“It-titlu ta’ din il-wirja jalludi għan-natura tagħha: preludju u xenqa għal dak li ġej fil-MICAS, li se jiftaħ is-sena d-dieħla. L-isem daqstant ieħor riferenza diretta għall-fatt li waqt li l-MICAS lest biex jiftaħ dalwaqt, il-bini l-ġdid jinsab fil-fortifikazzjonijiet storiċi li ilhom jeżistu għal mijiet ta’ snin u li raw storja mill-aktar inkredibbli. It-titlu jissuġġerixxi sens ta’ tħabbir minn qabel, ta’ ħwejjeġ mhux magħrufa, inviżibbli li bdew jimmaterjalizzaw, involviment ta’ forzi li wkoll mhux magħrufa, ta’ eżitu pridestinat.” —Conrad Shawcross
Il-MICAS, grazzi għall-amibtu internazzjonali tiegħu, sa mill-bidu nett impenja ruħu ma’ artisti internazzjonali u investa f’li jagħti lill-idjoma artistika kontemporanja Maltija aktar viżibbiltà. Dan il-livell ta’ impenn internazzjonali żdied aktar ma mexa lejn il-ftuħ tiegħu fl-2024. L-artist Brittaniku ċċelebrat Conrad Shawcross kien wieħed mill-ewwel artisti li żar Malta bħala mistieden tal-MICAS u immedjatament ħass rabta mal-istorja u l-ġeografija ta’ Malta, ispira ruħu mill-pożizzjoni tas-sit tal-MICAS, l-istorja tiegħu, il-qrubija lejn il-baħar u l-marina, u l-veduti li jippermetti mis-sulari għolja tiegħu.Il-MICAS ħadem mill-qrib ma’ Shawcross biex jikkura wirja tax-xogħlijiet tiegħu madwar is-sit tal-MICAS stess, li issa jinsab fl-aħħar stadji ta’ bini tiegħu. It-tliet settijiet ta’ xogħlijiet distinti ta’ Shawcross iduru madwar diversi prinċipji maqbula u jirriflettu t-tħaddin tiegħu tal-possibilitajiet ta’ dan l-ispazju fiżiku. Fejn tqiegħdu x-xogħlijiet iservi biex jiggwidaw lill-viżitaturi madwar l-arja tal-post, l-iskultura tqiegħdet fuq is-swar li jagħtu fuq il-port, viżibbli minn ħafna punti superjuri tal-madwar, li jwassal messaġġ ċar dwar il-missjoni futura tas-sit.
Nhar il-Ħadd, 29 ta’ Ottubru 2023, filgħodu, Conrad Shawcross u d-Direttriċi Artistika Edith Devaney se jmexxu tour u jitkellmu dwar What is to become is already here. Din hija l-ewwel darba li se jkun hemm xogħlijiet installati ġos-sit ta’ MICAS u aċċess għal dan il-kumpless se jkun possibbli biss permezz ta’ bbukkjar minn qabel. Jekk tixtieq tingħaqad u ssir taf aktar dwar il-wirja dinamika ta’ Shawcross, kordjalment nistednuk tibbukkja hawnhekk.
What is to become is already here hija parti mill-Weekend Internazzjonali tal-Arti tal-MICAS u hija appoġġjata mill-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), id-Direttorat tar-Restawr, Visit Malta u Heritage Malta.
Ix-Xogħlijiet
The Dappled Light of the Sun (Formation I) [Id-Dawl Imdelli tax-Xemx (Formazzjoni I)] hija magħmula minn azzar mikul iwweldjat, b’qisien ta’ 475 b’792 b’792 ċm. Inħolqot fl-2015 u ntweriet għall-ewwel darba f’Londra. Oriġinarjament kienet eżebita bħala waħda minn ħames sħabiet uniċi mpoġġija b’mod li servew bħala kanupew kbir fil-bitħa tal-Akkademja Rjali tal-Arti. Bħalissa, il-biċċiet l-oħra li kienu magħha kollha jinsabu f’kollezzjonijiet internazzjonali.L-iskultura hija magħmula minn struttura kbira bħal sħaba fl-arja, permezz ta’ eluf ta’ tetraedroni bboltjati mwieżna minn sett ta’ tliet tripods. B’tul ta’ kważi ħames metri, l-iskala monumentali tagħha tippermetti lill-iskultura tkun immersiva, u tinkoraġġixxi lil dawk li qed iżuruha biex jimxu taħtha u madwarha, waqt li jesperjenzaw id-disinni dejjem jinbidlu permezz tad-dawl imdelli li għaddej mill-kanupew kumpless u ġeometriku. Ix-xogħol jinkarna l-faxxinu profond tal-artist lejn it-teorija matematika, kif ukoll l-involviment tiegħu fid-dinja naturali.Waqt li tieħu forma li tfakkrek f’siġra kbira li toffri sbuħija u dell, il-friegħi u l-weraq sostitwiti minn serje kkumplikati u kumplessi ta’ rimjiet mifruqa li jinżlu ’l isfel fl-iskala waqt li jikbru u jixxebilku ’l fuq. Kollox ma’ kollox, ix-xogħol huwa magħmul minn aktar minn 6,000 trianglu wweldjati, li b’hekk jiffurmaw madwar 1,600 tetraedron. It-tetraedroni nfushom huma organizzati f’ħames ġenerazzjonijiet ta’ daqsijiet, li bħal pjanta, jinżlu ’l isfel fl-iskala waqt li jestendu lejn is-sema.
