L-artista Joana Vasconcelos
Taħt it-tmexxija tal-bord tal-MICAS, dan il-kumpless ta’ binjiet storiċi li qabel ma kienx aċċessibbli, reġa’ nfetaħ mill-ġdid għall-komunità bħala d-destinazzjoni kulturali ġdida fjamanta ta’ Malta.
Il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-ftuħ tal-MICAS kien mument trasformattiv għan-nazzjon Malti, u ta ġieħ kemm lill-imħuħ kif ukoll lill-ħaddiema kollha li taw il-frott lil dan il-kunċett.
“Il-MICAS jissimbolizza l-progress kollettiv ta’ dan il-pajjiż, u issa nemmen li huwa parti mill-qabża fil-kwalità li ksibna f’dawn l-aħħar snin, bi pjattaforma kulturali għall-arti, li tibgħat il-messaġġ tagħna ta’ fidi fl-artisti, li se jiddokumentaw l-istorja tagħna b’xogħolhom,” qal Abela.
“Bis-saħħa ta’ dan il-progress, Malta tista’ verament tkun ċentru għall-kreattività artistika fil-Mediterran, u dar naturali għall-artisti.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-MICAS, Phyllis Muscat iddeskriviet l-evoluzzjoni tal-kunċett, li bdiet formalment fl-2018, biex twieġeb għal sejħiet ta’ deċennji sħaħ mill-artisti Maltin għal spazju għall-arti kontemporanja, u attribwixxiet l-isforzi tal-bord tal-MICAS għall-kuntatti li għamel mad-dinja tal-arti internazzjonali.
The Tree of Life
“Għalina kienet sfida li nippreżentaw dik li essenzjalment kienet entità fil-bidu tagħha, b’ebda storja jew binja sħiħa, u jerġa’ minn nazzjon mill-iżgħar… kien l-entużjażmu tagħna xprunana biex niżviluppaw dan il-kunċett u noħolqu interess fiċ-ċrieki ta’ arti internazzjonali, u ksibna dan b’mod konkret permezz tan-networks li ħloqna ma’ artisti, kuraturi, mużewijiet, fondazzjonijiet u storiċi tal-arti, kollha kemm huma internazzjonali, kif ukoll permezz tal-akkwisti li għamilna.”
Hija rringrazzjat lill-bord tal-MICAS, l-Ambaxxatur ta’ Malta għall-Kultura, Francis Sultana, Dr Georgina Portelli, Dr Claire Cassar, Gabriella Agius, Patrick Camilleri u Martin Scicluna.
L-artista Joana Vasconcelos irringrazzjat lill-bord tal-MICAS talli stednitha tiftaħ dan il-mużew tal-arti kontemporanja ġdid, u tat ġieħ lill-bord tal-MICAS.
“Ninsab tassew kburija b’Phyllis Muscat: dak li qed nagħmlu llejla huwa tassew inkredibbli…
“Huwa rari ħafna u xi ħaġa unika li artist jintalab jiftaħ mużew. Hawnhekk sibt it-tempji, il-Baħar Mediterran, ikel u arkitettura mill-isbaħ… għalhekk mill-qiegħ ta’ dil-qalb Portugiża tiegħi, qatt mhu se ninsiekhom – qatt ma nista’ nkun grata biżżejjed għal din l-opportunità li naħdem magħkom.”
The Tree of Life, bil-baritonu Rui de Luna Vasconcelos ikanta kompożizzjoni speċjali għal din l-opra
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali u l-Arti Owen Bonnici ukoll faħħar dak li qal kien mument storiku, fejn 4,000 metru kwadru ta’ art li qabel ma kinitx aċċessibbli issa kienet qed tiġi rritornata lill-komunità fil-forma ta’ proġett ta’ infrastruttura kulturali. “Huwa investiment qawwi fil-benesseri tan-nies, fil-familji, u fil-kwalità tal-ħajja tagħna… l-arti mhux biss issebbaħ u titma’ lil ruħna, iżda sseddaq lin-nazzjon. Futur mingħajr kultura jkun futur mingħajr umanità.”
