L-ewwel mużew f’Malta ta’ arti kontemporanja se jiftaħ b’esebizzjoni ta’ xogħlijiet tal-artista rinomata Joana Vasconcelos, u wara jkompli b’esebizzjonijiet ta’ Milton Avery u s-segwaċi kontempranji tiegħu, Reggie Burrows Hodges u aktar
MALTA, is-17 ta’ Ġunju, 2024 – Illum, il-Malta International Contemporary Art Space (MICAS), l-ewwel mużew f’Malta ddedikat għall-arti kontemporanja, qed iħabbar il-programm inawgurattiv tal-esebizzjonijiet li se jitnieda bl-artista Portugiża viżjonarja Joana Vasconcelos waqt il-ftuħ tiegħu f’Ottubru tal-2024. L-iskeda ta’ sentejn tinkludi ħames esebizzjonijiet diversi ta’ artisti internazzjonali u artisti bbażati f’Malta, u din se tpoġġi lil Malta fuq l-istadju globali tal-arti u tikkontestwalizza l-pożizzjoni unika ta’ Malta fl-istorja dinjija.
Fil-MICAS, li jinsab fl-isfond tal-Ospizio, fortizza rrestawrata tas-seklu sbatax, faċċata tal-port ta’ Marsamxett u tħares fuq il-belt kapitali tal-Belt Valletta, sit ta’ Patrimonju Dinji tal-UNESCO – il-viżitaturi se jsibu kampus multidimensjonali ta’ 8,360 metru kwadru (90,000 pied kwadru) li fih spazju ta’ 1,400 metru kwadru (15,080 pied kwadru) ta’ galleriji fuq ġewwa, ġonna ta’ skultura fil-miftuħ, fortifikazzjonijiet irrestawrati, ħanut u kafetterija. Il-programm inawgurattiv tal-MICAS jirrifletti proċess ta’ għażla bir-reqqa mfassal biex jippreżenta esebizzjonijiet tal-ogħla kwalità, li jiżviluppaw ideat oriġinali, jonoraw id-diversità u jistabbilixxu relazzjonijiet ma’ artisti u mużewijiet globali.
Flimkien mal-esebizzjoni ta’ Joana Vasconcelos, li riċentament ġiet ikkummissjonata biex tfassal l-istejġ għal Chrisitan Dior waqt il-Paris Fashion Week 2023-2024, esebizzjonijiet oħra futuri se jesebixxu xogħlijiet ta’ Milton Avery u Reggie Burrows Hedges. Xogħlijiet ta’ Avery, pittur Modernista u kulurista ewlieni li influwenza artisti passati bħal Barnett Newman u Mark Rothko, se jiġu eżebiti flimkiet ma’ xogħlijiet oħra ta’ grupp ta’ artisti kontemporanji, li ntgħażlu b’reqqa mill-MICAS, u li għadhom jiġu ispirati mill-approċċ tiegħu lejn l-arti. Min-naħa tiegħu, il-pittur Reggie Burrows Hodges se jippreżenta esebizzjoni ġdida ta’ xogħol artistiku, b’ħafna minnu maħluq speċifikament għal dan il-mużew.
“Inħossuna kburin li l-programm tagħna jistabbilixxi identità għal dan il-mużew kontemporanju fix-xena ppakkjata tal-arti globali waqt li wkoll jikkonferma mill-ġdid l-indipendenza artistika tagħna,” stqarret Phyllis Muscat, il-Kap Eżekuttiv u l-President tal-bord tal-MICAS. “Huwa dan li jaqta’ lill-MICAS minn organizzazzjonijiet kulturali oħrajn iffinanzjati mill-gvern u jdaħħalna f’paralleliżmu ma’ mużewijiet oħrajn internazzjonali mingħajr skop ta’ qligħ.”
