Sejħa għal Applikazzjonijiet għall-Pożizzjoni ta’ Assistent(a) fil-Qasam tar-Retail fuq bażi Part-Time

In-Numru tal-Permess tal-Jobsplus: 592/2025

Il-MICAS fetaħ il-bibien tiegħu għall-pubbliku lejn l-aħħar xhur tal-2024, u permezz ta’ dan saħħaħ l-infrastruttura kulturali ta’ Malta bi pjattaforma għall-arti kontemporanja u l-internazzjonalizzazzjoni tagħha.

L-għan tal-MICAS huwa li jagħti spinta lill-ekoloġija kulturali ta’ Malta u li jħalli impatt fuq dik tar-reġjun Ewro-Mediterranju li jgħix fih. Il-missjoni tiegħu hija li jimbotta ’l quddiem l-arti kontemporanja billi jqajjem kuxjenza pubblika dwar l-importanza tal-arti viżiva fil-ħajja kontemporanja, u jippromwovi l-mod kif l-arti u l-artisti jgħinuna fl-interpretazzjoni tad-dinja li ngħixu fiha.

Il-MICAS huwa proġett ta’ legat infrastrutturali mill-Gvern ta’ Malta għas-settur tal-Kultura u l-Arti.

 

Is-Servizzi Meħtieġa:

Il-MICAS qiegħed isejjaħ għal applikazzjonijiet minn kandidati xierqa biex jaqdu d-dmirijiet ta’ Assistent(a) fil-Qasam tar-Retail kif imniżżel hawn isfel. Din il-pożizzjoni hija fuq bażi part-time u hija suġġett għal perjodu ta’ prova ta’ sitt (6) xhur.

Il-persuna magħżula se tirrapporta lill-Maniġer tar-Retail, il-Kontrollur Finanzjarju, u l-Kap Eżekuttiv. Se tkun meħtieġa tassisti lill-Maniġer tar-Retail fil-ħanut tal-MICAS, taqdi lill-klijenti, tieħu ħsieb il-merkanzija, tipproċessa t-tranżazzjonijiet tal-bejgħ, tissorvelja lill-klijenti fil-ħanut u ssolvi kwistjonijiet tal-klijenti.

 

Id-Dmirijiet u Responsabbiltajiet Ewlenin:

  • I/Tkun il-punt ta’ kuntatt ewlieni għall-klijenti fil-ħanut tal-MICAS.
  • J/Taqdi lill-klijenti billi j/twieġeb għall-mistoqsijiet tagħhom, j/tiċċekkja d-disponibbiltà tal-istokk, u j/tipproċessa x-xiri tagħhom.
  • J/Tieħu ħsieb l-ilmenti tal-klijenti, il-prodotti li jinġiebu lura mill-klijenti, u kwalunkwe kwistjoni oħra li tista’ tinqala’ bi mġiba professjonali.
  • I/Tħaddem il-cash register u kwalunkwe teknoloġija marbuta mas-sistema tal-POS (pereżempju, il-kompjuter jew tablet tal-kumpanija, eċċ.).
  • J/Tgħarraf lill-klijenti dwar promozzjonijiet speċjali biex j/tinkuraġġihom jixtru prodotti jew servizzi tal-ħanut tal-MICAS.
  • J/Tiżgura li l-ħanut tal-MICAS huwa nadif, ordnat, u organizzat il-ħin kollu.
  • J/Tissorvelja l-livell ta’ stokk tal-kumpanija, u j/tirristokkja meta neċessarju jew j/tinforma lill-Maniġer tar-Retail dwar kwalunkwe prodott mhux dispobibbli.
  • J/Taqdi dmirijiet marbutin mal-istokk, fosthom ritornar, ippakkjar, u tikettar fuq prodotti tal-istokk.
  • J/Taqdi dmirijiet ta’ rendikontar marbutin mal-istokk perjodikament kif meħtieġ u mitlub mill-Maniġer tar-Retail.
  • J/Taqdi dmirijiet addizzjonali kif mitlub(a) mill-Kontrollur Finanzjarju, il-Maniġer tar-Retail u l-Kap Eżekuttiv.

 

Il-Ħinijiet tax-Xogħol:

L-iskeda tax-xogħol hija fuq bażi ta’ xift sa massimu ta’ tletin (30) siegħa fil-ġimgħa. Il-persuna magħżula tista’ tintalab taħdem filgħaxijiet, fi tmiem il-ġimgħa, u festi pubbliċi.