Id-direttur ġenerali tad-Dipartiment għar-Restawr u l-Preservazzjoni, l-arkitett Norbert Gatt, qal li kienet meħtieġa doża kbira ta’ determinazzjoni “u forsi wkoll fidi”, biex il-MICAS seta’ jieħu l-ħajja fis-sit ta; dak li qabel kien Ospizio. “Konna konvinti li dan kien kanvas uniku għall-galleriji tal-MICAS, fejn l-istorja u l-arti kontemporanja setgħu jingħaqdu flimkien. Is-soluzzjoni tal-IPOstudio ta’ saqaf tal-azzar li jiksi s-sit, tatna din il-kontinwità bejn il-passat, il-preżent u l-futur.”
Membri tal-bord tal-MICAS waqt iċ-ċerimonja tal-ftuħ
Il-mistiedna għall-inawgurazzjoni tal-MICAS poġġew ħdejn il-bażi ta’ Solitaire – ħolqien artistiku ta’ Vasconcelos li jipproduċi mill-ġdid ċurkett tad-djamanti fuq skala monumentali, magħmul minn 110 rim tad-deheb u nkurunat b’piramida bil-maqlub magħmula minn 1,450 tazza għall-wiskì tal-kristall.
Wara d-diskorsi tas-serata, l-Prim Ministru u Joana Vasconcelos imxew matul l-ispjanata tal-MICAS lejn il-Galleriji, fejn flimkien ma’ Phyllis Muscat, iddikjaraw uffiċjalment il-MICAS miftuħ għall-pubbliku.
The Garden of Eden
Il-mistiedna fl-ewwel sular tal-MICAS intlaqgħu minn Valkyrie Mumbet, li tonora lil Elizabeth “Mum Bett” Freeman, mara skjava li l-battalja tagħha fil-qorti għall-ħelsien tagħha fl-1781 għenet biex tirrendi l-iskjavitù illegali f’Massachusetts. L-installazzjoni fuq skala kbira hija parti mis-serje Valkyries ta’ Vasconcelos, imsemmija wara l-allat Nordiċi femminili, li hija tribut lin-nisa li jispiraw.
Immedjatament viżibbli fuq l-aktar sular baxx, kien hemm it-Tree of Life li ddellel fuq kulħadd, b’110,000 werqa, fungi, ħażiż u likeni, fdalijiet tas-siġar u zkuk tad-drapp meħjuta u rrakkmata bl-idejn, li tagħti l-ħajja lill-ispazju immens tal-interjuri naturali u mrażżan tal-MICAS. Kompożizzjoni mużikali maħluqa speċifikament għal Tree of Life ġiet kantata mill-bariton Rui de Luna Vasconcelos, li kantat ukoll xogħlijiet oħra mit-tradizzjoni Portugiża.
Valkyrie Mumbet on the top floor or MICAS
Xogħlijiet oħra esebiti fil-MICAS, li se jiftaħ għall-pubbliku f’Novembru, huma The Garden of Eden, Loft, Vista Interior, Aspirin Sofa, Euro-Visão [Euro-Vision], Valletta, u Spin.
Barra, fl-ispjanata tal-MICAS, il-mistiedna setgħu jaraw ukoll uħud mill-akkwisti tal-MICAS, fosthom The Radiant tal-artist Żvizzeru Ugo Rondinone, u The Dappled Light of the Sun ta’ Conrad Shawcross. Dawn ix-xogħlijiet artistiċi se jkunu allokati b’mod permanenti fil-MICAS, u magħhom se tiżdied Sea Cave (Entrance) tal-artista Spanjola Cristina Iglesias, li dalwaqt se tiġi rilokata fil-MICAS, fl-ispazju li fl-2025 mistenni li jitlesta bħala ġnien tal-iskultura.
Mill-2018 ’il hawn, il-MICAS ospita lil dawn l-artisti għall-Weekends Internazzjonali tal-Arti u s-serje Conversations, kif ukoll lill-artista Amerikana Michele Oka Doner, li x-xogħol misluf tagħha The Palm Goddess for Malta huwa mperreċ fuq waħda mill-bażi kkwadrata ta’ kolonna ta’ Teatru Rjal fil-Belt Valletta; kif ukoll l-artist Franċiż Pierre Huyghe.