Gary Hume

Gary Hume (m. 1962) kiseb l-attenzjoni pubblika bħala membru tal-ġenerazzjoni Young British Artists li kienu jistudjaw fil-Kulleġġ Goldsmiths f’Londra. Xogħlu ġie esebit kemm fi Freeze, wirja organizzata minn Damien Hirst fl-1998, kif ukoll f’East Country Yard, wirja f’maħżen organizzata minn Henry Bond u Sarah Lucas fl-1990.

L-ewwel korp tiegħu, Doors, li huwa pitter bejn l-aħħar tat-tmeninijiet u l-bidu tad-disgħinijiet, jikkonsisti f’pitturi li jfakkru fl-iswinging doors tal-isptarijiet.

Il-korp artistiku tiegħu, huwa ħafna drabi maħluq b’żebgħa industrijali li tleqq ħafna fuq uċuħ bħal panelli tal-aluminju. Jintroduċi formaliżmu astratt modernist b’mod enfatiku, u għandu kwalità sinjaletika. Dan l-artist ibbażat f’Londra u New York jiżviluppa xogħlijietu minn xbihat misjuba u memorji personali, li jwasslu għal idjoma pittorika li fiha l-waħx u l-ġmiel, l-erotiżmu u l-melankolija, il-faxxinu u l-aljenazzjoni, jimxu id f’id. Xogħlijietu huma meditazzjonijiet fuq is-sublimi ta’ kuljum, il-ħeffa tal-memorja u l-fraġiltà tal-ħajja.

Ħafna mill-pitturi tiegħu – bħal ngħidu aħna l-kontorni nudi superimposti ta-serje Water Paintings (1999), jew il-pitturi u l-iskulturi ispirati miċ-cheerleaders, American Tan (2007) – joħorġu enerġija sesswali elużiva. Xogħlijiet oħra tiegħu, fosthom l-iskulturi ikoniċi tal-bronż Snowman (li ilhom għaddejjin mill-1997) għandhom laqta oskura u komika, jew jużaw kontenut drastiku korporeali, kif eżemplifikat minn The Shit u the Cunt (2009). Fl-1997, Hume ngħata l-Jerwood Painting Prize tal-Gran Brittanja. Fl-2001, Hume ġie elett bħala Akkademiku Rjali.

Hume rrappreżenta lill-Gran Brittanja fil-Bienalli ta’ Venezja fl-1999 u ta’ São Paulo fl-1996. Fl-istess sena ġie nnominat għall-Premju Turner. Fl-1999, xogħlu kien is-suġġett ta’ wirja individwali fil-Whitechapel Art Gallery f’Londra. Minn dak iż-żmien ’il hawn tella’ wirjiet individwali f’istituzzjonijiet madwar l-Ewropa fosthom fi Kestnergesellschaft, Hanover; Tate Britain, Londra; Kunsthaus Bregenz, l-Awstrija; Irish Museum of Modern Art, Dublin; Modern Art, Oxford; u fil-Museum Dhondt-Dhaenens, Deurle, il-Belġju. Hume kien jaqsam is-sena bejn l-istudio tiegħu ta’ Londra u dak f’Accord, New York. Bħalissa jaħdem u jgħix f’Londra.

Skip to content