Fl-2015, Shawcross qal:Il-Griegi kkunsidraw it-tetraedroni bħala rappreżentazzjoni tal-veru essenza tal-materja. F’dan ix-xogħol enormi, ħadt din il-forma bħala l-‘blokka’ tiegħi, li tkabbar dawn il-forom kaotiċi li jidħlu f’xulxin u li se jgħumu fuq ras il-viżitaturi.
Dan huwa wieħed mill-aktar xogħlijiet importanti u matur tal-karriera ta’ Shawcross u għalkemm il-forma tiegħu għalkollox tiġi perċeputa bis-sensi, il-kompożizzjoni tutilizza l-faxxinu tal-artist lejn il-moviment perpetwu tad-dinja naturali.
Il-MICAS kiseb The Dappled Light of the Sun (Formation I) bħala waħda mix-xogħlijiet għall-kollezzjoni permanenti tiegħu.
MICAS Beacons, 2023 [Is-Sinjali tal-MICAS, 2023] huma trittiku mqiegħed fuq l-opramorti storiċi antiki tal-fortifikazzjoni tal-La Vittoria. Għandhom tul ta’ seba’ metri u nofs, kull arblu jappoġġja par ta’ diski semaforiċi jduru kontra xulxin, kull waħda b’dijametru ta’ madwar erba’ metri.Dawn l-istrutturi monumentali u strutturalment kumplessi, iffabbrikati bl-istainless steel u l-azzar iggalvanizzat, għall-ewwel jidhru qishom tagħmir militari jew xi sistema bikrija ta’ twissija, imma fl-istess ħin jesprimu l-ispirtu ferrieħi ta’ ġugarell tat-tfal. Matul is-snin, Shawcross żar is-sit tal-MICAS u sab lill-gżira bħala ispirazzjoni kbira. Bis-saħħa tat-tim tal-MICAS, huwa ddetermina r-rispons storiku u speċifiku għal-lokazzjoni kurrenti ta’ dawn is-sinjali.Mhux skuraġġut mill-isfidi ta’ lokhom, Shawcross ħa ħsieb li jiddiżinja dawn ix-xogħlijiet b’mod li jkunu jifilħu għat-temp estrem tal-gżira. It-tliet xogħlijiet jagħtu għall-port ta’ Marsamxett, u biex jaqblu mal-lok navali u l-istorja rikka marittima ta’ dan il-lok, Shawcross ra li jpoġġi dawn ix-xogħlijiet maġenb u fi qbil ma’ wħud mill-elementi li baqa’ tal-armamenti difensivi tal-imgħoddi.Il-faxxinu tal-artist lejn il-moviment u l-inġinerija joħroġ permezz ta’ dawn ix-xogħlijiet ambizzjużi; sistema mekkanika integrali tħaddem ir-rotazzjoni tad-diski ottiċi semaforiċi. Bħal tieqa bid-disinn, id-diski huma attivati mid-dawl tax-xemx u s-sema, li jiġi ffiltrat permezz ta’ disinn ta’ mijiet ta’ eluf ta’ toqob mhux ripetuti. Il-kuluri allegri u jgħajtu jużaw bnadar marittimi li jiżvelaw messaġġ permezz ta’ kodiċi semaforiċi, li se jidhru madwar il-bajja u fuq il-baħar lil hinn. Simili għal sistemi ta’ twissija tal-kosta, it-tliet diski jlissnu l-kelma NOW [ISSA]. Dan jirreferi direttament għall-faxxinu tal-artist lejn il-perċezzjoni taż-żmien, imma b’mod aktar speċifiku jagħmilha wkoll ta’ sinjal jew prikursur għal dak li qed jiżvolġi u li se jseħħ fil-post ġdid tal-MICAS. Il-wirja hija preludju għal dak li se jseħħ: eżatt taħt dawn is-sinjali, il-bini jinsab fi triqtu biex jippermetti l-ftuħ imminenti tal-galleriji tal-MICAS fil-ħarifa li ġejja.