PROGRAMM TA ESEBIZZJONIJIET 2024 – 2026
Joana Vasconcelos
Ottubru 2024 – Marza 2025
L-esebizzjoni tal-ftuħ tal-MICAS minn Joana Vasconcelos se tkun imlewna u eżuberanti, b’reżonanza u relevanza universali. Il-qalba tal-għażla tal-installazzjonijiet se tiffoka fuq id-domestiku u se tiġi ppreżentata flimkien ma’ tliet xogħlijiet ewlenin marbutin mal-element kontemplattiv tal-eżistenza umana – Tree of Life, The Garden of Eden and Valkyrie Mumbet. Il-preżentazzjoni ta’ dawn iż-żewġ settijiet ta’ xogħol flimkien se juru kif l-aspetti diffiċli tal-ħajja ta’ kuljum joħolqu xenqa u bżonn biex induru lejn l-elementi aktar spiritwali tan-natura tagħna biex fihom insibu żvog emozzjonali.
Bħal fix-xogħlijiet kollha ta’ Vasconcelos, il-politiki tal-ġeneru u l-kultura se jkunu evidenti – u l-materjalità tax-xogħol se jkollu wkoll irwol f’dan kollu. Permezz ta’ dawn ix-xogħlijiet, magħmulin mnn materjali ta’ kuljum mhux prezzjużi, ħafna drabi marbutin mad-domestiku, Vasconcelos toħloq xogħlijiet ta’ skala u sinifikanza monumentali.
“Huwa verament unur u privileġġ għalija li nkun l-ewwel artista li tippreżenta esebizzjoni li se tiftaħ il-MICAS, mhux biss minħabba l-programm inkredibbli ta’ arti li għandu, imma wkoll minħabba l-isfond storiku inkredibbli ta’ Malta u r-rabta tal-artisti femminili mat-tempji antiki u l-kultura kontemporanja. Inħossni verament sodifsatta li se nippreżenta din il-wirja mill-isbaħ f’Malta fil-ħarifa,” stqarret Vasconcelos. “Għal din l-esebizzjoni, se nippreżenta assemblaġġ ta’ oġġetti tiegħi, rappreżentattivi tal-aħħar xogħlijieti bħal Tree of Life, Valky Mumbet u The Garden of Eden, li huma settijiet straordinarji u uniċi, li flimkien se joħoloqu mument maġiku lill-viżitaturi kollha ta’ din l-esebizzjoni u mużew.
L-artisti internazzjonali kollha li jaħdmu mal-MICAS jintalbu jippromwovu lil Malta u l-kultura tagħha bħala mod kif jersqu lejn l-għażla u l-pożizzjonar ta’ xogħolhom fil-galleriji u l-kampus tal-mużew. Vasconcelos wieġbet għal din il-missjoni billi waqt li kienet qet tiżviluppa l-esebizzjoni flimkien mal-persunal tal-esebizzjonijiet tal-MICAS ħolqot rabta profonda ma’ Malta u l-istorja tagħha.
Bil-galleriji skavati u s-swar storiċi viżibbli bid-dawl naturali jgħaddi minn bejn l-ispazji, il-preżentazzjoni tax-xogħol ta’ Vasconcelos fil-bini l-ġdid se jkun ċelebrazzjoni ta’ tlestija ta’ proġett patrimonjali u l-arkitettura kontemporanja tiegħu.
Malta in Focus
Mejju 2025 – Awwissu 2025
Wara t-tgħammir tal-mużew intern fit-tliet sulari tal-galleriji, din l-esebizzjoni kkurata se tokkupa l-ispazji kollha tal-galleriji u se jkun fiha x-xogħlijiet tal-artisti kontemporanji bbażati f’Malta ewlenin.
Din l-esebizzjoni, se jkollha xogħlijiet magħżulin u installati skont il-kunċett ta’ spazju immaġinat, u se tinkludi artisti minn firxa ta’ ġenerazzjonijiet u media differenti u se turi l-profondità u l-għana tal-prattika kontemporanja f’Malta. Simultanjament, se timmarka l-bidu ta’ kontinwità ta’ esebizzjonijiet fi ħdan il-programm li jesploraw u jservu ta’ vetrina għall-arti bbażata f’Malta f’kuntest globali.
