Ugo Rondinone, the radiant, 2018. Post: Sa Maison Garden, Floriana, Malta. Ritratt: Elisa von Brockdorff. Korteżija: Malta International Contemporary Art Space (MICAS).
The Radiant, Odi Għall-Universalità Tal-Arti

Kitba ta’ Sixtine Catrice

Il-Ġnien ta’ Sa Maison ġnien paċifiku mħares mill-istorbju bla heda tal-Belt Valletta u rritmat mill-ħoss tar-riħ jċaqlaq il-weraq u jbandal id-dgħajjes fil-baħar fil-qrib. Moħbija f’dan il-pajsaġġ hemm the radiant, il-figura tal-ġebel prodotta fl-2018 mill-artist Ugo Rondinone, imwieled l-Iżvizzera u bbażat New York, bħala parti mill-ewwel edizzjoni tal-MICAS International Art Weekend. 

Ġganteska, imponenti,  u impressjonanti, id-daqs tagħha jġiegħlna ngħollu rasna biex narawha kollha kemm hi. Il-materjal tagħha, il-basalt (bluestone), għaddew minn fuqu ż-żmien u l-elementi, iżda madankollu jidher li jirreżisti l-mogħdija taż-żmien. Din l-opra donnha preżenza li sserħilna moħħna: tgħid iżżomm fiha l-ispirtu ta’ ġgant anċestrali li jżomm idu fuqna, gwardjan tal-Ġnien ta’ Sa Maison?

Il-kwalitajiet sempliċi ta’ the radiant jippermettulna nirrikonoxxu faċilment dak li tirrappreżenta: forma umana, magħmula minn ras distintiva, sider, u saqajn. Xejn aktar ma għandu jinftiehem jew jiġi deċifrat biex jiġi apprezzat ix-xogħol. Billi joqgħod lura milli jsebbaħ l-opra b’dettalji mhux meħtieġa, Rondinone jippermettilna naraw il-metodi li bihom inħadmet il-ġebla. L-artist irid li l-arti tiegħu tkun universali u aċċessibbli għal kulħadd. Jgħid: “Xogħli għandu jkun faċilment aċċessibbli, irid jinteraġixxi ma’ min qed jara l-opra. Irrid nattira lin-nies biex jinteressaw irwieħhom fl-arti. U l-arti pubblika hija l-aħjar mod biex nagħmel dan. Huwa għalhekk li tant togħġobni, għax tista’ tmiss lil kulħadd. Mhuwiex meħtieġ li nifhmu l-arti, jeħtieġ li nħossuha, li nagħtu lilna nfusna ż-żmien biex tidħol fina.”1

Billi juri forma umana f’rappreżentazzjoni arkajka permezz tal-użu tal-eqdem materjal, il-ġebla, Rondinone jerġa’ jgħaqqad l-arti kontemporanja mal-oriġini prestorika tagħna. L-interess tiegħu fil-ġebel jidher ukoll li huwa evokazzjoni tal-oriġini tiegħu stess, tfakkira tal-bliet fejn kien jgħix matul it-tfulija tiegħu: Brunnen, il-belt fejn kiber imdawwar bil-muntanji, u Matera, fejn qatta’ s-sjuf, magħrufa għas-Sassi, id-djar trogloditi mibnija fil-blat.2 Rondinone huwa attirat wkoll mill-universalità tal-materjal, il-ġebla tista’ tinstab f’kull kultura u għandha aspett “bla żmien”. 

the radiant hija parti minn serje akbar ta’ skulturi ta’ Rondinone, li kollha jirrappreżentaw forom umani magħmula mill-ġebel, u mogħtija l-isem ta’ diversi sentimenti umani bħal the worried, the cherishing, jew the courageous. Tabilħaqq, is-sentimenti huma element ċentrali tax-xogħol tal-artist, li jrid jenfasizza l-emozzjonijiet li jħoss min qed ikun qed jara l-opra quddiemu, aktar milli l-importanza li jiġu analizzati kull wieħed mid-dettalji tagħha. Għalih, dak li huwa l-aktar importanti huwa li kulħadd jista’ jesperjenza l-arti kontemporanja u jħoss emozzjoni. L-universalità hija l-kelma-ċavetta tiegħu.

the radiant huwa xogħol speċifiku għas-sit li bħalissa huwa aċċessibbli għall-pubbliku fil-Ġnien ta’ Sa Maison, il-Furjana, Malta. Skopri aktar.

  

[1] RONDINONE, Ugo. 2016. Intervista ma’ Isabelle Campone. Le Temps. Disponibbli fuq: https://www.letemps.ch/culture/ugo-rondinone-magicien-pierres

[2] RONDINONE, Ugo. 2016. Intervista ma’ Isabelle Campone. Le Temps. Disponibbli fuq: https://www.letemps.ch/culture/ugo-rondinone-magicien-pierres

Share

Skip to content