Dan il-grupp ta’ xogħlijiet relatati ma’ xulxin se jkunu qed jintwerew fis-serje ta’ kmamar b’soqfa bil-ħnejjiet nofs tond fil-bażi tas-swar tal-fortifikazzjoni, fejn jinsabu l-MICAS Beacons. Dawn iċ-ċelel mudlama, bis-soqfa tagħhom nofs tond, huma kollha tal-istess daqs, uħud minnhom jinfdu għal xulxin, oħrajn diskreti. Huma installati f’ordni kronoloġika bil-maqlub, u huma l-akbar wirja ta’ dawk relatati ma’ xogħlijiet ta’ dawl minn Shawcross sa issa, u jikxfu l-approċċ esperimentali li l-artist jieħu biex jesplora kunċetti bħalma huma ż-żmien, l-ispazju, u l-perċezzjoni umana.L-aktar xogħol bikri minnhom imur lura lejn l-2008 u jiġbor fih ix-xenqa tal-artist biex iħaddem aspetti tax-xjenza u jittraduċihom f’espressjoni ta’ skultura. Fil-każ ta’ Slow Arc inside a Cube, l-imbuttatura ġejja minn skoperta ta’ kwotazzjoni mix-xjenzista mibkija Dorothy Hodgkin, li kienet pijuniera tal-proċess tar-radjografija tal-kristall. Hija qabblet il-kompitu li tiddeċifra grids kromatografiċi ma’ tentattiv li tfassal l-istruttura ta’ siġra minn dellha biss. Ix-xogħlijiet kollha tas-Slow Arc jużaw id-dell radjanti preċiż ta’ dawl ta’ aloġenu f’moviment imdaħħal f’gaġġa. Matul is-snin, ix-xogħlijiet żiedu l-kumplessità u s-sottilezza tagħhom. Madankollu, minkejja li din l-ewwel verżjoni hija żgur l-aktar raffa, hija wkoll l-aktar primittiva u istintiva. Imwaħħla fuq driegħ artikulat, id-dawl immexxi minn rokna dijagonali ta’ gaġġa għal oħra. Ir-riżultat ta’ dan huwa li l-wiċċijiet tal-kamra, normalment stabbli, jintefgħu fi fluss, is-saqaf jinżel waqt li l-art tegħreq u l-ħitan iċedu u jaqgħu. Din is-serje tilħaq il-qofol tagħha bi Slow Arc inside a Cube XIV, li għandha żewġ dwalijiet u gaġġa trippla. Dawn ix-xogħlijiet tal-aħħar, waqt li aktar kajmana u sottili, xorta għandhom l-intenzjoni li jimminaw l-istabbilità u l-prekonċezzjonijiet tagħna, billi jisfidaw l-għarfien sħiħ tal-perċezzjoni tagħna billi jeqirdu mill-qiegħ l-illużjoni tal-preżent. Ix-xogħlijiet kollha fil-wirja jiżviluppaw din it-tema ta’ esplorazzjoni ta’ dawl u disinn.Flimkien ma’ Slow Arcs, spazju ieħor minn dawn jospita Patterns of Absence permezz ta’ panew ta’ quddiem u ta’ wara b’mera li jispellu l-ittra ‘W’ waqt li jsellmu lis-sinjali fuq il-fortifikazzjonijiet. Id-diski mdawlin minn wara huma kollha miżgħudin b’saffi kumplessi ta’ toqob u kuluri li jinteraġixxu u jwieġbu lil xulxin waqt li jduru kontra xulxin bil-mod waħda fuq l-oħra. Waqt li l-viżitaturi jħarsu lejn il-wiċċ, dan jinbidel, disinni strambi jidhru u jisparixxu, jitkebbsu ħsibijiet ġodda u jerġgħu jinġabru memorji, waqt li jinħolqu għall-ewwel darba mogħdijiet newrali u konnessjonijet.Wieħed mill-uniku spazji b’tieqa għandu kontinwazzjoni tas-serje Paradigm [Paradigma] ta’ Shawcross, estrapolat f’aktar espansjonijiet, imdawwal mid-dawl idur tax-xogħol tiegħu Limit of Everything [Limitu ta’ Kollox] minn fuq.Nota: L-ispazji bis-soqfa bil-ħnejjiet nofs tond fejn qed jintwerew din is-serje ta’ xogħlijiet ġew diżinjati bħala spazji għal residenzi artistiċi għall-fażi li jmiss tal-iżvilupp tas-sit tal-MICAS.