Il-wirja tal-ftuħ tal-MICAS minn Joana Vasconcelos hija għażla ta’ installazzjonijiet ċentrali li jiffokaw fuq id-domestiku, u se tiġi ppreżentata flimkien ma’ tliet xogħlijiet ewlenin li joħolqu konnessjoni mal-element kontemplattiv tal-eżistenza umana – Tree of Life, The Garden of Eden u Valkyrie Mumbet. Il-preżentazzjoni ta’ dawn iż-żewġ settijiet ta’ xogħlijiet spalla ma’ spalla se turi kif l-aspetti ta’ sfida tal-ħajja ta’ kuljum joħolqu xenqa u ħtieġa biex induru għall-elementi aktar spiritwali tan-natura tagħna biex insibu żvog emozzjonali.
Bħal fix-xogħlijiet kollha ta’ Vasconcelos, il-politiki tal-ġeneru u l-kultura se jkunu evidenti – u l-materjalità tax-xogħol se jkollu wkoll irwol f’dan kollu. Dawn ix-xogħlijiet maħluqin minn materjali ta’ kuljum ordinarji, ħafna drabi marbutin mad-domestiku, li bihom Vasconcelos toħloq xogħlijiet ta’ skala u sinifikanza monumentali.
Bil-ħitan storiċi skavati viżibbli u d-dawl naturali jgħaddi minn bejn l-ispazji, il-preżentazzjoni tax-xogħol ta’ Vasconcelos fil-bini l-ġdid se jkun ukoll ċelebrazzjoni ta’ tlestija ta’ proġett patrimonjali u l-arkitettura kontemporanja tiegħu.
B’karriera mifruxa fuq aktar minn 30 sena u varjetà wiesgħa ta’ media, Joana Vasconcelos hija artista viżiva Portugiża magħrufa għall-iskulturi monumentali u l-installazzjonijiet immersivi tagħha. Ix-xogħlijiet artistiċi tagħha huma rappreżentati f’kollezzjonijiet ewlenin bħal dawk ta’ François Pinault, Louis Vuitton u l-Fondazzjoni Rothschild, waqt li x-xogħlijiet artistiċi tagħha jsebbħu Jupiter Artland, il-belt ta’ Pariġi u d-dar nobbli ta’ Waddeson. Kienet preżenti fil-Biennali ta’ São Paulo, Art Basel u Artgenève, u esebixxiet erba’ darbiet fil-Biennali ta’ Venezja. Kienet ukoll l-ewwel mara u l-iżgħar artista f’Versailles u tellgħet wirjiet individwali fil-Guggenheim ta’ Bilbao, il-Ġnien tal-Iskultura ta’ Yorkshire u l-Galleriji Ufffizi. Bejn Lisbona u l-bqija tad-dinja, tmexxi studio bi kważi 60 impjegat u l-fondazzjoni tagħha li tippromwovi l-arti għal kulħadd.