MICAS Beacons, tal-artist Conrad Shawcross. Il-kuluri tal-kodiċi semaforiċi tal-bnadar marittimi jispellu l-kelma ‘NOW’, qed iħabbru l-ftuħ imminenti tal-MICAS

Il-MICAS jingħaqad mal-lista ta’ arkitettura militari Maltija b’għan ġdid

Il-MICAS, mużew ta’ €30 miljun tal-arti kontemporanja jagħti aċċess lill-pubbliku għal fortizza militari magħluqa – imma liema spazji oħra li xi darba kienu fortizzi miltari llum qed jaqdu ħtiġiet ġodda fi żmien ta’ paċi?

Huwa diffiċli tifhem kif fuq erja fil-wiċċ ta’ 316-il kilometru kwadru, teżisti konċentrazzjoni ta’ fortifikazzjonijiet maestużi b’60 kilometru ta’ swar – b’kważi nofshom madwar il-Port il-Kbir biss.
Din l-arkitettura difensiva militari, hija xhieda tal-qilla ġeopolitika li Malta tirrappreżenta matul tant sekli ta’ storja, u li llum hija s-sit tal-mużew ambizzjuż Malta International Contemporary Arts Centre (MICAS).
400 sena wara l-bini tagħhom, illum is-swar u l-kurazzi tal-kanuni tal-bastjun La Vittoria ma jospitawx aktar suldati, imma installazzjoni semaforika tal-artist kontemporanju Brittaniku Conrad Shawcross, Beacons – tliet diski ottiċi li jduru kontra xulxin imwaħħlin ma’ arbli tal-istainless steel u azzar galvanizzat twal seba’ metri u nofs, li jaħdmu bid-dawl tax-xemx u s-sema, bħal tieqa bil-ħġieġ imlewwen, fejn id-dawl jgħaddi minn disinn ta’ mijiet ta’ eluf ta’ toqob b’ebda waħda bħall-oħra. Il-kuluri tal-kodiċi semaforiċi tal-bnadar marittimi jispellu l-kelma ‘NOW’, qed iħabbru l-ftuħ imminenti tal-MICAS.
Il-mużew ewlieni ta’ €30 miljun tal-arti kontemporanja ta’ Malta, jinsab mibni f’dik li kienet ir-Ritirata kif ukoll il-kmamar tal-Ospizio l-antik, u huwa proġett ta’ restawr fih u għalih innifsu, imwettaq minn forza ta’ xogħol speċjalizzata tal-professjonisti tad-Direttorat tar-Restawr.
Permezz tal-għoti ta’ aċċess lill-pubbliku ta’ din il-fortizza f’waħda mill-fortifikazzjonijiet ta’ żmien il-Kavallieri tas-Swar tal-Furjana, il-viżitaturi jistgħu jesperjenzaw is-sens uniku tal-post u l-kontinwità mal-imgħoddi li l-MICAS se jagħmel possibbli.
Waqt li ħafna minn dawn l-imkejjen qabel kienu jintużaw bħala uffiċċji tal-gvern jew għal skop semiindustrijali, illum il-MICAS qed jingħaqad fis-sejħa għal fortifikazzjonijiet Maltin u Għawdxin biex jingħataw għan ġdid u jaqdu skopijiet soċjali u edukattivi – u din hija l-għażla tagħna tal-aqwa destinazzjonijiet, li għaliha naturalment se nibdew bil-MICAS.
 

Il-MICAS, il-Forti San Salvatur u l-Bastjun La Vittoria

Sa mill-ewwel snin tas-seklu 17, daqs ħamsin sena wara l-invażjoni ta’ Malta mill-armata
Ottomana fl-Assedju l-Kbir, il-fortifikazzjonijiet ta’ madwar il-Port ta’ Marsamxett ma baqgħux jitqiesu sodi biżżejjed biex jirreżistu attakk kbir minn artillerija avvanzata.
Għalhekk, fl-1634, inġinier militari mibgħut mill-Papa Urbano VIII ngħata l-kompitu li jeżamina d-difiża tal-gżira. Pietro Floriani ppropona t-tieni linja ta’ fortifikazzjonijiet madwar ix-xatt tal-Belt Valletta, kostruzzjoni li wasslet għall-ħolqien tal-Forti San Salvatur. Il-Forti tinsab ukoll maġenb il-Bastjun La Vittoria.
Deċennji wara, żdiedu elementi oħra, b’faussebraye – ħajt difensiv barra l-ħitan ewlenin tal-fortifikazzjoni – li tlesta fit-tmeninijiet tas-seklu 17. Illum, dan il-ħajt difensiv jilqa’ fih il-ġonna ta’ Sa Maison.
Matul is-seklu 18, l-istess spazju li llum fih hemm il-MICAS, sar l-ewwel istituzzjoni governattiva għax-xjuħ f’dak is-seklu – l-Ospizio – sakemm reġa’ nqaleb f’wieħed b’għanijiet militari għat-truppi Ingliżi bħala mħażen tal-Ordinanza tal-Armata sas-sittinijiet tas-seklu 20.
 

