Caesar Attard (m. 1946) huwa artist Malti. Bejn l-1966 u l-1973, studja fl-Iskola tal-Arti ta’ Malta, u mill-1969 ’il hawn baqa’ konsistentament attiv fix-xena tal-arti lokali, permezz ta’ wirjiet f’Malta u lil hinn, kif ukoll bħala membru tal-gruppi lokali tal-arti Spectrum ’67, Vision ’74, u Atelier ’56. Bejn l-1970 u l-1995, Attard kien għalliem tal-arti, waqt li bejn l-1995 u l-2011 kien lettur tal-Prattika tal-Arti Viżiva u l-Istorja tal-Arti fid-Dipartiment tal-Arti tal-Junior College tal-Università ta’ Malta.
Minbarra permezz tal-pittura, sa mis-sebgħinijiet Attard esperimenta f’forom ta’ arti mhux tradizzjonali bħalma huma l-wirjiet artistiċi parteċipatorji u l-installazzjonijiet. Uħud minnhom huma: Human Pantographers – a cybernetic experience fil-Laboratorju tal-Lingwa, il-Kottonera (1977); l-installazzjoni Open-Ended Meta-dimensional Field-100 Free-standing Units u l-wirja parteċipattiva msejħa The Artist as Model, fi Pjazza San Ġorġ, il-Belt Valletta (1977); il-wirja i f’attività tal-AŻAD, il-Furjana (1978); u Searching for Caravaggio, installazzjoni fil-Belt Valletta (2007). Fiċ-Ċentru tal-Kavallier ta’ San Ġakbu għall-Arti Kreattiva, Attard ippreżenta proġett multimedjali bit-titlu Graphicon: Icons of memory, Images of Observation, Icons of Manipulation (2000), l-installazzjoni Unfinished (2007), u Tonguesgate (2013), bħala parti minn proġett kollettiv ta’ arti multimedjali.
Matul is-snin, Attard ħa sehem f’diversi wirjiet f’postijiet bħal Galleria Renzo Spagnolo, f’Firenze (1988); Rathaus Hardtberg, f’Bonn-Duisdorf, il-Ġermanja (1992); Palais des Nations, f’Ġinevra (2001); fi Brussell permezz ta’ Made in MT – Maltese Art Now (2014); u Hof De Bist-252CC, f’Antwerp, permezz tal-wirja kollettiva The Island Indoors (2018).
Tella’ għadd ta’ wirijiet individwali bħal: Drawings, il-Mużew Nazzjonali tal-Arti, il-Belt Valletta (1980); Fear and Risk, l-Istitut Kattoliku, il-Furjana (1987); Life and Passion (1992) u Paintings and Drawings (1994), it-tnejn li huma f’The New Gallery, il-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija, il-Belt Valletta; il-wirja ‘→’, fil-Mużew Nazzjonali tal-Arti, il-Belt Valletta (2007); Caesar Attard: a Retrospective Exhibition fil-Kwartieri tal-Bank of Valletta, Santa Venera (2007); H-ardcore, installazzjoni u wirja multimedjali fiċ-Ċentru tal-Kavallier ta’ San Ġakbu għall-Arti Kreattiva, il-Belt Valletta (2013). Xogħlijiet tiegħu aktar riċenti ġew esebiti fil-proġett multimedjali Tonguesgate (2013), l-attività ta’ arti parteċipatorja u installazzjoni B/s/b fi Human Matter, imtella’ fl-Iskola tal-Arti, il-Belt Valletta (2017). Ħa sehem ukoll fil-wirja rajt ma rajtx – naf li rajt fil-Valletta Contemporary, il-Belt Valletta (2021).
Ritratt ħajr Stephen Scerri
Share
Operational Programme I – European Structural and Investment Funds 2014-2020 “Fostering a competitive and sustainable economy to meet our challenges”. Project may be part-financed by the European Regional Development Fund Co-financing rate: 80% European Union Funds; 20% National Funds.
Operational Programme I – European Structural and Investment Funds 2014-2020 “Fostering a competitive and sustainable economy to meet our challenges”. Project may be part-financed by the European Regional Development Fund Co-financing rate: 80% European Union Funds; 20% National Funds.
© Malta International Contemporary Art Space 2023
© Malta International Contemporary Art Space 2024
© Malta International Contemporary Art Space 2024