Artists Kemi Onabulé, Nathanaëlle Herbelin, and Megan Rooney (Photo: Robert Goodman/MICAS)

A New Life Force A New Life Force fil-MICAS tiċċelebra l-enerġija dejjiema tal-pittura ispirata minn Malta

A New Life Force: jieħdu sehem l-artisti Nathanaëlle Herbelin, Kemi Onabulé u Megan Rooney, fil-wirja kkurata mid-Direttur Artistiku tal-MICAS Edith Devaney

MICAS, l-Ispazju Internazzjonali tal-Arti Kontemporanja ta’ Malta, fetħet A New Life Force, wirja ta’ pitturi mill-artisti Nathanaëlle Herbelin, Kemi Onabulé u Megan Rooney, ikkurata mid-Direttur Artistiku tal-MICAS Edith Devaney.
Il-ftuħ kien indirizzat mill-E.T. Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta, kif ukoll il-Ministru għall-Arti, Kultura u Wirt Nazzjonali Malcolm Agius Paul Galea, iċ-Chairperson Eżekuttiv tal-MICAS Phyllis Muscat, u d-Direttur Artistiku tal-MICAS Edith Devaney.
Fl-indirizz tagħha, l-E.T. Myriam Spiteri Debono enfasizzat l-importanza ta’ settur kulturali li jħaddan esperjenzi, perspettivi u forom differenti ta’ espressjoni artistika. Hija enfasizzat il-bżonn ta’ viżibbiltà akbar lin-nisa u lit-talenti tagħhom bħala essenzjali biex jiġi żgurat li l-arti tirrifletti verament id-diversità tas-soċjetà. 
Il-President enfasizzat wkoll ir-rwol importanti ta’ istituzzjonijiet bħall-MICAS fit-trawwim tad-djalogu artistiku, it-tlaqqigħ ta’ vuċijiet diversi, u t-tisħiħ tar-rabta bejn il-wirt kulturali rikk ta’ Malta u l-espressjoni artistika kontemporanja minn madwar id-dinja.
Malcolm Paul Agius Galea, Ministru għall-Arti, il-Kultura u l-Wirt Nazzjonali, feraħ bl-iżvilupp kontinwu tal-MICAS bħala destinazzjoni għall-arti kontemporanja, kif ukoll pjattaforma li għaqqdet lil Malta ma’ artisti, istituzzjonijiet u udjenzi lil hinn mix-xtut tagħha.
“Bħala Gvern, se nkomplu ninvestu fil-kultura għaliex nirrikonoxxu l-valur tagħha mhux biss għall-identità tagħna, iżda wkoll għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku tagħna u għall-preżenza kulturali internazzjonali ta’ Malta. A New Life Force tfakkarna li l-kultura qatt mhi statika. Tevolvi, twieġeb, u toħloq konverżazzjonijiet ġodda dwar minn fejn ġejjin u fejn irridu mmorru.”
Artists Megan Rooney, Nathanaëlle Herbelin, and Kemi Onabulé (C) Roberto Goodman
 
Phyllis Muscat, iċ-Chairperson Eżekuttiv tal-MICAS, qalet li l-wirja kienet “forsi l-aktar espressjoni kompluta” tal-mużew u l-konvizzjoni li tħaddan: “l-aktar ħaġa sinifikanti l-istituzzjoni tagħna tista’ tagħmel għal Malta, hija li ġġib artisti internazzjonali ta’ kull ġenerazzjoni, fi djalogu ġenwin mal-post li jaħdmu fih.”
“Il-fatt li Nathanaëlle, Kemi u Megan jistgħu jsibu xi ħaġa hawn li biddlet u approfondiet xogħolhom huwa l-aktar miżura onesta ta’ dak li qed isir fil-MICAS,” qalet Muscat.
Id-Direttur Artistiku tal-MICAS Edith Devaney qalet li l-viżitaturi se jirrikonoxxu ħafna aspetti tal-kultura, l-istorja u l-ġeografija Maltija fix-xogħlijiet tal-arti – mid-dawl Mediterranju rifless fil-baħar fl-astrazzjonijiet kbar ta’ Megan Rooney, il-fawna tal-gżejjer preżenti b’mod ċar fil-pajsaġġi rikki ta’ Kemi Onabulé, sat-tradizzjoni tal ex-voto Maltin fix-xogħlijiet ta’ Nathanaëlle Herbelin. “Għal kull artist, meta jixħtu għajnejhom fuq Malta, l-interpretazzjoni tagħhom tal-pajjiż tiġi minn perspettiva globali, bil-wirt kollettiv ta’ kull wieħed b’għeruq f’kontinenti differenti – b’ħajta mill-Afrika, il-Kontinent Amerikan, l-Asja u l-Ewropa kollha rappreżentati hawnhekk.”
A New Life Force hija miftuħa fil-MICAS, l-Ospizio, il-Furjana, u tibqa’ għaddejja sal-31 ta’ Jannar, 2027.

MICAS miftuħ mit-Tlieta sal-Ħadd mill-10pm, b’aċċess b’xejn kull nhar ta’ Ħadd u żjara ggwidata b’xejn il-Ħadd fil-11am. Il-MICAS huwa miftuħ sat-8pm nhar ta’ Ġimgħa u nhar ta’ Sibt.

Skip to content