Megan Rooney, The Ecstatic Dark 2026. Acrylic, oil, pastel and oil stick on canvas, 250 x 300 cm. Photo: Eva Herzog, Courtesy of the artist and Thaddaeus Ropac gallery, London, Paris, Salzburg, Milan and Seoul.
MICAS jippreżenta A New Life Force, wirja ġdida li titfa’ dawl fuq il-ġenerazzjoni li jmiss ta’ artisti nisa
Xogħlijiet ġodda ta’ Nathanaëlle Herbelin, Kemi Onabulé u Megan Rooney
A New Life Force
Ikkurata minn Edith Devaney, Direttriċi Artistika ta’ MICAS
Mill-10 ta’ Ottubru 2026 sal-31 ta’ Jannar 2027
Il-Malta International Contemporary Art Space jippreżenta A New Life Force, wirja kbira ġdida li tlaqqa’ flimkien tliet pittriċi li kull waħda minnhom qed tikseb rikonoxximent internazzjonali: Nathanaëlle Herbelin, Kemi Onabulé u Megan Rooney. Permezz ta’ lingwaġġi viżivi distinti mfassla minn sfondi kulturali diversi, il-wirja toffri stampa ċara u affaxxinanti tal-ġenerazzjoni li jmiss ta’ artisti nisa li qed jiddefinixxu mill-ġdid il-pittura kontemporanja.
Ikkurata minn Edith Devaney, Direttriċi Artistika ta’ MICAS, il-wirja tirrifletti l-impenn tal-mużew li jappoġġja lill-artisti f’mumenti kruċjali fil-karrieri tagħhom, filwaqt li jrawwem djalogi internazzjonali ġodda dwar l-arti moderna u kontemporanja. Għal A New Life Force, kull artista ħolqot korp ta’ xogħol ġdid, infurmat parzjalment minn żjarat Malta, u tnebbħet mill-kultura, l-istorja u l-ġeografija tal-gżira, u b’hekk fanndet il-wirja fil-kuntest lokali tagħha.
Iddisinjata mill-Pariġina Cécile Degos, il-wirja tinfirex fuq tliet sulari tal-gallerija tal-MICAS, b’kull artista tokkupa spazju dedikat għaliha. Il-konfigurazzjoni tas-sulari stil terrazza tal-mużew tippermetti lill-viżitaturi josservaw u jesperjenzaw kemm id-differenzi kif ukoll ir-riżonanzi bejn ix-xogħlijiet tal-artisti. Dan joħloq djalogu dinamiku bejn il-prattiki tagħhom, li jiġbdu mit-tradizzjonijiet kulturali rispettivi tagħhom filwaqt li jorbtu mat-tradizzjonijiet storiċi tal-pittura.
Nathanaëlle Herbelin (C) Milena Villalon
Ibbażata f’Pariġi, l-artista Franċiża-Iżraeljana Nathanaëlle Herbelin (imwielda fl-1989) hija ċċelebrata għall-figurazzjoni atmosferika tagħha li tgħaqqad l-intimità, il-memorja u l-profondità psikoloġika. Tiġbed mis-sensibbiltà poetika tal-artisti post-impressjonisti bħal Les Nabis, kif ukoll Ferdinand Hodler u, aktar tard, Martin Wong, u l-pitturi tagħha jistiednu lil min iħares lejhom biex jieqaf u jikkontempla. Il-forom imrattba u l-paletti kiebja tagħha jissuġġerixxu frammenti ta’ tifkiriet u interjorità emozzjonali, u jqajmu esperjenzi li huma fl-istess ħin inkwetanti u tal-għaġeb.
Ix-xogħlijiet ta’ Herbelin fil-MICAS jirrispondu direttament għall-arkitettura drammatika tal-gallerija tal-livell t’isfel, li hija maqsuma f’żewġ spazji distinti. Fis-sala vasta li tinsab 18-il metru taħt is-saqaf għoli tal-mużew, se tippreżenta pitturi figurattivi akbar, mimlija dawl u spazju; filwaqt li sezzjoni aktar intima se turi xogħlijiet iżgħar u aktar astratti. Il-pitturi huma mimlija dimensjonijiet spiritwali, influwenzati mill-oġġetti devozzjonali tal-ex-voto misjuba f’binjiet u knejjes storiċi madwar Malta.
