Stqarrija mill-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali u s-Segretarjat Parlamentari għall-Fondi Ewropej: Xogħol ta’ Restawr u Kostruzzjoni għall-Galleriji MICAS

3 ta’ Lulju 2020

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi żaru l-proġett tal-MICAS ġewwa l-Furjana, fejn bħalissa għaddej xogħol ta’ restawr u kostruzzjoni. MICAS ser jara t-trasformazzjoni ta’ fortifikazzjonijiet ikoniċi f’galleriji tal-arti kontemporanji. Il-proġett ser jiswa madwar €24m, fejn €7.6m huma fondi tal-UE, u ser jitlesta fl-2022.

Il-Ministru Herrera spjega li kienet ittieħdet deċiżjoni sabiex dan is-sit li kien abbandunat jiġi restawrat u jingħata skop. Għaldaqstant, ġiet stabbilita Aġenzija sabiex tieħu ħsieb dan il-proġett u eventwalment ser tkun qed timmaniġġja l-galleriji. Qal li sa issa tlestew 85% tax-xogħol ta’ restawr fil-proġett tal-MICAS, fejn hemm total ta’ elf metru ta’ swar. Huwa saħaq li dan il-proġett huwa indispensabbli, kemm għall-arti kreattiva, għall-preservazzjoni tal-patrimonju tagħna, għat-turiżmu, kif ukoll għan-nazzjon.

Dan il-proġett ser jinkludi wkoll ġonna bi skulturi fuq barra, spazji għar-riċerka, spazji għall-artisti fi programmi ta’ residenza, użi kulturali oħra, kif ukoll ser jinkludi aspetti kummerċjali. Għaldaqstant, ser joffri pjattaforma tant mistennija mill-komunità artistika Maltija.

Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi stqarr li dan il-proġett li huwa kofinanzjat minn fondi Ewropej se joħloq spazju għall-arti kontemporanja f’Malta. Huwa qal li dan beda mir-restawr ta’ fortifikazzjoni li kienet abbandunata biex ġew preservati l-istrutturi, iżda issa x-xogħol miexi biex tinħoloq pjattaforma kulturali li tippromwovi arti kontemporanja. Is-Segretarju Parlamentari kkonkluda billi qal li, apparti r-riġenerazzjoni ta’ post storiku Malti, dan il-proġett se  jsaħħaħ l-infrastruttura tal-kultura Maltija.​

Ic-Chairperson ta’ MICAS Phyllis Muscat spjegat li x-xogħlijiet fuq is-sit bdew fl-2016, u li l-galleriji mistennija jkunu kompluti fl-2022. Hija tkellmet fuq kif dan is-sit spettakolari se joffri spazju lill-artisti Maltin u internazzjonali sabiex jeżebixxu l-arti tagħhom. “MICAS huwa l-ewwel spazju nazzjonali ddedikat purament għall-arti kontemporanja f’pajjiżna, kuntenti li permezz ta’ dan il-proġett se nagħtu ħajja kontemporanja lill-bini storiku.”​

Sign up for
our Newsletter

No spam included.