrastruttura kulturali ta’ Malta billi se jipprovdi pjattaforma għall-arti kontemporanja u l-internazzjonalizzazzjoni. Permezz tat-tnedija tiegħu, Malta se tkun qed tieħu pass importanti ’l quddem, u se ssir protagonista proattiva tad-dinja tal-arti kontemporanja,” stqarret il-Kap Eżekuttiv Phyllis Muscat, li ilha tmexxi dan il-proġett sa mill-bidu nett tiegħu.
“Fuq kollox, dawn huwa proġett għall-komunità li llibera espansjoni enormi ta’ fortifikazzjonijiet storiċi li darba kienu jintużaw bħala maħżen għal kumpanija nazzjonali utilitarja. Din l-art qed tingħata lura lill-pubbliku, li issa jista’ jgawdi l-passaġġ storikament għani tagħha, minbarra li se tkun qed tippreżenta lil Malta bħala destinazzjoni kulturali li tiġbed lejha artisti u udjenzi internazzjonali,” żiedet Muscat.

Għal aktar informazzjoni nistednuk iżżur www.micas.art, kif ukoll @micasmalta fuq Instagram biex issegwi l-vjaġġ tal-MICAS lejn il-ftuħ tiegħu.

Aktar informazzjoni dwar il-MICAS għall-istampa

Viżjoni mwettqa: Il-Kap Eżekuttiv tal-MICAS, Phyllis Muscat tirrifletti fuq l-ispazju għall-artkontemporanja li se jiftaħ fil-futur qrib

Inlaqqgħu l-arti, l-arkitettura, u n-natura flimkien: il-Ġnien tal-Iskultura tal-MICAS

Ġewwa l-fortifikazzjonijiet li jilqgħu lill-MICAS

Saffi tal-MICAS (l-Ewwel Parti): l-istorja tal-Ospizio

Saffi tal-MICAS (it-Tieni Parti): is-Swar tal-Furjana u l-Forti San Salvatur

Aktar informazzjoni dwar Joana Vasconcelos

Artiġjanat XXL: kif Vasconcelos tiddekontestwalizza l-‘femminil’

Skip to content