Nicolas Party

Nicolas Party (m. 1980, Lausanne) huwa pittur figurattiv li kiseb l-ammirazzjoni tal-kritiċi għall-pajsaġġi, ritratti, u xbihat ta’ oġġetti inanimati li huma familjari iżda fl-istess ħin jiskomodaw. Huma wkoll xogħlijiet li daqskemm jiċċelebraw, jisfidaw il-konvenzjonijiet tal-pittura rappreżentattiva.

It-tfulija tal-artist fl-Iżvizzera ħalliet fuqu faxxinu bikri għall-pajsaġġi u d-dinja naturali, u l-influwenza tal-pajjiż nattiv tiegħu tpoġġi lil Party fil-qalba tat-trajettorja tal-pitturi tal-pajsaġġi tal-Ewropa ċentrali. Bħala punti ta’ referenza f’xogħlu nsibu l-artisti famużi Żvizzeri tas-seklu 19, Félix Vallotton, Ferdinand Hodler, u Hans Emmenegger. F’xogħlijietu jinsab ukoll sinteżi tas-seklu 21 ta’ wħud mill-impulsi li kebbsu r-Rinaxximent u l-pittura figurattiva tal-aħħar snin tas-seklu 19 u l-bidu tas-seklu 20, kif ukoll l-istrateġiji ta’ kompożizzjoni ta’ Rosalba Carriera u Rachel Ruysch, flimkien mal-viżjonijiet ta’ artisti li għallmu lilhom infushom bħal Louis Eilshemius u Milton Avery.

Huwa bbażat fi New York, studja fl-Iskola tal-Arti ta’ Lausenne fl-Iżvizzera u wara kiseb MFA mill-Iskola tal-Arti ta’ Glasgow fl-Iskozja.

Xogħlijietu dehru f’wirjiet istituzzjonali riċenti tiegħu fosthom: Holburne Museum, Bath, l-Ingilterra (2025); Currier Museum of Art, Manchester, NH (2025); Hoam Museum of Art, Yongin, il-Korea t’Isfel (2024); The Frick Collection, New York, NY (2023); Museum Frieder Burda, Baden-Baden, il-Ġermanja (2023); Museo Poldi Pezzoli, Milan (2022); Montreal Museum of Fine Arts (2022); Hirshhorn Museum and Sculpture Garden, Washington, DC (2021–22); Le Consortium, Dijon, Franza (2021); Kunsthalle Marcel Duchamp, Cully, l-Iżvizzera (2021); MASI Lugano, l-Iżvizzera (2021); M Woods Museum, Beijing (2018); Magritte Museum, Brussell (2018); Hammer Museum, Los Angeles (2016); u Dallas Museum of Art (2016). Ix-xogħol ta’ Party huwa rrappreżentat f’kollezzjonijiet fl-Albright-Knox Art Gallery, Buffalo; Hammer Museum, Los Angeles; Hirshhorn Museum and Sculpture Garden; Los Angeles County Museum of Art; Fondation Louis Vuitton, Pariġi; M+ Museum, Hong Kong; Menil Collection, Houston; Morgan Library & Museum, New York; u fil-Museum of Fine Arts, Houston, fost istituzzjonijiet oħra.

Skip to content