Reġgħet magħna edizzjoni oħra, ir-raba’, tal-Weekend Internazzjonali tal-Arti tal-MICAS li se ssir bejn il-Ġimgħa 14 u s-Sibt 15 ta’ Ottubru 2022.
L-edizzjoni ta’ din is-sena se tiċċelebra x-xogħol tal-artista Amerikana Michele Oka Doner: The Palm Goddess for Malta.
Imwielda u mrobbija Miami, Michele Oka Doner hija artista rinomata internazzjonalment b’karriera mifruxa fuq sitt deċennji. Xogħolha huwa mmexxi minn studju u apprezzament tul ħajjitha tad-dinja naturali li minnha tiġbed il-vokabolarju formali tagħha. Il-medda tal-produzzjoni artistika tagħha tiġbor fiha l-iskultura, it-tpinġija, l-arti pubblika, oġġetti funzjonali, video, kotba tal-artisti, u d-disinn tas-sett u l-kostumi. Magħrufa sew għall-ħolqien ta’ bosta installazzjonijiet permanenti tal-arti madwar l-Istati Uniti.
The Palm Goddess for Malta hija xogħol tal-arti li jħaddan it-tradizzjoni figurattiva tal-imgħoddi antik. L-iskultura titnebbaħ ukoll mill-weraq monumentali tal-Phoenix dactylifera, palma li tinstab fil-gżejjer Maltin. Din il-forma astratta imma definittivament femminili hija għolja madwar 4 metri, figura tielgħa ’l fuq u miżmuma minn ‘zokk’ ta’ madwar żewġ metri li jissimbolizza t-tkabbir mill-ħamrija Maltija. Bħal ma l-biċċa l-kbira tas-sejbiet arkeoloġiċi jirrappreżentaw divinità, xi ħaġa sagra, The Palm Goddess tinkarna l-aspirazzjoni umana u x-xewqa li tittella’ ’l fuq u titmexxa ’l quddiem mill-espressjoni kreattiva. The Palm Goddess se tintwera Pjazza Teatru Rjal, il-Belt Valletta, u se tinkixef waqt it-tnedija tal-Weekend Internazzjonali tal-Arti tal-MICAS nhar il-Ġimgħa l-14 ta’ Ottubru. Ix-xogħol se jkun miftuħ għall-pubbliku mill-15 ta’ Ottubru ’l quddiem. ARA L-AVVENIMENT
Il-kxif ta’ The Palm Goddess se jkun segwit minn pranzu tal-arti kkurat mill-istilista Malti Luke Azzopardi f’The Phoenicia Malta, il-Furjana. Is-serata tinkludi wirjiet mill-kantawtriċi indie Alexandra Alden, is-soprano Gillian Zammit, u l-pop duo The New Victorians. ARA L-AVVENIMENT
Il-Weekend Internazzjonali tal-Arti tal-MICAS 2022 se jagħlaq b’taħdita dwar l-arti: In Conversation with Michele Oka Doner. It-taħdita se ssir filgħodu nhar il-15 ta’ Ottubru l-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija, il-Belt. ARA L-AVVENIMENT
Il-Weekend Internazzjonali tal-Arti tal-MICAS 2022 qed jiġi appoġġjat mill-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Visit Malta, Heritage Malta, Corinthia Palace Malta.