Il-forma umana f’Malta antika ilha ċċelebrata bħala patrimonju dinji sa mill-ewwel referenzi storiċi għall-arti. L-użu ta’ dil-figura jmur lura anki għal qabel il-bini tat-tempji, tant kemm hija ewlenija l-forma umana għall-kultura tal-gżira.
Hija sfida mill-isbaħ il-ħolqien ta’ opra tal-arti li tkun kapaċi tistabbilixi l-għerq għal dit-tradizzjoni kbira. Din il-lingwa viżiva diġà titkellem dwar saċerdoti, allat nisa, ommijiet tal-art, u xamani. Il-moħħ fertili Malti jesprimi sew il-mortali sew id-divin.
The Palm Goddess for Malta tal-artista Amerikana Michele Oka Doner hija xogħol artistiku li jħaddan it-tradizzjoni figurattiv tal-imgħoddi antik. L-iskultura titnebbaħ ukoll mill-weraq monumentali tal-Phoenix dactylifera, palma li tinstab fil-Gżejjer Maltin.
Din il-forma astratta iżda definittivament femminili hija twila madwar 4 metri, figura tielgħa ’l fuq miżmuma fil-għoli minn “zokk” ta’ madwar żewġ metri li jissimbolizza t-tkabbir mill-ħamrija Maltija. Bħalma l-biċċa kbira tas-sejbiet arkeoloġiċi jirrappreżentaw xi forma ta’ alla, xi ħaġa sagra, The Palm Goddess for Malta tinkarna l-aspirazzjoni umana u x-xewqa li din togħla u titmexxa mill-espressjoni kreattiva.
L-iskultura hija fonduta fil-bronż u ppatinata ħadra. Il-mottiv tal-palm tagħha huwa mill-isbaħ u jmur lil hinn miż-żmien, u fih hemm reżonanza mad-dbielet bl-istrixxi li naraw fuq bosta mill-figuri misjuba fit-tempji Maltin.
The Palm Goddess for Malta ta’ Michele Oka Doner se tinkixef waqt il-MICAS International Art Weekend 2022. L-opra se tiġi eżibita Pjazza Teatru Rjal il-Belt, u se tkun miftuħa għall-wiri lill-pubbliku mill-15 ta’ Ottubru ’il quddiem.
IPPJANA Ż-ŻJARA TIEGĦEK
Post: Pjazza Teatru Rjal, Triq ir-Repubblika, il-Belt Valletta
Dħul: B’xejn. M’hemmx bżonn tibbukkja.
Ħinjiet tal-wirja: miftuħa kuljum, mit-Tnejn sal-Ħadd
Għal aktar informazzjoni: info@micas.art
Il-Weekend Internazzjonali tal-Arti tal-MICAS 2022 huwa appoġġjat mill-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Visit Malta, Heritage Malta, Corinthia Palace Malta.