Fost l-artisti f’din l-ewwel esebizzjoni se jkun hemm Caesar Attard, Austin Camilleri, Joyce Camilleri, Anton Grech, Pierre Portelli u Vince Briffa.
Malta in Focus tintroduċi faxxa ta’ programm, li se tkun manifestazzjoni tal-impenn tal-MICAS biex tiċċelebra l-arti Maltija fl-ogħla forma tagħha, itellagħha fuq stejġ internazzjonali u tikkontestwalizzaha fi ħdan il-programm sħiħ ta’ esebizzjonijiet.
Milton Avery and his Influence on Contemporary Art
Ottubru 2025 – Jannar 2026
Milton Avery huwa meqjus bħala wieħed mill-akbar artisti Amerikani li jużaw l-ilwien tas-seklu għoxrin; artiklu partikolari dwaru fin-New York Times stqarr: “Huwa Matisse biss, li ovvjament Avery midjun miegħu – li kiseb aktar minnu f’dan ir-rigward.” Il-karriera ta’ Avery inzertat bejn żewġ movimenti, l-Impressjoniżmu Amerikan u l-Espressjoniżmu Astratt – b’xogħlu dejjem ixaqleb aktar lejn ilwien f’armonija u forom issimplifikati. Dawn il-kwalitajiet kienu magħrufin bħala sors ta’ ispirazzjoni għal ġenerazzjoni aktar żagħżugħa ta’ pitturi matul ħajtu, fosthom Mark Rothko, Barnet Newman u Adolph Gottlieb.
Din l-esebizzjoni se tokkupa l-ispazju kollu tal-galleriji, u se tinterroga l-pożizzjoni persistenti ta’ Avery bħala “artist tal-artisti”, deskrizzjoni li ngħatatlu mill-istoriku tal-arti Amerikan, Dore Ashton. Għall-ewwel darba, survey ta’ pitturi ta’ Avery minn deċennji differenti tal-karriera tiegħu se jintwerew flimkien ma’ xogħlijiet ta’ artisti kontemporanji rinomati fosthom Harold Ancart, March Avery, Gary Hume u Nicolas Party, li kollha hemm huma ġew influwenzati mill-kompożizzjonijiet ta’ Avery u l-approċċ uniku tiegħu lejn l-ilwien. Din il-kombinazzjoni ta’ artisti se tkun studju affaxxinanti ta’ kif l-arti kontemporanja għadha b’għeruqha fil-Moderniżmu u tintroduċi l-impenn regolari tal-mużew biex jeżamina l-istorja tal-arti u r-rabta tagħha mal-prattika kontemporanja.
Il-MICAS huwa sodisfatt ħafna li qed iwassal dan il-proġett f’Malta f’kollaborazzjoni mal-Milton and Sally Avery Arts Foundation.
Reggie Burrows Hodges
Frar 2026 – Ġunju 2026
Wieħed mis-sisien tal-programm tal-MICAS huwa l-preżentazzjoni ta’ xogħlijiet ta’ artisti globali li kisbu rikonoxximent għall-approċċ uniku tagħhom lejn il-ħolqien tal-arti. Il-pittur Afrikan-Amerikan Reggie Burrows Hodges (m. 1965, Compton, California) isegwi narrattiva viżiva qawwija f’xogħlijietu, li tesplora mistoqsijiet dwar l-identità, il-komunità u l-memorja.
Din l-esebizzjoni individwali, li se testendi ruħha madwar is-sulari kollha tal-galleriji, se tinkludi pitturi riċenti li juru t-teknika unika ta’ Hodges kif iħaddem sfond iswed fuq it-tili tiegħu u wara jiżviluppa x-xena madwar il-figuri tiegħu b’daqqiet ħfief u artistiċi. Hija teknika li tilgħab b’mod konxju bil-perċezzjonijiet billi tnaqqas il-fokalizzazzjoni fuq il-figura umana, li essenzjalment hija ffurmata mill-ispazju negattiv fi ħdan il-kompożizzjoni; prattika li taċċenta l-ambjent li l-figuri jinsabu fih minflok lill-figuri nfushom.
