Il-MICAS ikklassifikat mal-‘mużewijiet li trid tara’ tal-2025 minn Contemporary Lynx

Rikonnoxximent internazzjonali għall-ambizzjoni kulturali u l-viżjoni kontemporanja ta’ Malta

L-Ispazju Internazzjonali tal-Arti Kontemporanja ta’ Malta ntgħażel minn Contemporary Lynx bħala wieħed mill-“10 Mużewijiet Ġodda Madwar id-Dinja li Żur fl-2025”, fejn il-MICAS tinsab fil-kumpanija ta’ wħud mill-aktar istituzzjonijiet kulturali innovattivi u li jħarsu ‘l quddiem, minn São Paulo sa Sharjah, Berlin sa Bangkok.
Ir-rivista Contemporary Lynx tiċċelebra mhux biss lil MICAS bħala mużew, iżda l-viżjoni tagħha: spazju kreattiv li jippromwovi l-arti kontemporanja fil-forom kollha tagħha, fi djalogu mal-wirt storiku Malti, l-identità Mediterranja, u l-perspettivi globali.
“Il-bini tal-mużew jgħaqqad b’mod armonjuż l-arkitettura kontemporanja mal-fortifikazzjonijiet storiċi tal-Floriana tas-seklu 17. Immexxi mill-arkitett Carlo Terpolilli tad-ditta ta’ Firenze Ipostudio, l-intervent modern fil-pajsaġġ storiku huwa definit billi jipprovdi djalogu kuntrastanti iżda komplementari bejn il-modernità u l-passat, li jitħallat fil-panorama tal-belt,” jikteb Nazar Atamaniuk għar-rivista.
Il-MICAS ġie kklassifikat flimkien mal-bini l-ġdid tal-Mużew tal-Arti Moderna f’Varsavja (MSN) li nfetaħ f’Ottubru 2024, il-Naoshima New Musuem of Art fil-Ġappun, u l-Mużew Guggenheim f’Abu Dhabi.
Il-MICAS ċertament mhuwiex biss il-ħitan u l-galleriji iżda pjattaforma u katalist edukattiv għal konverżazzjonijiet bejn artisti, kuraturi u komunitajiet internazzjonali.
“Dan ir-rikonoxximent globali jafferma dak li ħafna f’Malta u lil hinn minnha diġà jħossu: Il-MICAS huwa destinazzjoni kulturali ġdid, lest li jospita wirjiet ta’ klassi dinjija u b’rwol sinifikanti fit-tiswir tan-narrattiva tal-arti kontemporanja fir-reġjun,” qalet iċ-chairperson eżekuttiv tal-MICAS Phyllis Muscat.
Il-programmazzjoni tal-MICAS diġà stabbiliet it-ton għall-ambizzjonijiet tagħha. B’xogħlijiet u kummissjonijiet minn artisti rinomati globalment, inklużi Ugo Rondinone u Conrad Shawcross, kif ukoll impenn qawwi biex jiġu appoġġjati artisti kontemporanji f’Malta, il-MICAS qed joħloq kalendarju dinamiku ta’ wirjiet, avvenimenti pubbliċi, taħditiet artistiċi, u inizjattivi edukattivi.
“Bl-insiġ ta’ Malta fil-konverżazzjoni globali tal-arti, il-mużew qed joffri opportunità b’saħħitha lill-viżitaturi: biex tesperjenza l-arti kontemporanja li tisfida, tispira, u tgħaqqad,” qalet id-Direttur Artistiku tal-MICAS Edith Devaney.
Malta diġà hija destinazzjoni kulturali, mhux biss għall-istorja rikka tagħha iżda għall-preżent kreattiv u l-futur tagħha, u llum il-MICAS jinsab fuq quddiem nett. “Il-MICAS juri li l-arti kontemporanja hija importanti hawnhekk. Li tappartjeni hawn. Li Malta hija lesta li tkun parti mill-konverżazzjoni,” tenniet Devaney.
 

ŻURNA

Skip to content