Kelliema lokali u internazzjonali ġejjin mill-akkademja, diversi dixxiplini kreattivi, periti u esperti fl-ekoloġija applikata ipparteċipaw fit-tieni edizzjoni tal-Konferenza Edukattiva tal-MICAS, is-Sibt filgħodu fil-Mużew Nazzjonali għall-Arkeoloġija fil-Belt Valletta. Din il-konferenza, li kienet organizzata mit-Taqsima Programmatika tal-MICAS għall-Edukazzjoni u l-Komunità, tat l-opportunità lill-pubbliku li attenda jesplora l-isfidi tal-urbanizazzjoni densa u r-rwol tal-ispazju tal-ġnien urban bħala ħolqa li tista’ tgħaqqad in-natura mal-biodiversità tal-ibliet.
Iċ-Chairperson tal-MICAS, Phyllis Muscat, saħqet li hija r-responsabbiltà tal-MICAS, bħala organizzazzjoni kulturali pubblika u pjattaforma internazzjonali, li tiffaċilita l-parteċipazzjoni u twessa’ d-diskussjoni dwar sfidi tal-kultura kontemporanja permezz ta’ skambju ta’ għarfien u l-involviment tal-pubbliku. “L-iskop ta’ dawn il- konferenzi huwa li jixprunaw diskussjoni pubblika dwar dawk il-kwistjonijiet li huma rilevanti għas-soċjetà u għall-arti kontemporanja” qalet Muscat.
Il-Professur tal-Arkitettura u l-Urbaniżmu, CJ Lim, ta preżentazzjoni fuq ‘Ir-Romantiċiżmu u r-Reżiljenza: Pajsaġġi tal-Immaġinazzjoni’ li esplorat il-mod kif prattiċi ambjentali u kulturali jikkodifikaw il-poetika tar- reżiljenza, li għandha l-għan li tipproġetta dinja idealizzata li l-bniedem huwa kemm imbiegħed u fl-istess ħin organikament konness magħha. Permezz ta’ diversi eżempji storiċi u kurrenti ta’ kif in-natura ġiet integrata mal-arkitettura, Professur Lim sostna li għandha tittieħed kull tip ta’ inizjattiva fl-arkitettura sabiex din tħaddan u tikkollabora mal-ambjent tal-madwar. “Għandna bżonn nesploraw in-natura, nieħdu vantaġġ ta’ dak li tipprovdi n-natura u nintegrawha fl-ispazji urbani. Irridu nikkunsidraw il-valur miżjud ta’ dan l-eżerċizzju f’ kull skema, għaliex meta tikkunsidra n-natura u tqisha bħala attur ewlieni fl-istrateġija reżiljenti tiegħek, tgawdi mill-valur miżjud.”
Preżentazzjoni oħra, mogħtija mill-lettur anzjan tal-MCAST, Dr Mario Balzan, iffokat fuq ‘L-Ippjanar ta’ soluzzjonijiet effettivi u multifunzjonali bbażati fuq in-natura: għarfien miġbur minn każijiet f’ Malta’. Permezz tal-preżentazzjoni ta’ studji dwar każijiet Maltin, huwa analizza l-użu tal-valutazzjonijiet tas-servizzi tal- ekosistema urbana li jistgħu iwasslu sabiex ikunu pprijoritizzati soluzzjonijiet ibbażati fin-natura. Huwa tkellem ukoll dwar l-ostakli u għajnuniet disponibbli biex dawn is-soluzzjonijiet jiġu integrati fit-teħid tad- deċiżjonijiet. Permezz tal-każijiet Maltin, huwa ta eżempji ta’ kollaborazzjonijiet riċenti li ndirizzaw nuqqasijiet fl-għarfien u l-prattiċi lokali, fejn id f’id mal-komunitajiet instabu soluzzjonijiet ibbażati fin-natura.
Dawn l-ideat flimkien ma’ kontribuzzjonijiet oħra u eżempji ta’ kif il-binja tal-MICAS se tgħaqqad l-abitat storiku u naturali tas-sit fid-disinn infrastrutturali modern tagħha, kienu diskussi mill-kelliema Georgina Portelli, Andrew Darragh, Anton Grech, Elisabeth Conrad, Stephen Saliba u CJ Lim f’ panel interattiv mal- pubbliku preżenti.
Il-konferenza ġiet fi tmiemha b’ diskors tal-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, li enfasizza fuq l-impenn tal-Gvern li tissaħħaħ l-urbanizzazzjoni b’mod sostenibbli permezz tal-użu ta’ soluzzjonijiet ibbażati fin-natura, li jistgħu jistimulaw it-tkabbir ekonomiku kif ukoll iwasslu għal titjib sinifikanti fl-ambjent ta’ madwarna. “Dan se jagħmel l-ibliet tagħna aktar attraenti u fl-istess ħin itejjeb il- benessri taċ-ċittadini tagħna,” qal Bonnici. Il-Ministru spjega li l-Gvern qiegħed jimplimenta din il-viżjoni permezz tal-użu tal-binjiet storiċi għall-skopijiet ġodda u permezz tal-iżvilupp ta’ infrastruttura ħadra. Huwa nnota li l-proġett ta’ MICAS jinkorpora din il-viżjoni u dan l-impenn. “L-użu mill-ġdid tas-sit stroriku tal- Ospizio u l-iżvilupp tal-Ġnien tal-Iskulturi u galleriji l-ġodda se jagħtu lura madwar 7,000m2 għall-użu tal- pubbliku,” temm jgħid.
Din l-attività ittellat bl-appoġġ tal–Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ERDF) u Heritage Malta.
Ritratt ħajr lil Lourdes Photography
Operational Programme I – European Structural and Investment Funds 2014-2020 “Fostering a competitive and sustainable economy to meet our challenges”. Project may be part-financed by the European Regional Development Fund Co-financing rate: 80% European Union Funds; 20% National Funds.
Operational Programme I – European Structural and Investment Funds 2014-2020 “Fostering a competitive and sustainable economy to meet our challenges”. Project may be part-financed by the European Regional Development Fund Co-financing rate: 80% European Union Funds; 20% National Funds.
© Malta International Contemporary Art Space 2023