Kemi Onabulé (C) Bridie O’Sullivan
Fl-ispazju ċentrali tal-gallerija, il-pittriċi bbażata Londra Kemi Onabulé (imwielda fl-1995) tislet mill-wirt Grieg, Ingliż u Niġerjan tagħha biex tesplora r-relazzjoni tal-bniedem mal-pajsaġġ, l-ekoloġija u l-memorja kollettiva. Il-pitturi tagħha spiss juru figuri li jgħixu f’ambjenti ħalliema, imwaħħla bejn l-armonija u l-inċertezza, u jevokaw kemm stejjer antiki kif ukoll futuri spekulattivi.
Bħala parti miż-żjarat ta’ riċerka tagħha f’Malta, Onabulé impressjonat ruħha bil-vitalità tal-gżira u bit-traċċi viżibbli tal-passat imqanqal tagħha. L-intensità tal-pajsaġġ, il-flora u l-paletta tal-kulur kollha infurmaw korp ta’ xogħol ġdid u qawwi għall-wirja, li ħafna minnu jimmarka l-akbar tili li għamlet s’issa.
Megan Rooney (C) Eva Herzog
L-artista Kanadiża Megan Rooney (imwielda fl-1985), li tgħix u taħdem Londra, hija magħrufa għal prattika multidixxiplinari li tinkludi l-pittura, l-installazzjoni u l-performance. Il-pitturi tagħha jinħolqu permezz ta’ akkumulazzjonijiet ta’ ġest u kulur, mibnija u mbagħad xkatlati lura fi proċess fiżikament diffiċli li jagħti lix-xogħlijiet tagħha sens ħaj ta’ moviment u intensità.
Matul iż-żmien tagħha f’Malta, Rooney saret partikolarment attenta għad-dawl tal-MICAS u għall-pajsaġġ preistoriku rikk tal-gżira. Maħluq speċifikament għall-ħitan u l-galleriji ta’ fuq tal-mużew, u mfassal mid-dawl jinbidel mis-saqaf enormi tiegħu tal-ħġieġ, dan il-korp ta’ xogħol kollu kemm hu ġdid jibni fuq l-interess fit-tul ta’ Rooney fil-memorja, fil-mitoloġija u fid-dinja antika. Permezz ta’ uċuħ tat-tila ħajjin b’kulur, atmosfera u ħjiel tranżitorju tan-natura, il-pitturi jevokaw pajsaġġi interjuri, u jistiednu l-kontemplazzjoni taż-żmien, tat-trasformazzjoni u tar-rabta tagħna mal-ambjent naturali.
Flimkien, it-tliet artisti f’A New Life Force juru l-vitalità dejjiema u l-possibbiltajiet trasformattivi tal-pittura llum. Permezz ta’ approċċi profondament personali imma li jirriżonaw lejn il-kulur u l-post, il-memorja u l-esperjenza umana, il-wirja toffri riflessjoni f’waqtha dwar il-pittura kontemporanja bħala post ta’ sperimentazzjoni, emozzjoni u tiġdid.
Il-kuratriċi Edith Devaney, Direttriċi Artistika ta’ MICAS, qalet: “It-tliet artisti kollha jagħfsu b’determinazzjoni fuq il-modi singolari tal-espressjoni tagħhom filwaqt li jżommu konnessjoni profonda u involviment mal-istorja tal-arti. Kull waħda minnhom taqsam impenn distint lejn il-pittura u lejn l-esplorazzjoni tal-possibbiltajiet tal-medju. Individwalment, kull waħda minnhom għandha enerġija kreattiva enormi – u qed nistennew b’ħerqa naraw kif dan se jinfirex mal-ħitan ta’ MICAS.”
Il-wirja se tkun akkumpanjata minn pubblikazzjoni sħiħa u illustrata, ippubblikata minn Skira. Minbarra saġġ qasir minn Edith Devaney, din se tinkludi intervisti ma’ Herbelin, Onabulé u Rooney, li saru rispettivament minn Adelaide Bannerman (kuratriċi indipendenti tal-arti), Nicolas Gausserand (Kuratur, Musée d’Orsay) u l-Professur Mark Hallett (Direttur Märit Rausing, Courtauld Institute of Art).