Pierre Huyghe, Exomind (Deep water), 2017. Forma tal-konkrit b’xehda tax-xema’, kolonja tan-naħal. Korteżija tal-artist; Chantal Crousel, Paris; MICAS. Ritratt: Andrew Rizzo.
“Exomind (Deep Water) Huwa Stqarrija Qawwija Fid-Dawl Tal-Preokkupazzjonijiet Ta’ Żmienna B’Rabta Mal-Epoka Antropoċena U Umana” – Kumment Ta’ Ruth Bianco, Direttur Artistiku Tal-MICAS, Dwar Il-Proċess Kreattiv Ta’ Pierre Huyghe Mqiegħed Fil-Kuntest Malti.

Għat-tieni edizzjoni tal-programm internazzjonali tal-MICAS, l-artist Franċiż Pierre Huyghe qed jippreżenta x-xogħol tiegħu Exomind (Deep Water) bħala ‘sistema li torganizza lilha nnifisha’, mifhuma bħal xogħol li għadu fil-proċess, fejn in-natura għandha sehem ewlieni fl-arti. Figura ta’ mara kokka, magħmula minn konkos griż mhux maħdum, b’idejha jmissu l-art, għandha doqqajsa ħajja mmuntata fuq ġisimha, minflok rasha. Din il-kunċettwalizzazzjoni tgħaqqad bosta elementi differenti u kuntrastanti sabiex tqanqal mistoqsijiet dwar ‘l-intelliġenza’. Minn naħa, l-istatwetta hija prodott tal-kultura umana, filwaqt li d-doqqajsa hija l-produzzjoni tan-natura. Barra minn hekk, in-naħal jgħix bid-dakkir tal-flora u l-veġetazzjoni tal-madwar li mbagħad huma stess jiddependu mit-tfellis. L-artist għażel Wied il-Luq fil-Buskett, sit miżgħud bix-xagħri indiġeni u l-bijodiversità, fosthom ħlejjaq oħra bħan-nemel, il-wikkiela tan-naħal, iż-żnażan bgħula u n-naħal ħalliel. Fi ħdan dan l-ambjent, ix-xogħol jidwi l-kumplessità tal-ħajja u jfakkar fid-diversità ta’ ‘eko-sistemi’ koeżistenti, antagonisti jew interdipendenti, li jevolvu saffi marbuta sfiq ta’ tħabbil intellettwali. 

Huwa ċentrali għall-proċess kreattiv u l-kunċett tal-artist li x-xogħol jitqiegħed f’żona kemxejn remota milli f’konfigurazzjoni ta’ gallerija jew mużew. Flimkien ma’ dan ix-xogħol, il-konnotazzjonijiet ambjentali tal-opra huma s-sistemi kulturali li fihom tiġi prodotta l-arti. L-ambjentazzjoni fil-beraħ għall-installazzjoni tippreżenta ċerti sfidi kuratorjali filwaqt li jnisslu forom eċitanti ta’ kollaborazzjoni kuratorjali ma’ naħħala speċjalisti.

Exomind (Deep Water) huwa stqarrija qawwija fid-dawl tal-preokkupazzjonijiet ta’ żmienna b’rabta mal-Epoka Antropoċena u Umana. Din il-mistoqsija ċentrali tikkonċerna l-impatt uman fuq in-natura tul l-aħħar 12,000 sa 15,000 sena. It-trikkib fuq xulxin tal-uman fuq sistemi oħrajn li jorganizzaw lilhom infushom (bħad-doqqajsa) iponu wkoll dibattiti intellettwali oħra marbuta mal-firxa tat-teknoloġiji li qed javvanzaw u l-intelliġenza artifiċjali. Dawn il-kwistjonijiet mhumiex biss rilevanti għall-kuntest Malti, iżda anki għall-qagħda dinjija fid-dawl tad-disputi għaddejjin bħalissa dwar it-tisħin globali, il-livelli dejjem telgħin tat-tniġġis, u l-estinzjoni tan-naħal (minbarra bosta speċijiet oħra) li jistgħu ukoll jipperikolaw l-eżistenza umana fuq il-pjaneta. Bla dubju, hemm ukoll l-importanza tan-naħal għall-provvista tal-ikel tagħna, għaliex mingħajrhom il-ġonna tagħna jkunu għerja u l-platti vojta. 

Dan ix-xogħol huwa edizzjoni minn 10 u ġie ppreżentat f’pajjiżi oħrajn, l-aktar riċenti fil-Ġappun, xi drabi bħala parti minn installazzjoni aktar kumplessa li tkun tinkludi, organiżmi ħajjin oħra, oġġetti jew annimali. 

Dan ix-xogħol huwa importanti fil-kuntest Malti peress li jiġbor flimkien diversi livelli ta’ ħsieb kontemporanju u jwessa’ bosta limiti. Il-proċessi tal-enkulturazzjoni fil-familjarizzazzjoni, l-edukazzjoni u l-involviment tal-pubbliku Malti ma’ xogħlijiet artistiċi li jponu sfida huma rwol primarju għall-MICAS bħala l-pjattaforma ewlenija għall-arti kontemporanja f’Malta. Fuq kollox, imqiegħed fil-masġar tal-Buskett, dan ix-xogħol isir aċċessibbli għall-familji u t-tfal u għal firxa wiesgħa tal-pubbliku billi jgħaqqad intrinsikament l-istudji umanistiċi u x-xjenzi.

Exomind (Deep Water)  se tkun miftuħa għall-pubbliku sal-31 ta’ Jannar 2020.

Share

Skip to content