Jonas Wood

Jonas Wood (m. 1977, Boston) jaħdem f’firxa ta’ ġeneri, fosthom ritratti, oġġetti inanimati, pajsaġġi, u xeni interjuri. Il-pitturi u xogħlijietu fuq il-karta jirriflettu viżjoni tad-dinja kontemporanja li tintgħaraf mill-ewwel, kif ukoll approċċ personali għas-suġġett ewlieni ddefinit mill-affinitajiet u l-esperjenzi tiegħu. Il-familjarità ta’ xogħlu hija mwaħħda mal-loġika kważi astratta li tiddekostruwixxi l-pitturi tiegħu f’kompożizzjonijiet b’saffi ta’ ġeometrija, disinn, u kulur.

Wood jaħdem fuq kwalunkwe skala, u jħaddem prattiċi attivi ta’ tpenġija u printmaking, waqt li jiġġenera tekniċi li huwa juża wkoll fil-pittura. Joħloq profondità permezz ta’ forom ċatti – il-proċess tiegħu jinvolvi studji fuq collages li fihom jaħdem b’ritratti, jiddekostruwixxi xbihat u jerġa’ jgħaqqadhom mill-ġdid – Wood jeżamina l-konfini bejn il-ġdid u l-familjari, waqt li jintegra materjal mill-ħajja ta’ kuljum li jidwi emozzjonalment. Il-pittura ssir mod kif tiffriska l-perċezzjoni tad-dinja tal-artist kif ukoll ta’ min qed josservaha.

Wood kien is-suġġett ta’ wirjiet istituzzjonali individwali u f’duo fid-Dallas Museum of Art (2019); Museum Voorlinden, Wassenaar, in-Netherlands (flimkien ma’ Shio Kusaka, 2017); u l-Hammer Museum, Los Angeles (2010). Proġetti oħra individwali tiegħu jinkludu l-pittura kbira fuq ħajt Still Life with Two Owls, Museum of Contemporary Art, Los Angeles (2016–2018); Shelf Still Life, High Line Art, New York (2014); u LAXART Billboard and Façade, Los Angeles (2014). Xogħlijietu ġew esebiti wkoll f’wirjiet kollettivi riċenti fosthom Strike Fast, Dance Lightly: Artists on Boxing, Norton Museum of Art, West Palm Beach, Florida (2024); Desire, Knowledge, and Hope (with Smog), The Broad, Los Angeles (2023); New Ground: Jacob Samuel and Contemporary Etching, Museum of Modern Art, New York (2023); Psychic Wounds: On Art and Trauma, The Warehouse, Dallas (2020); One Day at a Time: Manny Farber and Termite Art, Museum of Contemporary Art, Los Angeles (2018); Los Angeles – A Fiction, Astrup Fearnley Museet, Oslo (2016, imxiet lejn Musée d’art contemporain de Lyon, Franza, 2017).

Xogħlu jinsab f’kollezzjonijiet permanenti ta’ istituzzjonijiet fosthom il-Hirshhorn Museum and Sculpture Garden, Washington, DC; Hammer Museum, Los Angeles; Metropolitan Museum of Art, New York; San Francisco Museum of Modern Art; Solomon R. Guggenheim Museum, New York; The Broad, Los Angeles; Museum of Modern Art, New York; u l-Whitney Museum of American Art, New York. Wood jgħix u jaħdem f’Los Angeles.

Skip to content