Il-Forti Madliena

Il-Forti Madalena, magħrufa wkoll bħala l-Forti Madliena, hija fortizza poligonali ta’ żmien l-Ingliżi fil-limiti tas-Swieqi, mibnija bejn l-1878 u l-1880 mill-Ingliżi bħala parti mill-Victoria Lines. Illum, il-forti taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Forti Armati ta’ Malta imma hija użata mis-St John Rescue Corps, organizzazzjoni volontiera ta’ difiża ċivili, u tintuża bħala l-kwartieri tagħhom u skola ta’ taħriġ.

Il-kanuni tal-forti kienu tneħħew matul il-perjodu ta’ bejn iż-żewġ gwerer dinjija, imma l-Forti ntużat mir-Royal Air Force bħala stazzjon ta’ radar matul it-Tieni Gwerra Dinjija, u aktar tard minn NATO sakemm il-forzi Ingliżi ħallew Malta fl-1979.
 

Il-Forti Ricasoli

Il-Forti Ricasoli ġiet sa fl-aħħar iddikjarata lesta u armata fl-1698, bħala parti mill-isforz tal-Kavallieri biex ireġġgħu lura kwalunwke attakk Ottoman ftit wara l-waqgħa ta’ Kandja (illum Heraklion) li seħħet fl-1669. Il-Kavallier Fjorentin Fra’ Giovanni Francesco Ricasoli ta 20,000 skud biex tinbena l-forti, u għalhekk issemmiet ad unuru.
Matul l-invażjoni Franċiża ta’ Malta f’Ġunju tal-1798, il-forti reġġgħet lura tliet attakki Franċiżi sakemm ċediet fil-kapitulazzjoni fl-inkontru ma’ Napuljun.
Illum, il-forti baqgħet pjuttost intatta, u tintuża għall-films. Il-biċċa l-kbira tal-forti hija mikrija lill-Kummissjoni tal-Films ta’ Malta, u ntużat b’mod estensiv biex tilqa’ kast kbir għal films bħal Cutthroat Island (1995), Gladiator (2000), Troy (2004), Agora (2009), u Napoleon (2023). F’dawn il-films, il-forti ħadet l-irwol tal-Port Royal, Ruma, Trojja, Alexandria, u Toulon rispettivament.
Il-forti ntużat ukoll għall-filming ta’ Assassin’s Creed (2016) u Entebbe (2018). L-ewwel staġun tal-adazzjoni tal-HBO tas-serje ta’ George R.R. Martin Game of Thrones uża diversi partijiet tal-forti biex jirrappreżenta Red Keep.
 

Il-Forti Sant’Anġlu

Din il-forti bis-swar tinsab fuq is-sit tal-kastell medjevali Castrum Maris, u nbniet mill-Ordni ta’ San Ġwann bejn it-tletinijiet u s-sittinijiet tas-seklu 16. Hija magħrufa l-aktar għar-rwol tagħha bħala l-kwartieri tal-Ordni ta’ San Ġwann matul l-Assedju l-Kbir fuq Malta fl-1565.

Il-forti ntużat bħala dejma mill-Ingliżi mill-1800 sal-1979, u xi drabi kienet klassifikata bħala ‘frigata tal-ġebel’ magħrufa bħala HMS Egmont u aktar tard HMS St Angelo.
Illum, il-forti hija mikrija lis-suċċessuri tal-kavallieri oriġinali, l-Ordni Militari Sovrana ta’ Malta, u hija attrazzjoni ewlenija għall-viżitaturi.
 

Il-Forti Sant’Iermu

Din hija forti oħra favorita ma’ dawk li jħobbu ċ-ċinema. Intużat bħala ħabs Tork f’Midnight Express (1978) u għal World War Z (2013).
Il-Forti Sant’Iermu hija fortizza mill-isbaħ, ilha tintuża sa mill-bidu tas-seklu 15, u tinsab fit-tarf tal-penisola Sciberras, l-art li fuqha nbniet il-Belt Valletta.
Fl-1565, il-Forti Sant’Iermu rat l-aktar ġlied qalil tal-Assedju l-Kbir, u felħet għal bombardament massiv mill-kanuni Ottomani.
Illum fil-forti jinsab il-Mużew Nazzjonali tal-Gwerra, li fih tagħmir militari u elementi oħrajn marbuta maż-żewġ gwerer dinjija.
Fil-forti tinsab ukoll l-akkademja tal-pulizija ta’ Malta, imma tintuża għar-rappreżentazzjonijiet militari mill-imgħoddi In Guardia u Alarme.

Skip to content