Il-ministru għall-Wirt Nazzjonali u l-Arti, Owen Bonnici, jinawgura l-wirja ta' Ray Pitrè

Ix-xogħol aħħari ta’ Ray Pitrè, Figure In Rods, inawgurat fl-Ispazju Internazzjonali tal-Arti Kontemporanja ta’ Malta

L-iskultura tal-mibki Ray Pitrè tixhed il-legat tal-artist Malti li witta t-triq għall-arti sperimentali f’Malta, u amplifika l-ambizzjoni tal-arti kontemporanja ta’ Malta

Il-Ġimgħa, 10 ta’ Jannar 2025
Il-wirt ta’ wieħed mill-artisti kontemporanji ewlenin Maltin sab postu b’mod xieraq fil-mużew tal-arti kontemporanja MICAS fejn lbieraħ ġiet varata l-aħħar skultura ta’ Ray Pitrè, Figure In Rods, ikkummissjonata speċifikament għall-MICAS.
L-iskultura se titqiegħed b’mod permanenti u prominenti mad-daħla tal-ispjanatura bħala parti mill-kollezzjoni permanenti tal-MICAS.
Il-ċerpersin eżekuttiva tal-MICAS Phyllis Muscat laqgħet lill-membri tal-familja ta’ Pitrè fil-MICAS, fejn flimkien mal-Ministru għall-Wirt Nazzjonali u l-Arti Owen Bonnici, fetħu din il-wirja tax-xogħlijiet ta’ Pitrè.
Muscat qalet li l-ikkummissjonar u t-tqegħid permanenti ta’ Figure in Rods jiċċelebra il-legat artistiku ta’ wieħed mill-ifjen artisti ta’ Malta, filwaqt li tissottolinja l-missjoni tal-MICAS biex iġġib l-arti u l-artisti Maltin f’konverżazzjoni mal-komunità artistika internazzjonali.
“Il-missjoni tagħna hija li ninternazzjonalizzaw l-arti kontemporanja Maltija. L-opus ta’ Pitrè llum jingħaqad ma’ dawk ta’ Ugo Rondinone, Cristina Iglesias u Conrad Shawcross hawnhekk fil-MICAS, u jarrikkixxi l-offerta kulturali tagħna għall-viżitaturi.”
Muscat ħabbret ukoll programm edukattiv ġdid għall-iskejjel li se jara lill-istudenti jinvolvu ruħhom fl-arti kontemporanja, bl-użu ta’ xogħlijiet bħal ta’ Pitrè, li bl-esperimentazzjoni tiegħu b’materjali mormija jiġu integrati fix-xogħlijiet tal-arti tiegħu, bħala punt ta’ referenza għall-iżvilupp artistiku.
Il-Ministru Owen Bonnici, li inawgura l-wirja ta’ Pitrè, qal li l-kummissjoni tal-MICAS ta’ Figure In Rods kienet dikjarazzjoni ċara dwar il-kwalità u s-sinifikat tal-arti kontemporanja Maltija. “Dan ix-xogħol, bl-esplorazzjoni profonda tiegħu tal-identità tal-bniedem u l-pajsaġġi psikoloġiċi tiegħu, juri mhux biss id-diversità tal-prattika ta’ Pitrè, iżda wkoll l-ambizzjonijiet kulturali kontemporanji ta’ Malta.
“Il-legat ta’ Pitrè jmur lil hinn minn din il-biċċa xogħol straordinarja: huwa witta t-triq għal arti sperimentali f’Malta, wessa’ din il-konverżazzjoni artistika, u wera kif l-arti Maltija tista’ tindirizza temi universali. Il-ġabra ta’ xogħlijiet tiegħu tinkorpora l-essenza ta’ dak li l-MICAS qed jippromwovi: l-arti li toħloq esperjenza Maltija tista’ ssib udjenza globali.”
Il-viċi ċerpersin tal-MICAS Dr Georgina Portelli qalet li l-MICAS kien qed iwettaq ukoll inizjattiva ta’ diġitalizzazzjoni biex joħloq arkivju li jiġbor fih l-istorja vibranti tal-arti kontemporanja Maltija, wara li ġew ddokumentati l-konverżazzjonijiet u d-diskussjonijiet tekniċi mill-bidu sal-aħħar bejn Pitrè u l-artist u l-iskultur Austin Camilleri, kif ukoll il-proċess tal-ikkastjar għal Figure In Rods.

Nirrakuntaw Pitrè: kif Figure In Rods jagħti bidu għall-missjoni tal-MICAS biex jiddokumenta l-arti kontemporanja Maltija

“MICAS tagħraf in-nuqqas ta’ dokumentazzjoni sistematika tal-arti kontemporanja Maltija… b’din il-kollaborazzjoni, MICAS ikompli jistinka biex dawn l-istejjer jiġu ppreservati, studjati, u kondiviżi ma’ ġenerazzjonijiet futuri, u b’hekk ipoġġi l-arti kontemporanja Maltija fid-djalogu globali.”
Id-Direttur Artistiku tal-MICAS Edith Devaney qalet li l-wirja li tmiss se tiġbor ix-xogħol ta’ sitt artisti magħrufin Maltin attivi f’xogħolhom llum, taħt tema komuni, li se tiġi varata tul it-tlettt sulari kollha tal-MICAS.
“Il-programm tagħna jrid ikun ikkaratterizzat mill-innovazzjoni u impenn lejn l-ogħla standards artistiċi u intellettwali sabiex il-MICAS jitqiegħed fuq quddiem nett fl-identifikazzjoni u l-interrogazzjoni ta’ tendenzi ġodda u xejriet emerġenti fl-arti kontemporanja… li nwasslu xogħlijiet kumplessi ta’ arti kontemporanja minn madwar id-dinja lejn Malta se jkun ta’ katalist għall-komunitajiet artistiċi u kulturali, u l-oppost huwa minnu wkoll: din l-iskultura permanenti u l-wirja ta’ Ray Pitrè hija xhieda ta’ dan.”
Il-wirja temporanja, ikkurata mill-istoriku tal-arti Malti bbażat f’Washington Joseph Paul Cassar, espert ewlieni dwar l-arti moderna u kontemporanja Maltija, hija miftuħa għall-viżitaturi (bi ħlas), li jgawdu aċċess għall-wirja Joana Vasconcelos (miftuħa sal-31 ta’ Marzu 2025), u xogħlijiet oħra minn Conrad Shawcross u Ugo Rondinone.

Il-wirja Ray Pitrè miftuħa sal-29 ta’ Ġunju, 2025

Skip to content