L-istudju bikri ta’ Hodges fil-prestazzjoni u l-film iġib miegħu sens ta’ palk fil-kompożizzjonijiet tiegħu, li flimkien mat-tenerezza fiż-żebgħa tiegħu, tiżgura sottilezza fl-approċċ lejn l-indirizz tat-temi universali ibsin tal-eżistenza li huwa jesplora.
Matul is-snin li ġejjin, Reggie Burrows Hodges se jkollu diversi esebizzjonijiet f’mużewijiet importanti madwar l-Istati Uniti, u għalhekk il-MICAS huwa sodisfatt ħafna li impenjah f’dan iż-żmien biex jiżviluppa u jippreżenta esebizzjoni ġdida speċifika għall-mużew tiegħu.
Esebizzjoni ta’ Diversi Artisti Tesplora l-Pożizzjoni Ġeografika ta’ Malta
Minn Lulju tal-2026 sa Settembru tal-2026
Il-premessa ta’ din l-esebizzjoni, li għadha qed tiġi żviluppata, hija li teżamina l-istorja kulturali rikka u unika ta’ Malta kif ukoll il-pożizzjoni ġeografika tagħha mill-perspettiva tal-arti kontemporanja. Għal diversi sekli, Malta kienet punt ta’ waqfien bejn l-Afrika, l-Ażja u l-Ewropa, u r-rabta tagħha fit-tul ma’ dawn it-tliet kontinenti wasslet għal ħafna stejjer mir-reġjun Mediterranju jitwaħħdu fuq dawn il-gżejjer, bl-impatt tagħhom jibqa’ jidwi fil-kultura kontempranja tal-lum. Din l-esebizzjoni ta’ grupp ta’ artisti se tfittex li tesplora dawn l-istejjer komuni madwar tema u se tgħaqqad flimkien xogħlijiet minn għażla ta’ artisti minn Malta, il-pajjiżi ġirien tagħha u l-kontinenti li jinsabu mal-fruntiera tal-Mediterran – li ħafna minnhom kellhom rwol sinfikanti fl-istorja għanja ta’ Malta.
Programm Addizzjonali ta’ Esebizzjonijiet lil hinn mill-Galleriji Ewlenin
Il-kampus espansiv tal-MICAS se joffri ħafna opportunitajiet għall-programmazzjoni ta’ wiri ta’ skulturi madwar l-imkejjen tiegħu u se jipprovdi wkoll spazju għall-kollezzjoni permanenti tiegħu. Minbarra l-ġnien tal-iskultura bil-pajsaġġi tiegħu, li għandu jinfetaħ fl-2026, hemm spazju kbir ekoloġiku li jwassal mid-dħul sal-galleriji, u huwa mfassal għall-wiri ta’ skultura. L-iswar tal-fortifikazzjonijiet li jagħtu fuq il-port u l-kmamar taħtu joffru spazji addizzjonali għall-wiri tal-arti, li bħalissa x-xogħol tal-iskultur Brittaniku Conrad Shawcross jinsab fihom.
Matul l-esebizzjonijiet fi wħud mill-galleriji ewlenin se jkun hemm okkażjonijiet biex jiġu pprogrammati aktar wirjiet ta’ arti fi wħud mill-ispazji separati tal-galleriji.
Ray Pitrè
Novembru 2024
Biex niċċelebraw l-inawgurazzjoni ta’ skultura ewlenija li għadha kif ġiet ikkummissjonata lill-artist Malti rinomant Ray Pitre (m. Malta, 1940), qed nippjanaw wirja ta’ pitturi u skultura iżgħar ta’ Pitrè relatata ma’ din l-iskultura fil-miftuħ, fir-raba’ sular tal-mużew. Aċċess għal dan ix-xogħol se jkun b’xejn. L-iskultura kbira se tkun eżebita b’mod permanenti fil-kampus fuq barra u se tkun parti mill-kollezzjoni permanenti tal-MICAS.
