Imnieda il-wirja ġdida L-Ispazju li Ngħammru Fih fil-MICAS

L-Ispazju li Ngħammru Fih, mill-artisti Caesar Attard, Vince Briffa, Austin Camilleri, Joyce Camilleri, Anton Grech u Pierre Portelli, twassal l-arti Maltija fuq il-pjattafoma internazzjonali tal-MICAS

Is-Sibt 14 ta’ Ġunju
L-Ispazju Internazzjonali tal-Arti Kontemporanja ta’ Malta (MICAS) fetaħ formalment it-tielet wirja tiegħu mill-ftuħ grandjuż tiegħu f’Ottubru 2024, bil-wrija The Space We Inhabit li turi x-xogħolijiet ta’ artisti Maltin ta’ eċċellenza ta’ Caesar Attard, Vince Briffa, Joyce Camilleri, Austin Camilleri, Anton Grech, u Pierre Portelli.
Il-wirja, li tinfetaħ għall-pubbliku fl-14 ta’ Ġunju, tinkludi pitturi, skulturi, vidjos u xogħol ibbażat fuq il-ħoss, kolhha mifruxin madwar it-tliet sulari ewlenin tal-mużew, b’kull artist jirrispondi għat-tema tal-ispazju – kemm reali kif ukoll immaġinat – u b’estensjoni, post.
Iċ-ċerpersin eżekuttiv tal-MICAS Phyllis Muscat qalet li l-eċċellenza u d-distintività ta’ dan ix-xogħol kienu aktar minn ċelebrazzjoni tal-arti Maltija. “Il-MICAS inħoloq biex iservi bħala pjattaforma internazzjonali għall-arti Maltija… id-distinzjonijiet qodma bejn il-‘lokali’ u l-‘barrani’ ma jagħmlu l-ebda ġustizzja lill-artisti li l-kunfidenza intellettwali ta’ xogħolhom hija bħal dik ta’ kwalunkwe artist internazzjonali.”
L-Ispazju li Ngħammru Fih jimmarka pass sinifikanti għall-arti kontemporanja Maltija, li l-evoluzzjoni tagħha lejn il-moderniżmu rat lill-artisti Maltin jitħarrġu f’ċentri Ewropej, u jinvolvu ruħhom f’temi globali filwaqt li jżommu konnessjonijiet mal-wirt kulturali uniku tal-gżira. Għal ħafna, bħal fil-każ tal-artisti li dehru f’din il-wirja, dan wassal għal rikonoxximent u opportunitajiet ferm lil hinn minn Malta.
Ritratt ta’ Sean Mallia
Id-Direttur Artistiku Edith Devaney qalet li l-wirja kienet element essenzjali għall-programm ambizzjuż tal-MICAS biex jippreżenta wirjiet tal-ewwel klassi fuq pjattaforma globali, li jitfgħu dawl fuq l-aqwa arti minn madwar id-dinja, filwaqt li jirreferenzjaw il-kultura Maltija u interessi kulturali usa’.
“Din il-wirja tixhed l-impenn tagħna li niċċelebraw l-eċċellenza fi ħdan il-prattika nazzjonali,” qalet Devaney. “L-esperjenza tiegħi kienet li sew jekk ikunu magħrufa sew jekk le, l-artisti tajbin kollha għandhom ħaġa waħda komuni… ‘il-perspettiva tagħhom stess’… Dan ċertament kien il-każ għal Caesar Attard, Vince Briffa, Austin Camilleri, Joyce Camilleri, Anton Grech u Pierre Portelli.
“Għalhekk din il-wirja turi fokus rigoruż tal-ħsieb, miżżewweġ mal-kwalità notevoli tal-pittura, l-eżekuzzjoni tal-iskultura, u l-oriġinalità tal-ideat bis-sitt ‘perspettivi’ oriġinali jingħaqdu flimkien biex jikkontribwixxu għall-eżami tat-tema tagħna, filwaqt li jippreżentaw ukoll xogħlijiet ta’ ambizzjoni u sbuħija kbira.”
Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici ta ġieħ lill-isforzi tal-MICAS fl-użu tan-networks internazzjonali tiegħu sabiex ikessbu l-interess minn barra f’din l-istituzzjoni, eżempju ta’ dan ix-xogħlijiet murija f’Malta ta’ Conrad Shawcross, Cristina Iglesias u Michele Oka Doner, kif ukoll il-wirja tal-ftuħ minn Joana Vasconcelos, iżda wkoll l-wirja li se tittella’ f’Ottubru ta’ Milton Avery.
“Dawn huma sinjali ċari tas-serjetà ta’ din l-istituzzjoni, u li l-bord u l-kumitati internazzjonali u kreattivi tiegħu qed jibnu relazzjonijiet importanti mad-dinja internazzjonali tal-arti.”
Bonnici ddeskriva wkoll lill-artisti Caesar Attard, Joyce Camilleri, Anton Grech, Pierre Portelli, Vince Briffa, u Austin Camilleri – prattikanti li ħajjithom kienet impenjata fl-insegwiment tal-arti tagħhom – bħala “konnoxxituri tal-immaġinazzjoni, li l-introspezzjoni tagħhom tgħin l-ispettaturi jikkontemplaw l-eżistenza tagħhom u tabilħaqq, l-ispazju li ngħixu fih, kemm fiżikament kif ukoll intelletwalment.”
Skip to content