2,500 jżuru l-Ispazju Internazzjonali tal-Arti Kontemporanja ta' Malta (MICAS) matul Open Weekend

Il-Malta International Contemporary Arts Space iċċelebrat il-wirja tal-ftuħ tal-artista Portugiża Joana Vasconcelos b’jumejn ta’ dħul b’xejn tul il-weekend tas-7-8 ta’ Diċembru

It-Tnejn, ta’ Diċembru
Madwar 2,500 viżitatur ġew iżuru l-Open Weekend tal-Malta International Contemporary Arts Space, fejn il-pubbliku bbenefika minn dħul b’xejn biex iżur l-esebizzjoni tal-ftuħ tal-MICAS tal-artista Portugiża internazzjonali Joana Vasconcelos. 
“Kuntent bl-attendenza b’saħħitha tal-pubbliku Malti għal dan il-proġett ewlieni ta’ infrastruttura kulturali, li huwa istituzzjoni unika għall-mod kif integra l-fortifikazzjonijiet antiki tal-gżira tagħna b’missjoni ċara li jġib l-arti kontemporanja magħrufa mad-dinja kollha f’Malta,” qal il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici.
Il-Ministru għal Arti Owen Bonnici (lemin) jiltaqgħa ma’ impjegati tal-MICAS fil-kumpannija taċ-ċerpersin eżekuttiv tal-MICAS, Phyllis Muscat
Il-Ministru Bonnici spjega li l-inawgurazzjoni tal-MICAS kienet mument storiku li rrappreżentat pass ieħor importanti fit-triq lejn it-twaqqif ta’ Malta bħala ċentru ewlieni għall-arti kontemporanja u djalogi kulturali internazzjonali.
“Bla dubju ta’ xejn, dan il-proġett ambizzjuż ta’ €30 miljun minn fondi Ewropej mhux biss jirrappreżenta wegħda elettorali mwettqa, iżda wkoll simbolu ta’ kif l-arti tista’ tkompli tgħaqqad is-soċjetà tagħna, billi toħloq spazji għal kreattività u koeżjoni soċjali. MICAS issa jservi bħala pjattaforma għal artisti Maltin, Għawdxin, u internazzjonali biex jesebixxu t-talenti tagħhom filwaqt li jkompli jsaħħaħ it-turiżmu kulturali f’pajjiżna,” temm jgħid il-Ministru Bonnici.
L-Open Weekend ġibdet lil dawk kollha li jħobbu l-arti kif ukoll il-familji lejn il-wirja ta’ Vasconcelos u x-xogħlijiet akkwistati mill-MICAS tal-artist kontemporanju Brittaniku Conrad Shawcross u l-iskultur Żvizzeru Ugo Rondinone.
Ħafna gawdew miż-żjarat iggwidati tal-esebiti, workshops u attivitajiet tal-arti għat-tfal, tours ggwidati dwar l-istorja tal-fortifikazzjonijiet, logħob tradizzjonali, attivitajiet edukattivi, u mużika live.
 Iċ-ċerpersin eżekuttiva tal-MICAS Phyllis Muscat qalet li l-festa ferrieħa ta’ jumejn tat lill-pubbliku Malti opportunità kbira biex jesperjenzaw l-aktar destinazzjoni kulturali ġdida f’ Malta.
“Għandna aktar minn 6,000 metru kwadru ta’ pajsaġġ storiku hawn fil-Furjana, li issa ġie reklamat u mogħti skop ġdid bħala spazju għall-arti u l-kultura. Din il-parti inaċċessibbli tal-fortifikazzjonijiet ġiet irritornata lill-komunità. Inħeġġu lil kulħadd iżur il-MICAS,” qalet is-Sinjura Muscat.

Ibbukkja issa l-biljetti tiegħek għall-esebizzjoni ta’ Joana Vasconcelos kif ukoll tal-artist Brittaniku Conrad Shawcross

Skip to content