Joyce Camilleri

Joyce Camilleri (m. Toronto, il-Kanada, 1980) tgħix Malta fejn għandha l-istudio tagħha. Hija membru tad-Dipartiment tal-Arti Viżiva fil-Fakultà tal-Ambjent Mibni fl-Università ta’ Malta. 

Il-prattika artistika ta’ Camilleri għandha għeruq fondi fit-tpenġija u l-printmaking, bit-tnejn jissustanzjaw il-metodu fil-pittura tagħha. Xogħolha jwessa’ l-konfini ta’ elementi grafiċi, joħloq metafori rappreżentattivi u kważi astratti li jċajpru l-linja bejn ir-reali u l-immaġinarju. Hija tesplora l-kunċetti viżivi tal-ispazju poetiku permezz ta’ riċerka kontinwa tal-materjal, waqt li tagħti aktar importanza lill-proċess artistiku milli lis-suġġett. F’xogħolha, l-intenzjoni artistika u l-prattiċi mmexxija mill-proċess huma dejjem interkambjabbli.

Tħarrġet b’mod estensiv fil-pedagoġija tal-arti, it-teorija, u l-prattika kemm f’Malta kif ukoll lil hinn. Studjat għal xi żmien fil-Freie Universität, Berlin (2004), u ħadet masterclasses tal-arti fl-Internationale Sommeracademie fur Bildende Kunst f’Salzburg ma’ Tobias Pils (2019). Fl-2005, studjat taħt Michael Morgner u fl-2007 ingħatat borża ta’ studju fil-prattika usa’ tat-tpenġija.

Camilleri kisbet Maġisteru fl-Edukazzjoni (bħala Għalliema tal-Arti) mill-Università tal-West of Scotland (2017), Diploma fl-Arti tal-Printmaking mill-Iskola Maltija tal-Arti (2008), u Baċellerat fl-Edukazzjoni (bl-Unuri) fl-Arti mill-Università ta’ Malta (2002).

Matul is-snin, xogħolha ġie esebit b’mod estensiv, f’wirjiet individwali kif ukoll kollettivi, f’Malta u madwar l-Ewropa, fosthom f’wirjiet akkademiċi internazzjonali u kontemporanji fi bliet bħal Salzburg, Vicenza, u Milan, u f’wirjiet pop-up f’Berlin u madwar l-Italja. Xogħolha huwa wkoll parti minn kollezzjonijiet permanenti, fosthom ta’ MUŻA – il-Mużew Nazzjonali tal-Arti tal-Komunità – il-frott ta’ residenza artistika bejn April u Mejju tal-2021. Xogħolha jinsab ukoll fl-Istitut NI u l-Mużew Bitola, wara li deher fl-10 u l-11-il edizzjoni tat-Triennali Internazzjonali tal-Arti Grafika f’Bitola li ttellgħu fl-2021 u l-2024 rispettivament.

Skip to content