Ix-xogħol ta’ Pitrè huwa msejjes fil-memorja awtobijografika u ċ-ċaqliq ta’ ġeografiji personali li huwa esplora permezz ta’ għadd kbir ta’ media u ġeneri. Xogħlu ġie eżebit b’mod estensiv internazzjonalment u rrappreżenta lill-Malta fil-Biennali ta’ Venezja tal-1999.
It-Triq għall-Ftuħ
Matul dawn ix-xhur ta’ qabel il-ftuħ uffiċjali tiegħu f’Ottubru tal-2024, il-MICAS diġà beda jorganizza wirjiet f’diversi mkejjen miftuħin madwar il-Belt Valletta ta’ artisti bħal Conrad Shawcross, Ugo Rondinone, Pierre Huyghe, Cristina Iglesias u Michele Oka Doner. F’Novembru, ma’ dawn se jingħaqad xogħol ikkummissjonat lill-artist Malti Ray Pitrè li se jiġi installat u mikxuf għall-ewwel darba fil-kampus tal-mużew. Xi wħud mix-xogħlijiet huma bħalissa miftuħin għal wiri lill-pubbliku permezz ta’ appuntament.
Il-Bord tal-MICAS u l-Kumitat Internazzjonali
Flimkien mal-Kap Eżekuttiv u l-President tal-bord, Phyllis Muscat, il-MICAS huwa appoġġjat mid-Direttur Artistiku Edith Devaney.
Il-membri tal-bord huma Francis Sultana, Dr Georgina Portelli u Dr Claire Cassar; Gabriella Agius, Martin Scicluna, Patrick Camilleri; u l-president u membru tal-Kumitat Internazzjonali Waqas Wajahat, kollezzjonist, kuratur, u negozjant tal-arti li jaħdem mill-qrib ma’ mużewijiet fl-organizzazzjoni ta’ esebizzjonijiet; u Timothy Rub, il-George D. Widener Direttur Emeritu tal-Philadelphia Museum of Art.
Il-MICAS huwa proġett ta’ legat infrastrutturali mill-Gvern ta’ Malta għas-settur tal-Kultura u l-Arti, u huwa ffinanzjat parzjalment mill-Unjoni Ewropea permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali bħala parti mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej 2014-2020.
Għal aktar informazzjoni tista’ żżur is-sitweb www.micas.art u @micasmalta fuq l-Instagram biex issegwi l-vjaġġ tal-MICAS sal-ftuħ tiegħu.
Il-MICAS irid isaħħaħ l-infrastruttura kulturali ta’ Malta billi jipprovdi pjattaforma għall-arti kontemporanja u l-internazzjonalizzazzjoni. Malta se tkun qed tieħu pass
importanti ’l quddiem meta jiġi varat dan l-ispazju, u se ssir protagonista proattiva tad-dinja tal-arti kontemporanja. Il-MICAS għandu l-għan li jippromwovi l-arti kontemporanja billi jqajjem kuxjenza pubblika dwar is-sinifikat tal-arti viżwali fil-ħajja kontemporanja, u billi jpoġġi fuq quddiem nett il-mod kif l-arti u l-artisti jikkontribwixxu għal kif niżnu u ninterpretaw id-dinja li ngħixu fiha. Il-MICAS huwa proġett ta’ legat infrastrutturali mill-Gvern ta’ Malta għas-settur tal-Kultura u l-Arti li se jsir possibbli permezz ta’ restawr ta’ fortifikazzjonijiet storiċi ffinanzjat mill-istat. Dan il-proġett huwa ffinanzjat parzjalment mill-Unjoni Ewropea permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali bħala parti mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej 2014-2020.