Ħinijiet addizzjonali jistgħu jkunu neċessarji biex jintlaħqu r-rekwiżiti ta’ din il-pożizzjoni, speċjalment waqt avvenimenti tal-MICAS. Ir-responsabbiltajiet u l-interazzjonijiet meħtieġa għal din il-pożizzjoni mhumiex kompatibbli ma’ xogħol minn distanza.

Is-salarju marbut mal-pożizzjoni ta’ Assistent/a fil-Qasam tar-Retail huwa ta’ €14,197.50 kull sena skont il-klassifikazzjoni ta’ Grad 8 tal-Organizzazzjonijiet Kulturali Pubbliċi. Is-salarju jitla’ bi €317 kull sena sa massimu ta’ €15,624.

L-applikanti eliġibbli se jintalbu jattendu għal intervista biex tiġi vvalutata l-adegwatezza tagħhom għal dawn id-dmirijiet.

 

Ir-Rekwiżiti għal Eliġibbiltà:

Sad-data u l-ħin ta’ skadenza ta’ din l-espressjoni ta’ interess, il-kandidati jrid ikollhom:

  1. Profiċjenza fit-tħaddim tal-Malti u l-Ingliż, kemm permezz tal-kitba kif ukoll oralment.
  2. Kwalifikazzjoni rikonoxxuta fil-Livell 3 tal-MQF fil-Matematika, il-Malti, u l-Ingliż JEW tliet snin esperjenza f’uffiċċju jew bħala kaxxier(a).
  3. Kondotta tal-pulizija nadifa.
  4. Ħiliet interpersonali, organizzattivi, ta’ preżentazzjoni u komunikazzjoni (permezz ta’ kitba u oralment bil-Malti u l-Ingliż) żviluppati tajjeb u ħiliet ta’ trattament tajjeb tal-klijenti.
  5. Għarfien ta’ prattiċi/proċeduri ġenerali ta’ uffiċċju u metodi bażiċi ta’ kontabbiltà għall-ġestjoni ta’ kuljum tal-flus tal-ħanut tal-MICAS .
  6. Abbiltà ta’ ħidma indipendenti jew bħala membru f’tim vis-à-vis id-dmirijiet assenjati b’superviżjoni minima.
  7. Rieda li j/taħdem ħinijiet irregolari, fi tmiem il-ġimgħa u f’festi pubbliċi fuq bażi ta’ xift. 
  8. Profiċenzja fil-Microsoft Office Suite (Word, Excel, Outlook) u familjarità ma’ software marbut mal-ġestjoni tar-retail.
  9. L-applikanti jeħtieġu jkunu adulti ta’ 18-il sena jew aktar.

    

Il-kwalifikazzjonijiet u l-esperjenza mistqarra għandhom jiġu sostnuti b’ċertifikati u/jew testimonjanzi, u kopji tagħhom iridu jinhemżu mal-applikazzjoni flimkien ma’ Curriculum Vitae ddettaljata, ittra u fejn applikabbli għandha tiġi inkluża wkoll il-Formola tas-Servizz u l-Liv (GP 7). Dawn għandhom jiġu indirizzati lill-Maniġer tar-Riżorsi Umani permezz ta’ email fuq people@micas.art sa mhux aktar tard minn nhar it-Tnejn 14 ta’ Lulju 2025 f’nofsinhar (CET).

Ċertifikati oriġinali u/jew testimonjanzi għandhom jiġu ppreżentati mingħajr ebda eċċezzjoni għal verifikazzjoni waqt l-intervista.

F’każ ta’ impjegati fis-servizz jew is-settur pubbliku, dawn għandhom jippreżentaw ir-rekords tal-liv imħallas/mhux imħallas u r-rekords tal-liv minħabba mard ta’ dawn l-aħħar erba’ (4) snin, u jinkludu kwalunkwe rekord ta’ azzjonijiet dixxiplinarji li setgħu ttieħdu kontrihom (nuqqas ta’ dawn ir-rekords jimplika li ebda azzjoni dixxiplinarja ma qatt ittieħdet kontra l-kandidati).

Kull applikazzjoni li tasal tiġi rrikonoxxuta bi rċevuta.

Skip to content